Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1019060
7 Aħbarijiet ITTFAL huma rigal sabiħ, li sfortunatament mhux kulħadd jista' jkollu. Min ma jkollux tfal illum għandu iżda għażliet diversi, fost dawn, l-adozzjonijiet mill-pajjiż fejn tgħix jew inkella minn pajjiż ieħor. Il-ġimgħa l-oħra f 'rapport fuq gazzetta lokali tqajjem tħassib dwar l-adozzjonijiet mill-Indja u kemm dawn l-addozzjonijiet jistgħu jkunu marbutin ma' traffikar tat-tfal hekk kif id-domanda għal tfal Indjani qegħda dejjem tiżdied. Ifakkar fil-kxif ta' 'racket' wara rejd f 'ċentru tal-adozzjoni f 'Bengal kif ukoll statistika li turi illi kull sena madwar 150,000 tifel u tifla Indjani huma ttraffikati għall-iskjavitù, sfruttament sesswali u xibka ta' tallaba organizzati, f 'dan il-pajjiż iddominat mill-faqar. Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Aġenzija Tama, waħda mill-ħames aġenziji responsabbli mill-proċess ta' adozzjonijiet f 'pajjiżna, x'miżuri qed japplikaw biex jaċċertaw illi t-tfal li qed jingħataw għall-adozzjoni mhumiex frott ta' xi forma ta' abbuż u/jew traffikar. Kelliema għall-Aġenzija, bdiet billi fakkret illi la Aġenzija Tama u l-ebda aġenzija oħra ma tista' tiddeċiedi hi minn liema pajjiż ġenitur propsettiv jista' jadotta, dak huwa xogħol l-Awtorità Ċentrali tal- adozzjonijiet f 'pajjiżna. Hija assigurat lil din il-gazzetta illi l-Aġenzija taħdem biss ma' dawk il-pajjiżi illi din l-Awtorità Ċentrali fi ħdan il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali tapprova. Kompliet tassigura illi bħalma jiġri fil-każ ta' kull pajjiż ieħor, għall-Indja sar proċess ta' diliġenza dovuta mill-Awtorità Ċentrali tal- Adozzjonijiet f 'Malta u wara dan il-proċess ingħata l-permess lill-aġenziji kollha Maltin tal-adozzjoni biex jibdew l-adozzjonijiet ta' tfal Indjani minn ġenituri prospettivi Maltin. Aġenzija Tama assigurat lil din il- gazzetta li hi taħdem biss ma dawk il-pajjiżi li jkunu approvati mill-awtorità. Fakkret ukoll illi jkun hemm komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Indjani u allura jekk ikun hemm xi dubji jew suspetti dawn ikunu ċċarati bejn it- tnejn. Tajjeb wieħed jirrimarka illi l-Indja hija firmatarja tal-Konvenzjoni dwar il- Protezzjoni tat-Tfal u Kooperazzjoni fir-rigward ta' adozzjonijiet bejn pajjiżi differenti u fl- 2015 implimentat il- Gwidi għall-Adozzjonijiet tat-Tfal. 'Il-proċess rajnieh wieħed trasparenti...' Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma' Fabrizio Ellul, missier li għadu kif adotta tifel mill- Indja. Fil-fatt Ellul flimkien ma' familtu issa ilhom li ġew lura Malta mill-Indja ġimagħtejn u nofs biss. Ellul, li jaħdem ukoll fil-qasam tad-drittijiet tal- bniedem u allura għandu għarfien tajjeb ta' din il-materja, jgħid li hu qatt ma ssuspetta jew ħaseb li fil-proċess tal-addozzjoni ta' ibnu kien hemm possibilità ta' abbuż. "Aħna l-proċess ta' adozzjoni mill-Indja rajnieh bħala wieħed trasparenti, qatt m'għaddielna minn moħħna li seta' kien hemm xi ħaġa mhux f 'postha. Naturalment nifhmu li xi riskji dejjem jista' jkun hemm." Ellul fakkar illi inti tkun qed tirranġa kollox minn aġenzija partikolari, u indirettament ma' awtorità ċentrali. Imma għaliex għażlu l-Indja Ellul u martu? "Għażilna l-Indja għax il-proċess huwa iktar effiċjenti, tkun taf kemm se jdum u jekk isir kollu b'suċċess tkun taf meta t-tfal se jkunu għandek," spjega l-missier mal-gazzetta ILLUM. Fil-fatt Fabrizio u martu Feliciann ma kinux l-uniċi nies li adottaw mill-Indja, b'statistika mogħtija mill- Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali lill-ġurnal The Sunday Times turi kif minn Jannar sa Ġunju ta' din is-sena diġà ġew adottati 25 tifel u tifla mill-Indja, li huwa kważi l-ammont sħiħ ta' adozzjonijiet mill-Indja fis-sena 2017. 'Il-proċess sewa madwar €20,000...' Ellul jispjega kif il-proċess ġie jiswa €20,000 b'kollox. Il-Gvern preżenti introduċa miżura illi permezz tagħha jgħin lill-koppji li jixtiequ jadottaw sal-ewwel €10,000. Mal-ILLUM jkompli jispjega kif din in- nefqa ta' €20,000 tinkludi lukandi, biljetti tal-ajru u sessjonijiet ma' psikoloġista li jsiru biex jaċċertaw illi l-familja jew il-persuna tikkwalifika biex tadotta. Naturalment, jispjega, il- proċess jinbidel skont il-pajjiż. Jiġifieri f 'pajjiż bħall- Islovakkja, il-biljett tal-ajru ma jkunx daqshekk għoli, imma jkun hemm spejjeż oħrajn bħall-bżonn li ċerti dokumenti jkunu tradotti għall-Ingliż. Il-missier jispjega kif il-proċess biex jadottaw mill- Indja dam ftit iktar minn sena, għalkemm ammetta li l-proċess faċilment jista' jkun itwal. Fil-fatt fakkar illi damu jistennew l-approvazzjoni tal-awtoritajiet Maltin madwar sitt xhur, illi tulhom saret eżaminazzjoni tal- addattabilità tagħhom biex imbagħad il-proċess ħa bejn sitt u tmien xhur biex ikun approvat mill-Indja. 'Aħna ma ridniex IVF' Imma għaliex adozzjoni mhux IVF? Fabrizio Ellul qal illi anke jekk il-proċess jista' jidher twil hu flimkien ma' martu ddeċidew li l-IVF mhux għażla għalihom. Wara li għaddew min trawma ta' telf ta' tarbija ma xtaqux illi jgħaddu minn proċess illi jerġa' jinvolvi sptarijiet. Għalhekk marru għall- adozzjoni mill-Indja u jidher ċar li ma jiddispjaċihom assolutament xejn, anzi jinsabu ferħana se jtiru bit- tifel tagħhom. Il-Ħadd 26 ta' Awwissu 2018 | illum agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham Missier jgħid li l-proċess ta' adozzjoni mill- Indja huwa 'trasparenti' u 'ta' suċċess' Adozzjoni mill-Indja? Aġenzija Tama tassigura li saret diliġenza dovuta tal-Indja u missier adottiv jassigura li l-proċess huwa trasparenti u ta' suċċess... Aħna l-proċess ta' adozzjoni mill-Indja rajnieh bħala wieħed trasparenti, qatt m'għaddielna minn moħħna li seta' kien hemm xi ħaġa mhux f 'postha