Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1037087
illum | Il-Ħadd 07 ta' Ottubru 2018 16 Opinjoni M in jaf kemm dħakna meta xi ħadd nesa jaqleb is-siegħa u spiċċa biex mar kmieni xi mkien jew, agħar minn hekk, wasal tard! Sakemm ma konniex aħna stess li nsejna ndawru l-arloġġ u għaxxaqnieha! Madankollu l-qalba tas-siegħa mhi ċajta xejn, tant li din il- kwistjoni qiegħda tiġi diskussa fuq livell Ewropew. Il-bidla mill- ħin tax-xitwa għall-ħin tas-sajf u viċiversa darbtejn fis-sena saret parti mir-rutina ta' ħajjitna. Iżda din ir-rutina jista' jkun li dalwaqt tinbidel. Fl-1980 kien ġie deċiż li fl-aħħar ġimgħa ta' Marzu u fl-aħħar ġimgħa ta' Ottubru jinqaleb il-ħin. Fil-fatt bħalissa l-Istati Membri kollha tal-UE jużaw l-istess skeda tal-ħin meta tinbidel is-siegħa biex ikun hemm kordinazzjoni għall- kummerċ u l-ivvjaġġar bejn l-istati. Tistaqsu: l-Unjoni Ewropea għaliex qajmet din id- diskussjoni? Ir-raġuni hija li l-bidla fil-ħin taffettwa b'mod dirett l-ekonomija Ewropea u s-suq intern, il-moviment tal-prodotti u servizzi fi ħdan l-Istati Membri. Wara li diversi ċittadini, l-aktar mill-pajjiżi Nordiċi, qajmu din id- diskussjoni, aktar kmieni din is- sena din il-kwistjoni żviluppat f 'reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan kollu wassal biex il- Kummissjoni Ewropea ressqet 'il quddiem proposta ġdida fejn kull Stat Membru qiegħed jintalab jagħżel jekk iżommx il- ħin tas-sajf jew tax-xitwa b'mod permanenti. Għaldaqstant, jekk din il-proposta tiġi attwata mingħajr ebda tibdil u kif ippreżentata mill-Kummissjoni, kull Stat Membru mhux ser jeqleb is-siegħa aktar wara Ottubru tal-2019. Minn konsultazzjoni pubblika li saret mill-Kummissjoni Ewropea ħareġ li l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej jixtiequ jwaqqfu dan l-arranġament li nibdlu s-siegħa darbtejn f 'sena. Issa l-Istati Membri qed jiddiskutu din il-proposta fil-Kunsill u ser ikunu qegħdin jagħżlu liema ħin jixtiequ jżommu. Din il-proposta mhix se tkun qiegħda timponi ħin wieħed li jrid jimxi miegħu kulħadd, iżda kull pajjiż Ewropew se jagħżel iżommx ħin jew ieħor. Mill- konsultazzjoni pubblika li għamel il-Gvern, jidher li l-parti l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin jippreferu li jinżamm il-ħin tas-sajf. Hemm bosta argumenti favur u kontra l-bidla fil-ħin u liema huwa l-ħin ideali li jinżamm. Fost it-tħassib ewlieni li jeżisti hemm dak marbut mal- kummerċ. Huwa fl-interess ta' Malta li jkollha l-istess ħin bħall-Italja, Spanja u stati oħrajn tal-Mediterran, għax jista' jkun hemm riperkussjonijiet ħżiena jekk ma jkollniex l-istess ħinijiet. Għaldaqstant huwa importanti li jkollna djalogu ma' pajjiżi oħrajn ġirien tagħna, speċjalment dawk fil- Mediterran. Skont studji li saru ħareġ li jista' jkun ta' benefiċċju għas- saħħa li jkollok ħin wieħed minflok toqgħod iżżid u tnaqqas siegħa darbtejn fis- sena. Madanakollu, wieħed irid jikkunsidra wkoll li din id- deċiżjoni jaf ikollha impatt negattiv fuq diversi setturi, fosthom dawk tat-turiżmu, it-trasport u l-ivvjaġġar speċjalment fis-sistemi tal- ajruporti, l-agrikoltura u kif ukoll fis-settur tal-kostruzzjoni. Ovvjament id-deċiżjoni ma tistax togħġob lil kulħadd, iżda l-Gvern qed jieħu ħsieb li jagħmel il-konsultazzjonijiet meħtieġa kemm mal-pubbliku u kif ukoll mal-imsieħba soċjali proprju biex l-għażla ideali għal pajjiżna ssir bl-aktar mod ġust u studjat. Madanakollu, dan irid iseħħ fi żmien qasir għaliex il-Kummissjoni Ewropea wriet ix-xewqa li tintlaħaq deċiżjoni sal-aħħar ta' Marzu 2019. Importanti nifhmu li din il-bidla mhix se tibda minn issa iżda minn Marzu 2019 għal dawk li jagħżlu li jżommu l-ħin tas-sajf, u minn Ottubru 2019 għal dawk li jippreferu l-ħin tax-xitwa. Dan iseħħ skont jekk il-prosposta tgħaddix jew le f 'vot li għandu jittieħed fil- Kunsill Ewropew. S'issa jidher li l-maġġoranza tal-Istati Membri se jivvotaw biex ma nibqgħux nibdlu l-ħin u li kull pajjiż jagħżel iżommx il-ħin tas-sajf jew tax-xitwa. Ħajjitna, tajjeb jew ħażin, hija dejjem marbuta mal-ħin. Filwaqt li din mhijiex xi bidla radikali li se tibdlilna ħajjitna ta' taħt fuq, l-eżitu ta' din il- proposta huwa ta' interess għal kulħadd fl-aħħar mill-aħħar. Tgħid dik il-qalba tas-siegħa għad issir xi ħaġa tal-imgħoddi?! Waslet is-siegħa li niddeċiedu! Waslet is-siegħa li niddeċiedu: ħin tas-sajf jew tax-xitwa? ALEX SALIBA K ulma narmu għandu użu: anke ż-żibel hu utli. Is- separazzjoni tal-iskart, illum, hi parti essenzjali mir-rutina tal-ħajja tagħna. Nisseparaw il-karta, il-ħġieg, il-metall u l-plastik. Dan huwa kollu materjal li jista' jerġa' jintuża. Ifisser ukoll li jkun hemm bżonn ferm inqas enerġija biex ikun hemm produzzjoni ta' iktar karta, ħġieġ, metalli u plastik mill-prodotti li nirriċiklaw. Dawn flok ma jintremew fil-miżbla jibqgħu jiċċirkulaw fl-ekonomija. Dan hu l-bażi tal-ekonomija ċirkulari. Hu l-futur. Nirriċiklaw ukoll l-apparat elettriku u elettroniku. It-TV, il-friġġ, ir-radju, il –kompjuter jew il-laptop. Flok ma jintremew, illum il-ġurnata jżarmawhom biċċa biċċa u l-partijiet kollha tagħhom jerġgħu jagħmlu użu minnhom. Uħud minn dan l-apparat ikollu materjali rari: hu iktar utli għal kulħadd li minflok dawn ma jintremew jiġu utilizzati mill-ġdid. Nirriċikaw ukoll il-batteriji għax meta dawn jintremew fil-miżbliet, biż-żmien, iniġġsu kulm'hemm u jagħmlu ħsara kbira ambjentali. Tliet snin ilu l-Wasteserve tat bidu għal proġett pilota li ffoka fuq is-separazzjoni tal- iskart organiku. Kien proġett limitat għal numru żgħir ta' lokalitajiet imma bl-intenzjoni li jqiegħed il-pedamenti biex is-separazzjoni tal-iskart organiku tkun prattika li tinfirex mal-pajjiż kollu. Dan fil-fatt ser jibda jseħħ minn nhar l-Erbgħa 31 t'Ottubru. Dan l-iskart organiku jammonta għal madwar 50% tal-iskart li sal-lum inpoġġu fil-borża s-sewda li tinġabar minn wara l-bibien ta' djarna. L-iskart organiku ser jibda jinġabar għalih f 'borża bajda. F'kull residenza qed jitqassmu boroż bojod u bins apposta u ġie spjegat lilhom x'għandhom jagħmlu biex ikun jista' jinġabar l-iskart organiku li huma jiġġeneraw. Fil-borża l-bajda tal-iskart organiku tista' titfa' l-fdalijiet tal-ikel, nej jew imsajjar, ħaxix, ħut u frott, qxur tal-frott u tal-ħaxix, ħobż, tea bags u kafè midħun, qxur tal-bajd, paper napkins u karti maħmuġin, weraq u fjuri. Lista twila ħafna. L-iskart organiku fil-borża l-bajda jinġabar minn wara l-bibien tad-djar tagħna u jittieħed fl-impjant ta' Sant Antnin f 'Marsaskala fejn wara li ssir verifika li fil-fatt fil-borża hemm biss skart organiku jitqiegħed f 'apparat imsejjaħ waste digester fejn dan l-iskart jiddikomponi u minnu jinġabar gass li iktar tard jinħaraq biex jipproduċi l-elettriku. Minbarra l-elettriku tkun ukoll prodotta sħana li permezz tagħha, fost oħrajn, ser jissaħħan is-swimming pool tal-Fondazzjoni Inspire f 'Marsaskala liema swimming pool jintuża bħala parti mill- għajnuna terapewtika lill- komunità b'diżabilità. Dak li jibqa', imbagħad, jintuża bħala compost. Għax fil-fatt, mill- iskart organiku, ma jintrema xejn. Għalhekk huwa importanti li nirriċiklaw. Għax dak li, sal- lum, kull wieħed minna jarmi għandu użu. Meta nirriċiklaw nevitaw jew innaqqsu ħafna ħsara ambjentali u nagħtu kontribut biex ilkoll ngħixu ħajja aħjar. Ir-riżultati li nkisbu mill-proġett pilota dwar is-separazzjoni tal-iskart organiku li nbeda tliet snin ilu għad mhumiex magħrufa pubblikament. Dan jeħtieġ li jsir biex ikun possibbli li jsir skrutinju pubbliku adegwat. Kulħadd japprezza l-preparazzjoni estensiva biex ikun assigurat li fl-aħħar t'Ottubru l-ġbir tal-parti organika tal-iskart li niġġeneraw jimxi sewwa. Imma hemm bżonn li jkun hemm iktar informazzjoni dwar dak li sar s'issa. CARMEL CACOPARDO Nirriċiklaw l-iskart organiku carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com