Illum previous editions

Illum September 9 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1024343

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 31

19 Il-Ħadd 09 ta' Settembru 2018 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt L-ordni pubblika… JEW qed nisimgħu wisq inċidenti fil-lokalitajiet tagħna jew inkella bil- midja soċjali u numru kbir ta' siti tal-aħbarijiet qed jidher li qed jiġru aktar inċidenti. Hi x'inhi, huwa fatt ferm inkwetanti u fatt innegabbli li ċerti żoni, f 'ċerti lokalitajiet qed jinħass li s-sigurtà mhix aċċertata. Il-Marsa u l-Ħamrun huma biss tnejn mil-lokalitajiet fejn qed ikunu rrappurtati diversi inċidenti ta' ġlied, sokor u storbju, ta' nies li qed jorqdu barra u ta' żoni fejn ir-residenti jħossu li hemm problema ta' sigurtà. U l-problema ma tibdiex u tispiċċa bl-immigranti, ħalli nagħmluha ċara. Ikun ta' xejn li nippretendu bħala gazzetta li ħafna u ħafna nies mhumiex ġenwinament inkwetati bis-sitwazzjoni u jkun ta' xejn ukoll (jekk mhux arroganti) jekk ninterpretaw dan it-tħassib bħala 'razziżmu'. Daqstant ieħor imma dan l-inkwiet ma jistax ikun indirizzat minn sentimenti ta' mibgħeda jew injoranza u lanqas b'messaġġi li jitfgħu l-piż fuq il-barrani biss u nieqfu hemm. Il-barrani li qed jgħix fostna, qed jgħix f 'kuntest, qed jgħix f 'sistema u qed jgħix fir-realtà soċjo- politika u legali ta' Malta. Jekk hemm problema, u jidher li hemm, l-immigranti huma parti minnha u mhux huma l-problema. Huwa l-obbligu tal-forzi tal- ordni, l-ewwel u qabel kollox, biex jaraw illi ma jibqax ikollna sitwazzjonijiet li ħafna qed jaraw u jesperjenzaw wara biebhom. Huwa l-obbligu tal-forzi tal-ordni illi fejn qed tinkiser il-liġi, xi ħadd irid iħallas. Imma jekk ir-riżorsa tkun imġebbda, kif jistgħu jaqdu dan l-obbligu? Nieħdu eżempju. Il-pulizija tal-għassa tal-Qawra jagħmlu xogħol impekkabbli, kif rajna fil-każ tat-tarbija abbandunata. Imma hemm biżżejjed pulizija għal din iż-żona tant kbira? L-għassa tal-Qawra hija biżżejjed biex tkopri l-aktar lokalità popolata f 'Malta u waħda mill-aktar lokalitajiet fejn għaddej żvilupp ta' proprjetajiet ġodda? Lokalità li jekk ma tridx hija wkoll l-akbar ċentru turistiku f 'pajjiżna u li minnha jkun hemm moviment kontinwu ta' nies, min dieħel jgħix hemm u min ħiereġ, Maltin u barranin. Xi darba kien hemm pjan biex l-għassa tal-Qawra tikber jew tinbena oħra. Imma s'issa dan għadu ma seħħx. Għaliex f 'ċerti żoni kien hemm negozji li ħolqu storbju u diżordni kbar u tħallew jagħmlu dan lejl wara lejl wara lejl, sakemm wieħed, wieħed ir-residenti bdew jitilqu? Mela l-liġi mhix ugwali għal kulħadd? Dik ġustizzja ma' min ikun investa flusu biex jgħix hemmhekk? Biex tgħaxxaq daqs xahar ilu, kif qalulna residenti taż- żona, kien hemm ġlieda oħra fit-triq. Pandemonju kbir, ġlied, u pulizija. U bħal din it-triq hemm oħrajn, uħud minnhom b'negozji ta' Maltin u oħrajn b'negozji ta' barranin. Biex inkunu ċarissimi, dan l-editorjal dejjem qabeż għad- drittjiet ta' kulħadd inkluż l-immigranti u dejjem esiġa tolleranza żero għar-razziżmu. Allura mhux talli jaqbel, talli jinkoraġġixxi immigranti li qegħdin jgħixu hawn biex jikbru u jimirħu u iva, jekk hemm bżonn, jiftħu negozji u jiffjorixxu. Imma l-liġi f 'dan il-pajjiż għandha tgħodd għal kulħadd. Ugwaljanza tfisser kulħadd l-istess, inkwantu ta' razza, sesswalità, reliġjon, ġeneru u ħafna iktar. Għalhekk nemmnu illi wasal iż-żmien li l-awtoritajiet jibdew jieħdu nota u jagħtu ultimatum lil dawk il-persuni jew negozji li darba wara oħra qed jiksru l-liġi. Ma tagħmilx differenza min huwa s-sid, jew min jiffrekwenta dan il-post. Ksirt il-liġi? Ħallas! Ji ġifieri dan l-editorjal jifhem il-bżonn li jkunu indirizzati l-problemi li qed insemmu u li jidher jew jinħass illi kibru. Imma mbagħad, li ma nifhmux huma l-pożi politiċi magħmulin biss biex jirbħu s-simpatija. Politiku qiegħed hemm biex joffri soluzzjonijiet jew jimplimenta bidliet fil- policies. Biex jipproponi jew jiddisponi. Mhux biex jilgħab bl-emozzjonijiet u jimmaġina xenarju li la jeżisti u lanqas qatt ma jista' jiġri għax aħna pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Li timplika illi hemm problema għax negozju biddel l-idejn u issa huwa tal-barranin, hija inġusta speċjalment jekk tiġi minn politiku jew xi ħadd li jaspira li jkun. F'pajjiż illi jħaddem il-libertà assoluta tal-kelma, tal-fidi, kif ukoll il-libertà li taqla' l-għixien permezz ta' impjieg jew negozju, kulħadd għandu jkun liberu jixtri, ibigħ u jaqla' l-flus. Sakemm 1) qed tħallas it-taxxi, 2) sakemm m'initix qed tikser liġijiet u 3) sakemm m'intix qed tieħu dak li mhux tiegħek, mela allura għandu jkollok libertà assoluta. Li ma jaqbilx miegħu dan l-editorjal huwa li meta jinkisru l-liġijiet ma titteħidx azzjoni jew azzjoni f 'waqtha. L-akbar disservizz li xi ħadd jista' jagħmel għal soċjetà inklussiva fejn il-kulturi jitħalltu flimkien f 'armonija, apparti li jkun razzist, huwa li jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra, ma jagħmel assolutament xejn u jilqa' kull forma ta' lment b'attitudni injoranta u klassista. Jidher li issa anke l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jitkellem dwar l-ordni pubblika. Għamel dan nhar il-Ħadd li għadda u la qed jitkellem il-Prim Ministru, sinjal illi iktar minn qatt qabel r-rabja jew l-uġigħ ta' min iħoss li tħalla waħdu, wasal. Muscat għandu jara fejn huma ż-żoni problematiċi u jżid il-pulizija u r-riżorsa tagħhom biex dawn jaraw li l-liġi tkun segwita mingħajr biża' u favur, ugwalment bejn il-Malti u mal-barrani. Editur: Albert Gauci Cunningham

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum September 9 2018