Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1047662
3 Aħbarijiet Minn Yendrick Cioffi LA l-Ministeru għall- Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u lanqas il-Korp tal-Pulizija ma wieġbu lill-gazzetta ILLUM dwar kemm hemm pulizija li jkunu stazzjonati fis-16- il għassa mifruxa madwar Għawdex. Għall-mistoqsijiet mibgħuta mill-gazzetta ILLUM, il-Ministeru u l-Korp bagħtu l-istess tweġibiet u qalu li preżentament f 'Għawdex hemm 128 pulizija. Madanakollu, it-tnejn li huma naqsu milli jwieġbu meta mistoqsija kemm minn dawn il-pulizija jkunu stazzjonati fl- għases. Lura fl-2015, il-Ministru għall-Intern ta' dak iż- żmien, Carmelo Abela, kien qal fil-Parlament li 70 uffiċjal tal-pulizija jkunu stazzjonati fl-għases f 'Għawdex. Mhux hekk biss, iżda saħanistra kien qal li hemm 4 pulizija li jkunu fl-Għassa ta' Kemmuna. Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru kien qal li minn dawn is-70, 8 huma fil-grad ta' surġent u l-bqija kuntistabbli. Dan ifisser li jekk mill-2015 in-numru ta' Pulizija baqa' l-istess, il-medja ta' pulizija stazzjonati f 'kull għassa jkun ta' erbgħa. Il-bqija tal-Pulizija huma mqassma fid- diversi skwadri, għax kif irrappurtat din il-gazzetta, anke jekk Għawdex huwa meqjus bħala wieħed mid-distretti tal-pulizija, għandu l-iskwadri tiegħu u ma jiddependix biss fuq dawk minn Malta. Il-Ministeru u anke l-Korp spjegaw li f 'kull xift, fl-għassa tar-Rabat ma jistax ikun hemm inqas minn tliet pulizija filwaqt li fl-għases l-oħra jista' jkun hemm Pulizija wieħed f 'kull xift. Nhar il-Ħadd li għadda, din il-gazzetta rrappurtat dwar eżerċizzju li għamlet u li minnu rriżulta kif minn 16-il għassa mifruxa madwar Għawdex, 12 kienu magħluqa. Fi tliet għases li din il-gazzetta sabet miftuħa, jiġifieri dawk tax-Xewkija, ix-Xlendi u l-Imġarr kien hemm pulizija wieħed. Kif wieħed jistenna, f 'dik tar-Rabat kien hemm aktar. Diversi persuni li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu li minn ftit tas-snin ilu 'l hawn, l-għases fl-irħula rari nfetħu u ġeneralment ikollhom iċemplu jew imorru r-Rabat biex jagħmlu rapport. Fl-2015, id-Deputat Chris Said kien staqsa wkoll lill-eks Ministru għall-Intern kemm hu l-'full complement' tal-Pulizija f 'Għawdex, jiġifieri l-massimu ta' kemm suppost ikun hemm Pulizija. Għal dan, Carmelo Abela kien wieġeb li f 'Għawdex dan l-ammont ivarja skont l-esiġenzi tas-servizz. Il-Ħadd 04 ta' Novembru 2018 | illum 128 pulizija għal Għawdex; mhux magħruf kemm hemm stazzjonati fl-għases Sal-2015, 70 pulizija kienu jkunu stazzjonati fl-għases ta' Għawdex u 4 oħra f 'Kemmuna. X'sar minn dawn il-Pulizija? 'Se nintroduċu sistema ta' hotline fl- għases tal-pulizija' Nhar il-Ġimgħa li għadda, fil- Parlament, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, ħabbar il-pjanijiet tal-Gvern li jintroduċi sistema ta' 'hotline' fid-daħla tal-għases tal-pulizija biex persuna li tmur l-għassa u ssibha magħluqa tkun tista' xorta waħda tinqeda u tagħmel ir-rapport. Waqt li kien qed jitkellem fil- Parlament dwar l-estimi ġenerali tal- Ministeru għas-sena 2018, il-Ministru Farrugia saħaq li filwaqt li huwa tajjeb li l-għases kollha jkunu miftuħa, l-aktar ħaġa importanti hija li l-Pulizija jkunu fit-toroq u jipprevenu l-kriminalità. "Mill-għassa ma taqbadx il-kriminali, ma tipprevenix il-kriminalità," saħaq il-Ministru. "Jien minflok pulizija fl- għases nippreferi l-pulizija fit-toroq." Spjega li anke jekk għassa tkun miftuħa, jiġu każi fejn il-pulizija jkollu jħalli l-għassa biex imur iwieġeb għal rapport li jkun sarlu. Kien għalhekk li qal li jeħtieġ tkun introdotta din is- sistema ta' 'hotline' biex jekk persuna ssib l-għassa magħluqa, tagħfas buttuna u taqbad direttament mal-kwartieri ġenerali u tagħmel ir-rapport xorta waħda. "Irridu nħarsu lejn il-futur," saħaq il-Ministru waqt li insista li rapport ukoll jista' jsir bl- użu tat-teknoloġija, fosthom anke permezz tal-Internet. Semma wkoll dak li kien wiegħed il-Gvern fil-Manifest Elettorali tiegħu jiġifieri li se tkun evalwata l-possibbilità li aktar milli kwartieri wieħed u ċentrali, ikun hawn erba' 'mini headquarters,' sabiex jissaħħu l-irwoli tad-distretti. Spjega li dan ma jfissirx li l-għases jingħalqu, anzi jkunu jistgħu jservu bħala "s-satellita" ta' dawn il-'mini headquarters.' Kien għalhekk li saħaq, li anke permezz tas-sistema tal- 'hotline,' persuna tkun tista' taqbad awtomatikament mal-'hub' biex tagħmel ir-rapport. Tul l-intervent tiegħu, il-Ministru wieġeb ukoll għall-kritika tal- Oppożizzjoni dwar il-kriminalità u s-sigurtà u insista li taħt il-Kummissarju Lawrence Cutajar, il-kriminalità naqset bi 18%. Saħaq li f 'pajjiż b'popolazzjoni li qed tikber u b'rekord kull sena ta' turiżmu wieħed jistenna li jiġri l-oppost.