Illum previous editions

illum 23 July 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/852415

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 23 ta' Lulju 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Ieqfu kerrhu lil Malta tagħna L -ispazju. Il-vojt tal-ispazju. Xi kultant jidher illi dan il-poplu u dan il-pajjiż jibża' mill-vojt tal-ispazju miuħ, jew inkella ma japprezzahx biżżejjed. L-ispazju donnu qiegħed hemm biex jimtela' biex jinbena jew biex b'xi mod nagħmlu prott minnu. Bajja mrammla, sabiħa u vojta, lesta biex tilqa' lill-familji, tfal żgħażagħ u għawwiema fl-istaġun tas-sajf? U ma tarax, imlieha bid-deckchairs u l-umbrelel u iktar kemm titfa' deckchairs, aktar tagħmel profitti. U qabbad lil xi student jew lil xi ħadd li tħallsu biċ-ċiċri u kun ċert li kull nemusa li tersaq lejn il-bajja toffrilha deckchair qabel ma ssorġi. U jekk ma taċettax, uriha fejn għandha ssorġi fil-ftit vojt li jkun tħalla. Kull ċentimetru jiswa l-flus. Kienet verament koinċindenza li eżatt kif kien qed jinkiteb dan l-editorjal ilbieraħ niżlu l-Pulizija l-Armier u battlu l-bajja minn kemm Alla ħalaq deckchairs u umbrelel, li għandna nifhmu illi ġew konfiskati għax mhux suppost kienu hemm biex tibda. U hekk sewwa u xieraq! Dan b'liema dritt persuna, hi min hi, tinżel f 'post pubbliku, hu fejn hu, u tiddeċiedi unilateralment illi tbiddel spazju pubbliku f 'wieħed privat? U, iktar minn hekk, li mill-istess art pubblika li qed tokkupa tagħmel il-profitt. Mhux hekk hux! Għax aħna ħobbla u tredda rriduha! U ara min ikellimna, għax inkella mmorru fuq xi politiku mingħajr spina u bla prinċipju, nhedduh bil-vot u dan naturalment jagħlaq għajnejh. U ġeneralment din il-mentalità bażwija hija ġustifikata bil-frażi, 'u iva billi ħadt erba' ċentimetri mill-bajja/għalqa/art, mur ara.' Naturalment din il- mentalità hija proprjament dak li wassal biex sar sfreġju fil-Blue Lagoon. Post illi fih isir ritwal ta' kull sena ta' mijiet ta' nies ġo xulxin, fuq xulxin, iħokku ma' xulxin u jirfsu fuq xulxin kollha jipprovaw igawdu mill-ġmiel ta' wieħed mill-postijiet li jista', potenzjalment, jagħmilna fost l-isbaħ pajjiż fl-Ewropa. Imma ma tarax. Rajna l-ispazju. Ridna nagħmlu l-profitt minn dak l-ispazju. Mela itfa' biżżejjed deckchairs għal 100 persuna fejn hemm spazju biss għal 10, iftaħ kemm Alla ħalaq gabbani jbigħu (mhux ikel Malti, ma tarax jaqq!) imma xi burger u min ma jridx iħallas biex iħossu sardina ġo landa jista' jibqa' d-dar. Bajja sabiħa? Itfa' dak il-karavan, ifrex dak it- tapit quddiem il-karavan, ikteb 'don't pass' jew 'don't touch' u daqshekk il-bajja pubblika saret bitħa privata tiegħek. U mela Ġuż! Mela mmur noqgħod nieħu loan mill-bank u niddejjen biex nixtri post quddiem il- baħar? Malta mhux hekk? Min ħ**a mexa! U din il-mentalità tmur oltrè mill-bajjiet u mill- karavans. Naraw naqra spazju u minflok ingawduh u nieħdu pjaċir bih, nistaqsu; kif se nibnuh? Kif se nagħmlu l-flus minnu? Ħarsu madwarkom. Krejnijiet hawn, krejnijiet hemm, binjiet ġodda hawn, binjiet ġodda hemm (insomma flats u flats u flats) u kieku pjan wieħed, li hu wieħed biex nagħmlu ġnien xi mkien, biex niżirgħu s-siġar jew biex nagħmlu spazju li fih il- familji jsibu l-kwiet u l-paċi u d-dell frisk li kapaċi biss jagħtu s-siġar. Ma tarax! Mela s-siġar jimlewlek il-but? U kulħadd jibni u kulħadd jiekol mill-ftit art li għad fadlilna, u fejn ma jinbeniex nimlewh bil- karavan u fejn ma jistax jinbena għax ODZ nitfgħu xi saqqu jew xi gradenza, jew xi turrun terrapien. U issa għax l-art qed tispiċċa, issa rridu nibnu fuq il- baħar ukoll, biex inkunu bħal Dubai, għax mhux xieraq li Malta tkun qisha Malta. Konna nistagħġbu u għamilna kampanji sħaħ nitkażaw bil-kaċċaturi u nassaba għax kienu jieħdu art pubblika biex jonsbu, u hekk sewwa u xieraq tassew. Imma issa m'għandniex nieqfu hemm! Inkunu ipokriti jekk ma nurux l-istess orgolju għal artna u għall-ispazji miftuħa tagħna, li qed jittieklu minn min jara butu biss, minn politiċi egoisti u minn dawk li minkejja li kbar fl-età m'għandhomx il-maturità, l-profodità fil-ħsieb li kapaċi japprezzaw il-wirt naturali. Ejja nieqfu nkerrhu lill- pajjiżna, din l-art suppost ħelwa. Ejja nieqfu nkissru dak li Alla, li tant nemmnu fih, selfilna. Għax għada jaf ikun tard wisq. Editur: Albert Gauci Cunningham 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 July 2017