Illum previous editions

illum 15 July 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1004618

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

illum | Il-Ħadd 15 ta' Lulju 2018 S piss nitkellmu dwar l-andament ekonomiku tal-pajjiż u jsir ħafna ftaħir dwar is-surplus li għandna. Kif wieħed jirnexxilu jonfoq anqas milli jdaħħal ftit jinteressani hawn. Għalkemm għandi d-dubji tiegħi kemm verament is-surplus huwiex ir- riżultat ta' tbażwir fl-istatistika. Imma llum ser nitkellmu dwar surplus ieħor. Il-ġimgħa l-oħra, ir-Renju Unit iċċelebra s-sebgħin anniversarju minn mindu nieda n-National Health Scheme li permezz tagħha kull ċittadin għandu dritt għal kura medika b'xejn. Din l-iskema daħħalha l-mexxej kbir Laburista Clement Attlee li laħaq Prim Ministru ftit qabel it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Neputija ta' Attlee tkellmet din il-ġimgħa u stqarret illi din l-iskema daħlet sforz marda li kellha ommha. Attlee kellu r-riżorsi sabiex ifejjaq lit-tifla tiegħu imma rrealizza illi mhux kulħadd kien ikun jista'. U b'hekk ħareġ bl-idea ta' din l-iskema li pajjiżna adotta 25 sena wara. Illum kemm fir-Renju Unit kif ukoll f 'Malta u f 'pajjiżi oħra Ewropej, ħadd ma jikkontesta l-idea ta' skema nazzjonali tas-saħħa sabiex iċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal kura medika adekwata u bla ħlas. Ir-raġuni għal skemi bħal din hi s-sens ta' solidarjetà illi s-soċjetà trid turi mal-membri tagħha. Dawn il-ħsibijiet għaddew minn moħħi din il-ġimgħa kif għadha tħeġġeġ il-kontroversja dwar l-immigrazzjoni. Hi kontroversja f 'ħafna sens artifiċjali għall-aħħar. Għala qed ngħid hekk? Għaliex fl-ewwel lok in-numru ta' immigranti li qed jaqsmu din is-sena hu baxx, xi 95% anqas mill-2015. U għaliex fit-tieni lok, hu fatt li ma jista' jmerih ħadd illi l-ekonomija għandha bżonn l-immigranti għal bosta raġunijiet. Kulħadd jista' jara b'għajnejh kemm hawn immigranti Afrikani jaħdmu fl- ekonomija Maltija. Issibhom fi kwalunkwe lant tax-xogħol, ma' kwalunkwe kuntrattur u fi kwalunkwe proġett. Nażżarda ngħid illi l-ekonomija lokali tiddependi totalment fuq il-kontribut tal-ħaddiema immigranti Afrikani. Dan l-aħħar ġiet ippubblikatia statistika illi turi illi għalkemm fl-aħħar snin ftit waslu nies bid-dgħajjes f 'pajjiżna, id-domanda għall- ażil baqgħet stabbli fl-ammont, b'medja ta' 1,800 fis-sena. Minn fejn ġew dawn in-nies illi talbu ażil? Ma ġewx bid- dgħajsa imma x'aktarx daħlu bl-ajru jew bil-vapur. Tmur fuq kwalunkwe lant tax-xogħol u tiltaqa' ma' Afrikani, speċjalment mill- Ghana illi daħlu l-Italja, ingħataw dokument Taljan illi jippermettilhom jgħixu l-Italja imma spiċċaw f 'pajjiżna u f 'pajjiżi Ewropej oħra. Dak il-Maljan illi xxabbat ma' blokk appartamenti f 'Pariġi sabiex isalva tarbija kien ukoll l-ewwel daħal l-Italja. Biex ma nsemmux illi l-inkwiet li nqala' dan l-aħħar bejn l-alleati tradizzjonali Ġermaniżi tas-CDU u s-CSU li għal snin twal l-anqas kont tinduna li huma żewġ partiti differenti jirrigwarda appuntu dawk l-immigranti li jispiċċaw il-Ġermanja wara li jkunu l-ewwel daħlu f 'pajjiż Ewropew ieħor. Li kien qed jiġri hu ċar għal kulħadd. L-Italja kienet qed tilgħabha ta' kampjun umanitarju, tiġbor lil kull min jispiċċa bejn baħar u ilma fil- Mediterran, tagħtih dokument sabiex imbagħad ikun jista' jdabbar rasu fl-Ewropa. L-inċident meta frejgata Taljana daħlet Malta, ħattet il-mejtin u salpat bil-ħajjin għadu ċar f 'moħħi. Ħadd ma jaf x'arranġamenti kien hemm bejn Malta u l-Italja qabel il-wasla ta' Salvini. Imma ħadd ma jneħħili minn moħħi illi xi arranġament kien hemm, arranġament li kien konvenjenti għaż-żewġ naħat. Għax waqt illi l-Italja kienet qed tieħu l-krittu għall-impenn umanitarju tagħha, il-Gvern Malti ma kellux għalfejn jaffaċja kritika mill-popolazzjoni dejjem aktar ostili fil-konfront tal- immigrazzjoni. Altru tasal dgħajsa b'250 ruħ fuqha u altru jaslu tnejn, tlieta, erbgħa fuq titjira tar-Ryanair. Il-problema ta' dan l-arranġament hi illi dawn it-talin jispiċċaw jaħdmu bla ktieb ta' xogħol, bla protezzjoni u bla ma jħallsu bolla u taxxa. U l-pożizzjoni tagħhom diffiċli tiġi regolarizzata jekk l-awtoritajiet Maltin jimxu ma' Dublin III u jibagħtuhom lura l-Italja. Anke fl-Italja l-ekonomija tiddependi fuq il-ħidma tal-immigranti. Din hi pjuttost parodossali meta wieħed iqis il-qagħad fl-Italja, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Imma m'hemmx ristorant, m'hemmx lukanda, m'hemmx fabbrika, m'hemmx azjenda agrikola illi ma tħaddimx ħaddiema komunitarji. Xi ħadd jista' joġġezzjona u jgħid illi dawn qed jisirqu xogħol it-Taljani u li qed jiġu sfruttati. Il-ħlas għax-xogħol hu bħal kwalunkwe ħaġa oħra u jiddependi fuq ir-relazzjoni bejn provvista u domanda. Ir- realtà hi li hemm ħafna xogħol illi l-Ewropej b'mod ġenerali m'għadhomx interessati illi jagħmlu, irrispettivament mill-paga. Imma xi ħadd it-tadam u l-għeneb u l-frawli jrid jaqtagħu mill-għelieqi u kif qed jiskopru l-Ingliżi, mhux dejjem hemm biżżejjed Rumeni u Bulgari sabiex jagħmlu dan ix-xogħol. Id-diskors tal-ekonomista Tito Boeri (ħu l-famuż arkitett Stefano Boeri) qajjem ħafna furur fl-Italja. Boeri hu l-kap tal-Istituto Nazionale Previdenza Sociale. L-INPS tieħu ħsieb il-benesseri fl-Italja. Boeri qal illi sabiex jitħallsu l-pensjonijiet Taljani, jeħtieġ aktar immigranti, rimarki li ovvjament ma ntgħoġbux mill- bully Salvini. Imma din hi r-realtà illi l-politiċi responsabbli għandhom jgħidu lill-poplu. Min hu rresponsabbli u populista jisfrutta l-biżgħat irrazzjonali tal-poplu dwar il-fenomenu naturali tal-immigrazzjoni sabiex jakkwista l-voti. Imma min hu serju u jrid il-vera ġid tal- poplu, għandu jiftaħ għajnejn il-poplu għal dawn ir-realtajiet ġodda u jippreparahom għalihom. Boeri tkellem għab-bażi ta' studji xjentifiċi u mhux minn żniedu. U żgur kien influwenzat mill-fatt illi fl- Italja qed jitwieldu anqas minn nofs miljun tarbija fis-sena. Riċentement qrajt ukoll illi għaxar snin oħra, in-numru ta' studenti fl-iskejjel Taljani mistenni jonqos minn seba' għal sitt miljuni. Smajt lil Franco Mercieca jitkellem fuq ir-radju jistqarr illi bejn l-2000 u l-2014, in- numru ta' studenti f 'Għawdex niżel b'40%. Forsi fl-aħħar snin it-tendenza ġiet riversjata bl-influss ta' Maltin u barranin li qed jiġu f 'Għawdex. Imma t-tendenza hija ċara u dan mhux f 'Għawdex biss. Meta Merkel fl-2015 fetħet il-bibien għar-rifuġjati Sirjani u oħrajn u qalet il-famużi kliem "Kapaċi nagħmluha" ma kinetx motivata minn raġunijiet umanitarji biss. Kellha f 'moħħha wkoll il-ħtiġijiet tal-ekonomija formidabbli Ġermaniża għal manodopera illi r-rata tal- fertilità Ġermaniża mhux qed tipprovdi. Xi sentejn ilu l-ekonomista famuż Franċiż Thomas Picketty argumenta illi l-Ewropa kontinent ta' 500 miljun għandu bżonn u kapaċi jassorbi miljun immigrant fis-sena. Anzi jeħtieġ miljun immigrant fis-sena. U ftit ġimgħat ilu mijiet ta' ekonomisti u intellettwali fosthom Picketty appellaw għall-bidla radikali fl-Ewropa fil-politika dwar l-immigrazzjoni. Fl-isfond ta' dan kollu, il- politika Ewropea u dik Maltija dwar l-immigrazzjoni ma tagħmilx sens. U agħar minn hekk hija politika krudili, diżumana u mhux konsonanti mat-tradizzjoni ta' solidarjetà illi ppernjat il-politika tal- Ewropa ta' wara l-Gwerra u hi l-pedament illi fuqha hi mibnija l-UE. Kif wieħed jista' jiġġustifika d-deċiżjoni tal-Gvern Malti illi jagħlaq il-portijiet Maltin għall-vapuri u ajruplani tal- għaqdiet mhux governattivi fil-missjoni tagħhom illi jsalvaw dawk li jaħarbu mill-infern Libjan u jaqsmu l-Mediterran fuq xi karrakka tal-baħar? Min ħa din id- deċiżjoni għandu jirrealizza illi għandu demm in-nies fuq idejh għax qed iħalli mijiet jegħrqu jew isofru fil-Libja. Tajjeb li wieħed isaqsi jekk dan hux prezz aċċettabli sabiex wieħed ma jitlifx appoġġ elettorali minn minoranza voċifera, injoranta u irrazzjonali illi l-ebda partit politiku ma jrid jikkonfronta imma qed jipprova jipplaka? Paċenzja li noqogħdu nilagħbuha tal-orsijiet u nimxu mal-ittra stretta tal-liġi internazzjonali fir- rigward taż-żona SAR li hi sproporzjonata għall-kobor ta' pajjiżna, wirt l-era kolonjali u li tirrendilna somma ġmielha. Imma illi issa biex nisimgħu minn bully bla qalb Taljan inċaħħdu lil dawn l-għaqdiet mill-faċilitajiet tagħna sabiex isalvaw il-ħajja umana hija tassew manifestazzjoni ta' disumanità li tagħmlilna tassew għajb. Fi żmien meta ftit PR pożittiva tkun ferm utli għal Malta, il-Gvern Malti għażel illi jimxi fuq l-eżempju ta' kiesaħ illi f 'ħajtu m'għamel xejn ħlief ilablab fil- vojt. U jgawdi l-privileġġi ta' Ewroparlamentari mingħajr qatt ma ta l-ebda kontribut siewi. Barra s-surplus ekonomiku, pajjiż għandu jfittex li jkollu anke surplus ta' solidarjetà umana. Hawnhekk jidher ċar illi l-Gvern ta' Muscat qed jitlef l-isfida bil-kbir. U għax irid hu għandna defiċit kbir. Meta tara l-oppożizzjoni Nazzjonalista ftit jew wisq taqbel mal-linja tal-Gvern u ma tlissinx kelma ta' dissens, wieħed jirrealizza illi d-defiċit hu wieħed nazzjonali, fejn il-valuri ta' solidarjetà qed jintradmu mill-kilba għall- ġid materjali a skapitu ta' kull valur ieħor. Meta l-politika flok ma tipprova tikkoreġi u tikkontrolla l-istinti egoisti tal-elettorat, tispiċċa tibbaża ruħha fuq dawn l-istinti, tassew il-pajjiż ikun tilef il-boxla morali. U sfortunatament dan li qed jiġri minkejja l-flus u l-ġid li ħafna qed jagħmlu llum. 18 Opinjoni Meta tara l-oppożizzjoni Nazzjonalista ftit jew wisq taqbel mal-linja tal-Gvern u ma tlissinx kelma ta' dissens, wieħed jirrealizza illi d-defiċit hu wieħed nazzjonali, fejn il-valuri ta' solidarjetà qed jintradmu mill-kilba għall-ġid materjali a skapitu ta' kull valur ieħor Defiċit JOE ELLIS Min ħa din id-deċiżjoni għandu jirrealizza illi għandu demm in- nies fuq idejh għax qed iħalli mijiet jegħrqu jew isofru fil-Libja. Tajjeb li wieħed isaqsi jekk dan hux prezz aċċettabli sabiex wieħed ma jitlifx appoġġ elettorali

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 July 2018