Illum previous editions

ILLUM 28 October 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1044431

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

X 'għandhom in komuni Tommy Robinson u Liam Debono ? Apparentement, ftit li xejn għalkemm it-tnejn li huma magħrufin sew mal-ġustizzja. Imma t-tnejn li huma spiċċaw koinvolti fi kwistjoni taħraq li tpoġġi taħt dawl qawwi ir-relazzjoni bejn il-proċess ġudizzjarju u l-istampa. Kemm tista' l-istampa tirrapporta dak li jkun għaddej waqt il-proċess ġudizzjarju ? Hu leġittimu illi l-istampa ma titħallax tirrapporta dwar dak li jkun għaddej fl-awli tal-ġustizzja ? X'nifhmu biha li kwistjoni hija sub judice ? X'għandu jirbaħ ? Il-libertà tal-istampa jew id- dritt ta' proċess ġust ? Dawn huma mistoqsijiet illi saru aktar relevanti fl- era tal-media soċjali meta kwalunkwe persuna tista' tilgħabha ta' reporter, ġurnalist jew opinjonista u tpoġġi l-materjal li trid fuq il-web. Dan hu l-każ ta' Tommy Robinson li fil-fatt jismu Stephen Christopher Yaxley- Lennon. Robinson kien wieħed minn dawk li waqqaf l-English Defence League, organizzazzjoni tal-lemin estrem li sussegwentement irriżenja minnha. Robinson għandu dak li tissejjaħ kondotta kulurita u nstab ħati u ntbagħat il-ħabs diversi drabi fost l-oħrajn minħabba frodi kif ukoll għax ivvjaġġa b'passaport li m'hux tiegħu. Imma l-aktar illi ġie fl- attenzjoni pubblika kien minħabba l-mod kif aġixxa barra l-qorti f 'ta' l-anqas żewġ okkażjonijiet. F'Mejju tas-sena l-oħra, hu kien instab ħati f 'Canterbury għall-disprezz tal-qorti u ntbagħat tlett xhur ħabs, liema sentenza ġiet sospiża għal tmintax-il xahar. Instab ħati għaliex kien uża kamera fil-qorti sabiex jiffilmja l-proċeduri minkejja illi kien hemm ordni li l-proċeduri ma jixxandrux, liema ordni Robinson allega li ma kienx jaf biha. Kif qalet l-Imħallfa Heather Norton, "din m'hux kwistjoni ta' libertà tal-espressjoni, tal-libertà tal- istampa jew dwar korrettezza politika. Imma hija kwistjoni ta' ġustizzja sabiex wieħed jiżgura illi l-proċess ġudizzjarju isir b'ġustizzja, illi wieħed jibqa' innoċenti sakemm jinstab ħati. Hija kwistjoni li wieħed jippreserva l-integrità tal-ġuri sabiex ikun jista' jkompli mingħajr ma n-nies jiġu intimidati jew affetwati b'"rappurtaġġ" irresponsabbli u skorrett, jekk dan kien il-każ." Imbagħad sena wara, fil-25 ta' Mejju 2018, Robinson ġie arrestat barra l-qorti ta' Leeds waqt li kien qiegħed jagħmel live stream li damet aktar minn siegħa waqt il-ġuri ta' gang ta' persuni ta' oriġini asjatika li ġew akkużati b'reati sesswali verament serji. Dan minkejja illi l-imħallef ta' dan il-ġuri kien ipprojbixxa kwalunkwe rappurtaġġ ta' dan il-ġuri ħalli jiżgura illi l-ġurati bl-ebda mod ma jiġu nfluwenzati fid-deċiżjoni li kellhom jieħdu jekk l-akkużati humiex ħatja jew le. Robinson tressaq dakinhar stess quddiem l-imħallef Marson u hu ammetta l-akkuża kontrih u esprima sogħba kbira għal dak li ġara. L-imħallef Marson stqarr illi kieku kellu jsir ġuri ġdid minħabba l-azzjoni ta' Robinson, dan kien jiswa mijiet ta' eluf ta' liri sterlini. Għaldaqstant, bagħtu għaxar xhur ħabs u żied magħhom it- tlett xhur li kienu sospiżi. Immedjatament, qam ferment kbir fost l-attivisti tal-lemin estrem illi għamlu kampanja qawwija fuq il- medja soċjali u m'hux biss sabiex Tommy Robinson jinħeles. L-attivisti tal-lemin estrem, inkluż bosta Maltin, pinġew dinha l-kwistjoni bħala waħda ta' libertà tal- espressjoni, bħalli kieku l-vuċi ta' Tommy Robinson kienet qiegħda tinħonoq għaliex hu kien qed jirrapporta dak illi l-medja normali ma kienetx. Injoraw għal kollox illi l-imħallef kien ħareġ dak li jissejjaħ ordni taħt l-artiklu 4(2) tal-Contempt of Court Act qabel ma beda l-ġuri, liema ordni Tommy Robinson injora totalment minkejja li kien jaf biha u stqarr hu stess waqt il-live stream illi l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu jistgħu jwasslu sabiex jispiċċa l-ħabs. Madankollu, il-poplu tal- lemin estrem xorta kompla jagħmel kampanja bla waqfien sabiex Tommy Robinson jinħeles mill-ħabs. F'din il- kampanja, Robinson tpinġa bħala xi priġunier tal-kuxjenza li spiċċa l-ħabs minħabba illi żvela affarijiet li ħaddieħor ma riedx jiżvela. Il-verità hi differenti : Tommy Robinson m'huwiex ġurnalist u qatt ma ħa tagħlim fil-ġurnaliżmu. Hu attivist politiku illi minħabba l-aġenda anti-iżlamika tiegħu ħa l-iżbriga biex imur f 'ġurijiet fejn l-akkużati huma misilmin sabiex jipprova juri kemm il-misilmin iwetqu atti ħżiena. Mingħajr ma jagħti wisq każ ta' dak li kien qed jagħmel u l-fatt illi l-aġir tiegħu setgħa jagħti lok illi l-akkużati jitolbu illi l-ġuri jitħassar u jsir ġuri ġdid. Eventwalment, Robinson rebaħ l-appell u reġa tressaq quddiem il-qorti illi ordnat illi l-Avukat-Ġenerali jieħu passi kriminali kontrih. Imma l-appell tiegħu kontra s-sentenza oriġinali ta' tlett xhur ħabs sospiżi għal tmintax-il xahar ma ntlaqetx. Għad irridu naraw kif ser tispiċċa din l-istorja u jekk Robinson hux ser ikollu jirritorna l-ħabs. Imma intant hu sar eroj tal-poplu tal-lemin estrem u qed jaqla' ħafna flus mid-diskorsi illi qiegħed jintalab jagħti. U Liam Debono kif jidħol fl-istorja ? Debono hu l-minorenni illi kaxkar bil- karozza tiegħu l-kuntistabbli Simon Schembri bir-riżultat illi mmankah għal għomru. Kif jidhru l-affarijiet, ma tantx jidher illi Debono għandu fuqhiex jistrieħ u jidher illi għandu tort għal kollox f 'din l-istorja. Imma kif qalet l-imħallef Heather Norton "wieħed jibqa' innoċenti sakemm jinstab ħati." Ħadd m'għandu jassumi illi huwa diġa ħati. Ġara illi l-programm Xarabank ried ixandar intervista ta' tmien minuti ma' dan Liam Debono. Il- kuntistabbli Schembri illi kien ser jiġi ntervistat fil- programm ta' wara appena sar jaf b'din l-intervista mar il-qorti u talab illi tinżamm din l-intervista. Il-qorti, mingħajr ma rat l-intervista, mingħajr ma rat x'għandu xi jgħid Liam Debono jew il-producers tal-programm, laqgħet it-talba. Straħet fuq risposta tal-Avukat Ġenerali illi spiss fil-kumpilazzjonijiet ikollu nfluwenza wisq kbira illi ħadha qatta bla ħabel kontra l-ġurnaliżmu tal-lum li m'għadux jirrispetta l-prattika antika illi ma jsirux kummenti fuq affarijiet li għadhom sub judice. Peppi Azzopardi ta' Xarabank stqarr illi l-intervista ma għamlet l-ebda referenza għall-inċident mal-kuntistabbli Schembri. Imma l-qorti fl-għerf tagħha dehrilha li m'għandha l-anqas tindenja tara x'fiha din l-intervista qabel ma tat id-digriet tagħha. Il-producers ta' Xarabank obdew l-ordni tal-qorti imma l-mistoqsija illi wieħed irid isaqsi hi kemm hi leġittima dina l-ordni. Il-qorti għandha dritt tordna divjet tal-pubblikazzjoni tal-proċeduri illi jsiru fl- awla taħt ċertu ċirkostanzi meta per eżempju l-morali pubblika tista' tiġi affetwata. Imma sa fejn naf jien il-qorti m'għandhiex dritt illi toħroġ ordni bħalma ħarġet nhar il- Ġimgħa u tordna illi intervista ma bniedem li f 'dan l-istadju għadu mputat, ma tixxandarx. Irridu noqogħdu attenti hawn. M'hux billi jiġi l-Avukat-Ġenerali illi spiss jassumi l-atteġjament ta' L'Etat, c'est moi joħroġ jikkritika ċertu ġurnaliżmu, allura l-qrati għandhom ibaxxu rashom. Għax din ma tkun xejn ħlief riċetta għal sistema awtoritarja u repressiva li żgur ħafna ma jixtiequx. Li wieħed irid isaqsi hu x'inhi l-bażi legali għal din l-ordni. Għax din l-ordni qatt ma jmessha li saret għax hekk jidher illi hu spedjenti illi jsir. Jista' jkun li jien żbaljat u nieħu gost jekk dan ikun il- każ. Imma jien ma jidhriliex illi din l-ordni għandha bażi ġuridika. U jekk dan hu l-każ, il-producers ta' Xarabank żbaljaw bl-ikraħ li obdewha. M'hux dak li hu biss mixtieq jew li s-soċjetà taċċetta għandu jitħalla jiġi mxandar imma dak illi tippermettieh il-liġi. Jekk il-liġi ma żżommx milli jixxandar materjal bħalma kienet l-intervista ma' Liam Debono, allura d-digriet tal- qorti m'għandhu l-ebda bażi ġuridika u għaldaqstant, hu ferm perikoluż fis-saltna tad- dritt. Ma jirriżultaliex illi Malta għandna xi liġi illi tipprojbixxi mputat milli jitkellem fil-pubbliku. La dan hu l-każ, id-deċiżjoni ta' nhar il-Ġimgħa hi preċedent ferm ikraħ li ma messha qatt tirrepeti ruħha. Jekk l-Avukat-Ġenerali ma togħġbux is-sitwazzjoni u għandu kull dritt li ma togħġbux, għandu jipproponi leġislazzjoni ġdida biex tindirizza l-qagħda attwali. Imma la hu u l-anqas ebda qorti m'għandhom dritt jagħmlu liġi li ma teżistiex u jagħtu ordnijiet bla ebda bażi legali. Fuq dan hemm bżonn inkunu tassew ċari. illum | Il-Ħadd 28 ta' Ottubru 2018 20 JOE ELLIS Rakkont Tommy Robinson u Liam Debono

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 October 2018