Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1031060
17 17 Il-Ħadd 23 ta' Settembru 2018 | illum G ħażilt li nirritorna f 'dawn il-paġni tal-gazzetta li nedejt f 'Novembru tal- 2006. Mhix deċiżjoni faċli, l-aktar meta qed nipprova nara jekk hemmx aktar spazju għal nies bħali li issa ilhom jipprietkaw u jgħidu x'jaħsbu bil-fomm u bil- kitba. Ħa nipprova, għax nemmen bħalma kont nemmen kważi 12-il sena ilu li hemm lok ta' opinjonijiet f 'gazzetta indipendenti bil- Malti. 12-il sena ilu bdiet l-ILLUM, ħolma li kelli imma jkolli nammetti sa ċertu punt baqgħet ħolma. Dan wara li fl- 1989 kont bdejt il-gazzetta 'Alternattiva' u tliet snin qabel il-gazzetta 'Il-Fehma'. Għax filwaqt li l-gazzetta ILLUM għadha hawn wara 12-il sena ma nistax ngħid li kien hemm xi suċċess kbir fil-ġurnaliżmu stampat bil- Malti. Bqajna neżistu grazzi għall-fatt li hawn qarrejja li huma Kattoliċi aktar mill-Papa u wisq aktar għax bqajna nippumpjaw il-flus f 'din il-gazzetta u f 'oħrajn. Illum, il-poter, u b'dan qed nirreferi għall-gvernijiet, jiġu altament jaqgħu u jqumu jekk il-gazzetti jeżistux jew le. F'dinja fejn ħadd ma jimpurtah minn xejn, u verament ħadd – l-inqas inkwiet li għandhom hu jekk ikunx hawn gazzetti f 'Malta. U f 'mument fejn l-Oppożizzjoni hija mmexxija minn persuna li lanqas tista' tgħaqqad tim tal-futbol, huwa x-xogħol tal-gazzetti li jkunu għassiesa fuq Gvern li għalkemm u ċertament serva biex ikisser ir-renju tan-Nazzjonalisti issa qed jimxi fuq politika li hija neo- liberali u leminija. U l-problema hi li n-nies fil-maġġoranza tagħhom togħġobhom din il-ħaġa. Jiġifieri li jistgħu jagħmlu bażikament li jridu u l-kriterju prinċipali hu, jekk nagħmel il-flus, tiġi titnejjek mill-affarijiet l-oħra. L-unika tama għal dan il-pajjiż ċkejken tibqa' l-Ewropa, Ewropa li tista' b'mod indirett timponi ċerti valuri fuq kif naraw l-affarijiet. U wieħed ma għandux jistenna mirakli, hemm raqda kbira fost in-nies, u wisq aktar dawk li jistgħu jkunu validi ma jridux jingħaqdu flimkien biex ikunu aktar validi u b'saħħithom. Qed nassitu bħalissa għal xenarju li ma kellux iseħħ. Sitwazzjoni fejn Joseph Muscat imlebleb biex jitlaq u jħalli partit u Gvern f 'idejn xi ħadd li ma għandux il- ħażen u l-kapaċità li jmexxi. U f 'sitwazzjoni fejn Adrian Delia huwa lemini bħal Muscat iżda għar-raġunijiet il-ħżiena. Is-soluzzjoni mhix faċli. Ommi kienet tgħidli jekk dħalt għaliha, ma hemmx x'tagħmel – trid tikolha. Muscat għandu l-obbligu li dan il-proġett li welled hekk kif sar Prim Ministru, ikomplih mhux biss fuq il-livell ekonomiku iżda issa anke fuq livell kwalitattiv. Qed ngħid fuq il-kwalità tal- inħawi tagħna u l-livell ta' edukazzjoni, is-saħħa u l-ħin liberu. Biex iseħħ dan kollu jrid jagħmel żewġ affarijiet, jibqa' u jaqa' miż-żiemel bħalma waqa' Sawlu ta' Tarsu u jibda jbiddel il-mod ta' kif iħares lejn l-affarijiet. Jekk idejjaq u jrid jitlaq, xogħolna ngħidulu li l-politika mhix avventura, hija vokazzjoni. Danakollu ma jfissirx li ma għandux ikun hemm formazzjoni politika oħra. Ċertament wieħed fuq ix- xellug, għax id-demokrazija hija taħlita ta' ideat mhux idea waħda marbuta mal- persuna. U bħalissa jekk inħares barra idea waħda qed nara, neo-liberaliżmu u politika tal-lemin. *** Kont imsiefer, u meta kont mili 'l bogħod sirt naf li sieħbi Joe Sultana miet. Għal min ma jafx lil Joe Sultana nitolbu jħares lejn il-kotba u r-rivisti li kiteb fuq medda ta' 55 sena. Wirt ta' persuna li kellu d-dixxiplina jirriċerka u jistudja u mbagħad jikteb. Imma Joe kien ukoll pijunier apparti kittieb u storiku. Pijunier fil-mixja twila biex ikun hawn kuxjenza ambjentali. Twieled fil-kaċċa u f 'Għawdex, u meta 'waqa' miż-żiemel' nieda flimkien ma' oħrajn l-għaqda għall- konservazzjoni tal-għasafar, MOS, li maż-żmien saret BirdLife Malta. Mill-MOS ħarġu ħafna nies u ħafna minnhom komplew xogħol ieħor marbut mal- ambjent. Fi żmien meta kien imexxi l-MOS kien persuna feroċi u kif jgħidu l-Għawdxin 'ħaxxej,' jara li jieħu li jista' mill-gvernijiet u kien il-missier tal- kunċett ta' riservi naturali u tal-konservazzjoni naturali, kemm dawk bħal fir-riserva tal-Għadira li kienu amministrati mill- MOS u dawk li qegħdin dokumentati bħala riservi naturali. Imma apparti l-fatt li kien fuq kollox l-aktar ornitoloġist magħruf u rispettat fil-gżejjer Maltin, kien ukoll persuna li mexxa t-tibdiliet fil- liġijiet Maltin biex jitħarsu l-għasafar migratorji u dawk li jbejtu. Fi żmien meta jgħajruk estremista u miġnun. Joe ma beżax u kien ta' ispirazzjoni għal ħafna żgħażagħ bħali. Anke fuq binarju internazzjonali kien rispettat u awtorità. L-għerf tiegħu ntiret mit-tifel tiegħu Mark li llum huwa l-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Malta. Għalija Joe kien qisu missier. Punt ta' riferenza, persuna li tani t-tama li l-affarijiet li jistgħu jinbidlu jekk nippruvaw. Kien ukoll ħabib u tieħu pjaċir tkun miegħu. Tlifna bniedem li bħalu ma tantx ser nsibu. Saħħiet Joe! Opinjoni Jekk dħalt għaliha... SAVIOUR BALZAN M eta miet il-Papa Piju XII il-Kattoliċi ħassewhom bħallikieku ltiema. Meta miet il-Papa San Ġwanni XXIII il-Kattoliċi u d-dinja kollha bkietu. Meta miet il-Papa Beatu Pawlu VI, il-Kattoliċi nfexxew iċapċpu lil dan il-mexxej li meta kien ħaj mhux dejjem fehmuh, imma f 'mewtu għarfu li kien il- mexxej li ħareġ lill-Knisja mill- ghetto u daħħalha fl-imwieġ tad-dinja biex taqdiha. Meta safa elett Papa wara San Ġwanni XXIII, il-Kardinal Giovanni Battista Montini aċċetta l-għażla tiegħu bħala Kap tal-Knisja Kattolika u stqarr: "Isimna jkun Pawlu" u tassew ħareġ jixbah lill-kbir appostlu tal-ġnus. X'għamel Pawlu VI? Ħa naraw x'għamel Pawlu VI tul il-15-il sena li dam Papa. Laħaq Papa fil-21 ta' Ġunju 1963. Fid-29 ta' Settembru tal-istess sena fetaħ it-tieni sessjoni tal-Konċilju Vatikan II miftuħ minn San Ġwanni XXIII. Għaġġeb lid-dinja meta f 'Jannar 1964 mar l-Art Imqaddsa biex jitaqa' mal- Kap tal-Knisja Ortodossa Athenagoras u flimkien ħassru l-iskomunika li kienu taw lil xulxin madwar elf sena qabel il-kapijiet tal-Knisja tal-Lvant u tal-Punent. Fis-17 ta' Mejju ħoloq is-Segretarjat għal dawk li mhumiex Insara. Fis- 6 t'Awwissu ppubblika l-programm tiegħu permezz tal-enċiklika Ecclesium Suam. Fit-2 ta' Novembru mar f 'Bombay, l-Indja għall-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali u hemmhekk ta l-karozza li taw lilu lil Madre Santa Tereża ta' Kalkutta biex tagħmilha lotterija. Fil-15 ta' Settembru 1965 waqqaf is-Sinodu tal-Isqfijiet bħala korp konsultattiv tal-Papa. Fl-4 t'Ottubru mar ikellem lill-mexxejja tad-dinja fil-bini tal-Ġnus Magħquda fi New York. U fit-8 ta' Diċembru għalaq il-Konċilju Vatikan II. F'Marzu1966 iltaqa' mal- Kap tal-Knisja Anglikana, Dr. Ramsey, Arċisqof ta' Caterbury. Fis-6 ta' Jannar laqa' f 'udjenza lill-President Podgorny tar-Russja. Fis-26 ta' Marzu ħareġ l-enċiklika Populorum Progressio fejn stqarr li l-isem ġdid tal-paċi huwa l-iżvilupp tal-pajjiżi foqra. Fit-13 ta' Mejju mar pellegrinaġġ fis- Santwarju tal-Madonna ġo Fatima. Fl-24 ta' Ġunju saħħaħ l-idea taċ-ċelibat saċerdotali għall-Knisja Latina. Fit-23 ta' Diċembru l-President Johnson tal-Amerika mar iżuru fil- Vatikan. Humanae Vitae F'Marzu 1968 ħabbar il- bidu tar-riforma tal-Kurja Rumana u fit-22 t'Awwissu mar fil-Kolombja biex jiltaqa' mal-Isqfijiet tal-kontinent Amerikan. Fl-1969 mar Ginevra biex jiltaqa' mar- rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem. Żar ukoll il-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes. Mar ukoll fl- Uganda biex jiltaqa mal- Insara Afrikani. Is-sena ta' wara mar iżur il-Knisja fl-Asja u fl-Awstralja u baqa' sejjer sal-fruntiera taċ-Ċina biż-żjara tiegħu f 'Hong Kong, dak iż-żmien kolonja Ingliża. Importanza speċjali jistħoqqilha l-pubblikazzjoni tal-enċiklika Humanae Vitae dwar il-kontroll artifiċjali tat-twelid li qamet diskussjoni twila u wiesgħa u ħolqot firda fost il-Kattoliċi, imma ddefenda l-pożizzjoni li ħa f 'dan il-qasam minkejja l-kontroversji qawwija li ġabet magħha. Fl-1975 tħabbret is-Sena Mqaddsa f 'Ruma wara li s-sena ta' qabel ġiet iċċelebrata matul il-Knisja kollha. Pawlu VI mexa fit-triq li fetaħ il-Konċilju Vatikan II kif ukoll il-Papa San Ġwanni XXIII. Bħall-Appostlu Missierna Pawlu ried jinfetaħ għall-aħwa kollha, kemm dawk li baqgħu fil-familja kif ukoll dawk li kienu tbiegħdu kif ukoll dawk li emmnu f 'Alla bla ma kienu jafu x'jismu, kif ukoll għal dawk li jieħdu l-eżistenza tiegħu, saħansitra lejn dawk li jikkumbattuh. Kien Papa li tkellem bl- umiltà, jagħraf ir-rispett li jistħoqqilha kull persuna u dan għamlu bla ma ċeda dak li hu essenzjali fit-tagħlim tal-Knisja. Għamel ħiltu biex żmienu jkun jiddi fix-xemx imma żmienu kien mimli maltemp u dlamijiet fl-oqsma kollha tal-ħajja. Imma fuq kollox baqa' jemmen fis- superjorità tal-imħabba u t-triq li fetaħ u kompla jiftaħ hija t-triq li ssoktaw iterrqu minnha anke l-papiet ta' warajh, anke l-Papa Franġisku. Nibqa' niftakru bħala l-Papa li ma riedx jilbes il-kuruna tas- slaten imma l-mitra tal-isqof, u l-kuruna sabet ruħha mixtrija bħala għodda tal-istorja. Ismu kien Pawlu DUN ANG SEYCHELL