Illum previous editions

ILLUM 4 November 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1047662

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 31

23 illum | Il-Ħadd 04 ta' Novembru 2018 TV/Ċinema Films ġodda għal din il-ġimgħa Skont iz-zokk il-fergħa! Dan il-qawl faċilment nistgħu napplikawh għall- erba' tfajliet żgħażagħ, moħħhom fis-sess, ġejjin minn familji tat-tajjeb iżda bi problemi soċjali kbar, imfissdin, b'arja żejda fuqhom, li jixtiequ jingħatalhom b'urġenza, fil-film Malti ta' stoffa, Ħabbilni Ħa Nirbaħ. Ibbażat minn fuq produzzjoni teatrali tal- istess isem, dan ix-xogħol hu dirett b'mod vigoruż u mexxej minn Mario Azzopardi, direttur li diġà għamel isem fil-Kanada. It-timbru effettiv tiegħu hu ovvju matul l-andament kollu. Dawn l-erba' tfajliet, neqsin minn kull sens ta' responsabbilità, spiss jirreaġixxu b'mod egoistiku u fl-aħħar jiddeċiedu li jinkwetaw bis-sħiħ lill-ġenituri aljenati tagħhom meta, b'fissazzjoni sesswali qawwija jinkarmu wara Nate Cross (J. Zammit), attur magħruf li jqisuh virili biżżejjed biex jaqta' x-xewqat arditi ta' kull waħda minnhom. Hawn tkun esibita t-trobbija mhix soda tagħhom b'nuqqas ta' ħsieb, u l-imġieba ribelluża tagħhom se ġġib diżordni u gwaj mhux biss fuq il-familji rispettivi tagħhom. imma anki fuq dawk ta' madwarhom u anki l-ħbieb l-oħra tagħhom. L-erba' tfajliet, soċjevolment irrisponsabbli (S. Aquilina, S. Micallef, M. Galea, J. Farrugia), b'dik l-arja ta' superjorità fuqhom u nuqqas ta' diċenza stħajjilthom dawk tal-film The Bling Ring, li fir-realtà serqu affarijiet prezzjużi mid-djar tal-atturi madwar Hollywood. Ħabbilni Ħa Nirbaħ (Knock Me Up, Knock Me Down) li hu wkoll miktub minn Mario Azzopardi flimkien ma' Simon Bartolo, li hu bis-sotto titoli bl- Ingliż, ibbażat b'xi mod fuq avvenimenti veri, ma jibżax jesponi temi skabrużi bħal relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ, it-tqala u l-abort, kif ukoll kliem iebes u qawwi. Dan hu proġett tal-Valletta 2018 Premium Partners. Din il-belt storika ta' kultura tassew tidher eleganti u kkulurita. Diversi atturi oħra ta' stoffa, tal-palk Malti jieħdu sehem u verament jiddomina f 'parti żgħira u furjuża Narcy Calamatta. Din il-produzzjoni diġà wettqet id-debutt internazzjonali tagħha fl-Edmonton Film Festival, il-Kanada ma' oħrajn li diġà rebħu xi unuri. Ħabbilni Ħa Nirbaħ se jibda jintwera nhar il-Ġimgħa 2 ta' Novembru fl-Embassy Cinema, Valletta. Ħabbilni ħa nirbaħ Atturi Ewlenin: Shelby Aquilina; Sarah Micallef; Michela Galea; Jasmine Farrugia; Jan Zammit. Jidhru Wkoll: Frida Cauchi; Larissa Bonaci; Carlos Farrugia; Laura Bruno; Kim Dalli; Narcy Calamatta. Direttur: Mario Azzopardi. Proġett ta' Valletta 2018 Premier Partners. Tul: 90 min. Ċert. 15. Il-kumpanija Disney qed tippreżenta The Nutcracker And The Four Realms , avventura tassew fantastika bbażata minn fuq ir-rakkont Ġermaniż The Nutcracker And The Mouse King u minn fuq il-ballet klassiku The Nutcracker ta' Peter Tchaikowsky. Din il-produzzjoni fiha ħafna tibdil utli mill-oriġinali biex dan il-film, verament ta' lussu eleganti u kuluri mill-isbaħ, jagħti divertiment xieraq lill-addoloxxenti u lill-kbar. Clara (Foy), tifla intelliġenti ta' 14-il sena li tħobb ħafna x-xjenza, tirċievi kaxxa mużikali forma ta' bajda mingħand ommha qabel mietet, bħala rigal tal- Milied. Iżda ċ-ċavetta biex tiftaħha ma ssibhiex. Determinata li tkun taf x'inhu sewwa dan il-ġugarell, meta tmur fil-party tal-parrinu, Drosselmeyer (Freeman), timxi ma' ħajta tad-deheb u ssib ruħha f 'dinja misterjuża biċ-ċavetta tisparixxi. Hemm tiltaqa' ma' suldat, Phillip (Fowora-Knight), ċorma ġrieden u ma' dawk li l-quddiem se jsiru rejiet tat-tliet renji - L-Art tad-Disinni tas- Silġ, L-Art tal-Fjuri u L-Art tal-Ħelu. F'dawn il-postijiet kulħadd jilqagħha b'idejh miftuħa, speċjalment Sugar Plum Fairy (Knightley). Fir-Raba' Renju fejn tikkmanda b'id tal-ħadid Mother Ġinġer (Mirren), mgħejjuna minn ċorma ġrieden bħala s-suldati tagħha, hemm il-biża' u d-dlam. Clara u Phillip iridu jiffaċċjaw lil din it-tirann biex iġibu lura ċ-ċavetta u b'hekk terġa' tirrenja armonija u paċi f 'din id-dinja mhux reali. The Nutcracker And The Four Realms hu xogħol stravaganti u delizzjuż, li b'ħila kbira jaqbad l-atmosfera eleganti Vittorjana u ta' xi xogħlijiet klassiċi oħra ta' din l-epoka b'sets meraviljużi. Għalkemm għadu kmieni, tassew jixraq għal żmien il-Milied! The nutcracker and the four realms Carmel Bonnici Atturi Ewlenin: Mackenzie Foy; Keira Knightley; Morgan Freeman; Helen Mirren; Matthew MacFayden; Jayden Fowora-Knight. Diretturi: Lasse Halstrom u Joe Johnston. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 96 min. Ċert. P.G. It-thrillers ta' azzjoni ġo sottomarin, taħt l-ilma, fil-preżent huma rari. Fil-vena ta' The Hunt For Red October (1990), jasal Hunter Killer ibbażat minn fuq in-novella tal-2012, Firing Points ta' Don Keith u George Wallace. Din hi produzzjoni avventuruża, ambjentata taħt il-baħar inġazzat tal-Oċean Arktiku. Waqt mawra f 'bażi marittima fit-Tramuntana tal-pajjiż, il-President Russu Zakarin jinħataf mill- Ministru tad-Difiża tiegħu stess. Il-kaptan Joe Glass (Butler) ta' sottomarin Amerikan ikun qed ifittex sottomarin ieħor ta' pajjiżu li jinsab f 'sitwazzjoni diffiċli. Fil-pront, jintbagħat f 'ibħra territorjali Russi biex isalva lill-President u b'hekk jevita t-Tielet Gwerra Dinjija. Hunter Killer jiżvolġi bi pjan maħsub u eżileranti fl-istess waqt. Fil- final, dan il-film jikkarga bil-kbir b'azzjoni fantastika ta' depth charges jisplodu u jriegħdu lis-sottomarin, torpedos għaddejjin fil-wiċċ, sparar u ġiri sfrenat fuq art bajda bis-silġ u missili li kważi ma jfallux il-mira tagħhom. Tassew ħasra li l-attur Żvediż Michael Nyqvist, li rajnieh f ' The Girl With The Dragon Tattoo u ż-żewġ sequels l-oħra tat-trijoloġija Millenium, u li jaħdem il-parti tal-kaptan Russu Sergei Andropov ta' sottomarin, miet wara li ħadem dan il-film fl-età ta' 56 sena. Il-protagonist Gerald Butler beka meta sema' din l-aħbar kerha. Hunter Killer Atturi Ewlenin: Gerald Butler; Gary Oldman; Common; Michael Nyqvist; Linda Cardellini; Toby Stephens. Direttur: Donovan Marsh. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 121 min. Ċert. 15

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 November 2018