Illum previous editions

ILLUM 1 JULY 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1000340

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 31

5 Il-Ħadd 01 ta' Lulju 2018 | illum Aħbarijiet Minn Albert Gauci Cunningham DIN il-ġimgħa kompliet tkun iddominata mill-kwistjoni tal- immigrazzjoni. Battibekki, dgħajjes u l-liġijiet kienu fuq fomm il-klassi politika u anke l-midja, hekk kif bħalissa u probabilment għaż-żmien li ġej il-Baħar Mediterran se jibqa' jesperjenza immigranti li jitilqu mill-Afrika fi triqithom għal ħajja aħjar fl-Ewropa. Imma l-liġi Ewropea x'tgħid eżatt? Ħafna fuq il-midja soċjali ġeneralment jilqgħu aħbarijiet ta' immigranti bl- espressjoni issa popolari 'go back to your country'. Imma nistgħu nibagħtuhom minn fejn ġew jew le? X'jgħidu l-liġijiet li aħna rridu nobdu għax aħna membri tal-Unjoni Ewropea? U finalment ir-regolamenti Ewropej x'jgħidu dwar mekkaniżmi ta' solidarjetà? Jekk ma kontx taf x'tgħid il- Liġi tal-UE, hawn hija spjega qasira fil-forma ta' mistoqsija u tweġiba. X'inhu l-għan ta' sorveljanza mal-fruntieri? Il-Liġi Ewropea tgħid li s-sorveljanza minn pajjiżi differenti fl-UE ssir biex tevita milli jkun hemm min jaqsam il-fruntiera b'mod illegali, biex tevita l-kriminalità jew inkella biex tieħu dawk il-miżuri li hemm bżonn biex jitnaqqsu l-attentati ta' nies li jaqsmu l-fruntieri kontra l-liġi. X'tgħid il-politika tal-UE tal- immaniġġjar tal-fruntieri, ażil u immigrazzjoni dwar is-solidarjetà bejn Stati Membri? Is-solidarjetà hija kwistjoni li pajjiżi bħall-Italja u Malta sikwit iqajmu. Il-politika tal-UE hija ċara. L-UE tgħid li l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli għandha ssir "bil-prinċipju ta' solidarjetà u qsim ġust ta' responsabilità bejn Stati Membri." U x'kienu qablu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew? Fir-regolazzjoni (656/2014) kien sar qbil li għandu jkun hemm promozzjoni tal- kunċett tal-'burden sharing'. Minkejja dan, ir-regolazzjoni tagħmilha ċara li dan il-qsim tar-responsabilitajiet għandu jsir fuq bażi 'volontarja'. Dan ifisser li l-ebda pajjiż mhu obbligat, legalment, biex jieħu immigranti. Minnu nnifsu dan il-fatt qatel ħafna mill-effett li qatt seta' jew jista' jkollu mekkaniżmu ta' 'burden sharing'. X'tgħid l-UE dwar l-operazzjonijiet ta' kontrolli tal-fruntieri u pajjiżi terzi? Ir-regolament jgħid ċar illi għandu jkun hemm koperazzjoni sħiħa ma' pajjiżi terzi (fil-każ tagħna l-Libja, it-Tuneżija...) biex ikun miġġieled it-traffikar tan-nies mill-fruntieri u/jew kosti. X'liġijiet u obbligazzjonijiet irid josserva pajjiż membru tal-UE? Hemm bosta. Waqt is- sorveljanza tal-fruntieri/ kosta Stat Membru bħal Malta jrid jirrispetta l-Liġi tal-Baħar tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni għas- Sigurtà tal-Ħajja fil-Baħar, il- Konvenzjoni Internazzjonali tat-Tfittxija u Salvataġġ u diversi konvenzjonijiet oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti. Imma nistgħu nagħmlu pushback jew le? Pushback. Ħafna persuni fuq il-midja soċjali jirreaġixxu għal stejjer dwar l-immigrazzjoni billi jgħidu li għandna nibagħtuhom lura minn fejn ġew. Jiġifieri jekk ġew mil-Libja nibagħtuhom lura hemmhekk. Imma nistgħu? Le. Ir-regolamenti jgħidu b'mod ċar illi kull miżura fl-operazzjoni ta' sorveljanza għandha tkun "proporzjonata, mhux diskriminatorja u għandha tirrispetta d-dinjità umana u d-drittijiet tar-refuġajti u dawk li qed ifittxu l-ażil, li jinkludi l-prinċipju li persuna ma tintbagħatx lura minn fejn ġiet mingħajr ma tingħata d-dritt li tgħaddi mill-proċess kollu ta' applikazzjon għall-ażil jew talba għall-protezzjoni (non- refoulment). Jekk immigrant jiġi l-Ewropa jfittex protezzjoni għax huwa gay, anke jekk f 'pajjiżu m'hemmx inkwiet, nistgħu nibagħtuh lura? Le ma nistgħux. Fil-fatt l-istess regolamentazzjoni tgħid illi l-ebda persuna m'għandha tingħata lura lil pajjiż fejn "hemm riskju serju li tkun suġġetta għall- piena tal-mewt, tortura, persekuzzjoni... jew fejn il-ħajja jew il-libertà tagħha tkun mhedda minħabba kwistjoni ta' razza, reliġjon, nazzjonalità, orjentazzjoni sesswali jew opinjoni politika." Imma jekk Malta tagħmel arranġament mal-Libja (pereżempju) biex tibgħat immigranti lura, l-UE x'tindaħal? Tindaħal. Għax ladarba daħlu Malta l-immigranti, ikunu daħlu f 'territorju tal- UE. Ir-regolamenti jgħidu b'mod ċar li "l-eżistenza ta' arranġament bejn Stat Membru u pajjiż terz ma jneħħix l-obbligu tal-Istat Membru fir-rigward tal- prinċipju li ma tibgħatx immigranti lura mingħajr ma jkunu għaddew mill-proċess kollu ta' applikazzjoni ta' ażil. Hemm immigrant marid fuq dgħajsa li mhux fl-obbligu ta' pajjiżna li jdaħħal. Mela għaliex xorta nagħtu għajnuna? Apparti l-aspett purament uman, ir-Regolament approvat mill-Kunsill Ewropew tgħid li skont il- Liġi Internazzjonali "kull stat irid jara li... jagħti assistenza mingħajr dewmien lil persuni li jkunu fil-periklu li jintilfu u biex issalva lil dawk kollha li jkunu jinsabu f 'qagħda ħażina (distress)." Lil min se ngħinu l-ewwel? Lit-tfal, inkluż dawk li ma jkunux akkumpanjati, vittmi ta' traffikar tal-bniedem, dawk li għandhom bżonn assistenza medika, persuni b'diżabilità, dawk fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u oħrajn li jkunu f 'sitwazzjoni vulnerabbli. Imma kif se niddeċiedu min hu ġenwin u min le? Immigrant huwa meqjus bħala "f 'fażi inċerta" meta l-persuna jew id-dgħajsa jkunu nieqsa u/jew meta ma jaslux sal-pożizzjoni fejn kien mistenni li jasal. Meta jkun hemm informazzjoni li persuna jew bastiment jinsabu fil-periklu u fil-bżonn ta' assistenza immedjata. Ikunu wkoll ikkunsidrati fatturi oħrajn, bħal kemm id-dgħajsa li jkunu fuqha l-immigranti tkun kapaċi tbaħħar, il-preżenza possibbli ta' nies mejta, it-temp u l-kundizzjonijiet tal-baħar kif ukoll l-forniment ta' fjuwil, ilma u ikel. Kif niddeċiedu fejn għandhom jitniżżlu? U niġu għall-mistoqsija li tant tkellimna u tbaqbaqna mat-Taljani dwarha. Min għandu jieħu l-immigranti? Dawn ir-regolamenti jgħidu ċar u tond li l-immigranti għandhom jitniżżlu jew 1) – fil-kosta tal-pajjiż illi fiż-żona ta' Tfittxija u Salvataġġ tiegħu nstabet id-dgħajsa bl-immigranti 2) f 'każ ta' dgħajsa li tkun f 'parti mill-ibħra li ma taqa' taħt l-ebda ġurisdizzjoni, jekk ikun possibbli (jiġifieri dejjem sakemm il-pajjiż ikun sigur) jitniżżlu fil-pajjiż minn fejn telqu, inkella 3) l-Istat Membru responsabbli għaż- żona ta' Tiftix u Salvataġġ flimkien ma' Stati Membri oħrajn li jkunu qed jgħinu "jidentifikaw post sigur" fejn jitniżżlu l-immigranti. Jidher illi fil-każ ta' pajjiżna konna qed nadottaw in- numru 3 b'ħafna mill- immigranti jmorru l-Italja, sakemm inbidel il-Gvern Taljan. X'assistenza tagħti l-UE lil pajjiż bħal Malta? Skont dan ir-regolament li qed nħarsu lejh f 'dan l-artiklu pajjiż bħal Malta jista' jingħata għajnuna permezz ta' timijiet ta' kontrolli tal-fruntieri, assistenza fuq kwistjonijiet ta' koordinazzjoni bejn stati membri differenti u għajnuna permezz ta' uffiċċju tal-ażil. 'Ħuduhom lura'... imma nistgħu? Kważi kull dgħajsa bl-immigranti tintlaqa' bl-istess kliem 'morru lura minn fejn ġejtu'. Imma nistgħu nibagħtuhom lura jew le? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn x'tgħid il-liġi tal-UE...

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 JULY 2018