Illum previous editions

ILLUM 11 November 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1050746

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

illum | Il-Ħadd 11 ta' Novembru 2018 18 Opinjoni Lejn l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-politika Minn Kummissjoni Nazzjonali għall- Promozzjoni tal-Ugwaljanza SABIEX tintlaħaq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika baqa' 50 sena, dan sakemm il-partiti politiċi ma jiħdux ċertu passi biex jeliminaw din il-problema, qalet id-Direttriċi Eżekuttiva tal-Entità tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa, Phumzile Mlambo-Ngcuka fl-2015. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal- Ugwaljanza (NCPE) tagħraf li minn mindu n-nisa ħadu d-dritt tal-vot fl-1947 baqgħu b'rappreżentanza dgħajfa fil- parlament. Dan għaliex anke fil-preżent mas-57 raġel (85%) fil-Parlament Malti hemm biss 10 nisa (15%). Hu f 'dan il-kuntest, li l-NCPE se tkompli bil-ħidma tagħha f 'dan il-qasam bit-tnedija tal- kampanja Bilanċ bejn Nisa u Rġiel fil-Politika: Azzjoni Issa. Hekk kif qalet tajjeb Mlambo-Ngcuka, il-partiti politiċi għandhom jaħdmu għall-ugwaljanza fir- rappreżentanza tal-irġiel u n-nisa fil-Parlament. Fil-fatt dawn għandhom jimmiraw għall-azzjonijiet pożittivi biex iħajru iktar nisa jidħlu fil- politika. Huwa stmat li 96% tal- Maltin jaqblu li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija importanti sabiex is-soċjetà tkun ġusta u demokratika. Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea fl-2017 dwar l-opinjoni pubblika fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Minn barra dan, skont l-istħarriġ il-Maltin huma l-iktar nies fost il- pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jaħsbu li għandu jkun hemm iktar nisa fil-Parlament bi 80% li jaqblu, ikkomparat mal-medja Ewropea ta' 54%. Sabiex dan in-numru ta' nisa jiżdied mingħajr ma jerġgħu jgħaddu ħafna snin irid ikun hemm miżuri legali temporanji għal parità bejn in-nisa u l-irġiel biex jingħeleb id-defiċit demokratiku fejn nofs il-popolazzjoni mhix rappreżentata b'mod ugwali fil-Parlament. Minn dawk il- Maltin li wieġbu għall-istħarriġ kienu 78% li qablu li għandu jkun hemm miżuri legali li jassiguraw parità bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika - persentaġġ simili ma' dawk li jaqblu li għandu jkun hemm iżjed nisa fil-politika. Li hemm nuqqas ta' nisa fil-Parlament ma jfissirx li n-nisa m'għandhomx interess fil-politika. Fis-snin li għaddew in-numru ta' kandidati nisa żdied bil-mod minn 26 kandidata għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2008 għall-72 fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2017. L-istħarriġ juri li 52% li wieġbu ma qablux li n-nisa mhumiex interessati f 'pożizzjonijiet fil- politika. Mhux biss l-interess iżda wkoll l-ambizzjoni tan- nisa mhix nieqsa għax 58% ma qablux li l-irġiel huma iktar ambizzjużi min-nisa, mentri kienu biss 37% li qablu (5% ma jafux). L-NCPE tagħraf li dejjem iktar nisa qed juru l-interess tagħhom biex jidħlu f 'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Fil-fatt in-numru ta' nisa rreġistrati fid-direttorju ta' nisa professjonisti li jista' jiġi aċċessat mis-sit, issa jlaħħaq mal-260 mara professjonista. Dan id-direttorju huwa mmirat biex jagħti iktar viżibbiltà u opportunitajiet lin-nisa meta jiġu għall- ħatriet f 'bordijiet, kumitati u pożizzjonijiet għolja. Il-Maltin jaħsbu wkoll li mara hi kapaċi daqs raġel biex tirrappreżenta l-interessi tagħhom f 'pożizzjonijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-politika. Mill-istħarriġ ħarġet differenza minima ta' persentaġġ dwar dan għax 87% jaħsbu li mara tista' tirrappreżenta l-interessi tal- poplu filwaqt li 88% jaħsbu li raġel jista' jirrappreżenta l-interessi tagħhom. Il- maġġoranza tal-Maltin fl- istħarriġ (76%) ukoll jagħrfu li n-nisa għandhom il-kwalitajiet u l-ħiliet neċessarji għall- pożizzjonijiet fil-politika. Minkejja dan, ir- responsabbiltajiet tal-familja għadhom assoċjati man-nisa tant li 73% qablu li n-nisa għandhom nuqqas ta' libertà minħabba f 'hekk. Fil-fatt hemm differenza sostanzjali bejn in-nisa u l-irġiel fis-sigħat ta' xogħol fid-dar fejn in-nisa jaħdmu 29 siegħa u l-irġiel 11- il siegħa (fil-ġimgħa) f 'xogħol relatat ma' kura u mad-dar mingħajr ħlas. Hekk kif huwa stmat li għad baqa' 50 sena sabiex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika madwar id-dinja fejn il-persentaġġ medju ta' nisa fil-Parlament huwa dak ta' 23.8%, nistgħu ngħidu li l-proċess għal Malta, fejn in- nisa fil-Parlament ilaħħqu 15% jista' jkun itwal. Sabiex inħaffu dan l-avvanz lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika għandna nikkunsidraw miżuri li jiffaċilitaw il-proċess biex tiżdied ir-rappreżentanza ta' nisa fil-politika skont kif juri l-istħarriġ. Dan il-bilanċ mhuwiex biss dritt tan-nisa iżda huwa wkoll importanti għal demokrazija b'saħħitha għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha. Għall-aktar informazzjoni dwar l-NCPE u dwar din il- kampanja tistgħu tidħlu fuq il-paġna ta' Facebook jew fil- websajt tagħna: www.equality. gov.mt S afe City Malta, li tifforma parti minn Projects Malta li tippjana proġetti ta' tisħib mas-settur privat, qed tippjana li jkunu installati cameras CCTV b'kapacità li jidentifikaw l-uċuħ ta' dawk li x-xbieha tagħhom tinqabad fuq is- CCTV. Qed jingħad li b'dan il-mod ikun possibli li jkunu identifikati persuni li jkunu involuti f 'attività kriminali. Dwar dan ukoll hemm referenza fid-diskors tal-Baġit fejn kien tħabbar li: "Fl-aħħar xhur kienet għaddejja ħidma biex ġie installat l-apparat neċessarju f 'data centre għal użu fuq bażi sperimentali u fejn l-apparat ta' sorveljanza viżiva qiegħed jintuża biss f 'ambjent mhux pubbliku u f 'rispett sħiħ tal-liġijiet tal-privatezza billi jiġu użati prattiċi etiċi internazzjonali." Ġejna infurmati li Paceville u l-Marsa, probabbilment li jkunu minn tal-ewwel li jospitaw dan l-esperiment. Dan kellu jsir wara li sseħħ konsultazzjoni pubblika. Imma s'issa ma seħħet l-ebda konsultazzjoni. Nafu iżda li x'aktarx li diġa ġie iffirmat memorandum of understanding mal-Huawei, kumpanija Ċiniża li hi meqjusa ġgant globali fil- qasam tat-teknoloġija tal- komunikazzjoni. Fix-xhur li ġejjin probabbilment tibda l-implementazzjoni. Dan ifisser li jekk il-konsultazzjoni sseħħ ma jkollha tifsira ta' xejn, għax id-deċiżjonijiet jidher li lesti. Iktar kmieni din is-sena, Huawei, ftehmu mad- Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika tar-reġjun ta' Xinjiang fil-punent taċ-Ċina. Intefqu flejjes kbar f 'dan ir- reġjun biex f 'Xinjiang ikun possibli li tkun ippruvata t-teknoloġija għall-għarfien tal- uċuħ, osservazzjoni diġitali u l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali għal xogħol il- Pulizija. Huawei ser jipprovdu lill-pulizija tar-reġjun l-appoġġ tekniku biex ikunu żviluppati l-kapaċitajiet tan-nies involuti u b'hekk tissodisfa l-ħtiġijiet diġitali tal-industrija tas-sigurtà pubblika, ġie rrappurtat li qal Fan Lixin, il-Viċi Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika ta' Xinjiang. Din il-koperazzjoni kienet meqjusa li tista' tassigura "l-istabilità soċjali u s-sigurtà fit-tul ta' Xinjiang". Dan jikkuntrasta ma dak li nsibu fir-rapport annwali ta' Huawei għas-sena 2017 li jwassal messaġġ ċar: Huawei jimpurtaha ħafna mill-privatezza. Jgħidulna li fl-2017 "Huawei continued to strengthen compliance in multiple business domains, including trade, cyber security, and data and privacy protection." Jgħidulna wkoll dwar "il-ħsiebijiet ta' Huawei dwar is-sigurtà elettronika – li tissaħħaħ bl-innovazzjoni, bil-kollaborazzjoni u bl- iżvilupp tal-fiduċja fid-dinja diġitali." Probabbilment li dan il-kuntrast jirriżulta minħabba li l-messaġġi huma indirizzati lejn udjenzi differenti! Iktar viċin tagħna, il-Pulizija fir-Renju Unit ilhom ftit taż-żmien jesperimentaw bit-teknoliġija li tirrikonoxxi l-uċuħ. Big Brother Watch, grupp li jikkampanja favur id-drittijiet ċivili fir-Renju Unit jirrapporta li s-sistemi użati jagħtu riżultati żbaljati 9 darbiet minn 10. F'rapport twil 56 paġna, li kien ippubblikat f 'Mejju li għadda bit-titlu Face Off. The lawless growth of facial recognition in UK policing, kien konkluż li 95% tal-uċuħ identifikati mis- sistema kienu żbaljati: kienu wiċċ b'ieħor. Identifikaw uċuħ ta'persuni innoċenti. Dan apparti li r-ritratti biometriċi ta' persuni innoċenti nżammu u nħażnu mill-Pulizija b'mod sfaċċat kontra kull regola bażika tal-ħarsien tad-data. L-użu tat-teknoloġija biex jingħarfu l-uċuħ tan-nies bħala għodda tal-ordni pubbliku hi għall-qalb il-pulizija, li fuq il-karta jistgħu jgħidu li qed isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Għall-bqija imma, dan hu ħmar il-lejl u dan billi jekk it-teknoloġija ma tintużax fil-parametri tar-regoli bażiċi tal-ħarsien tad-data tkun invażjoni tal-privatezza li kull wieħed u waħda minna aħna intitolati għaliha. Il-Kummissarju għall- Ħarsien tad-Data u l-Informazzjoni Saviour Cachia, f 'intervista mal- Orizzont iktar kmieni din il-ġimgha qal li kien jistenna li l-awtoritajiet jagħmlu analiżi addattata qabel ma jagħmlu użu ta' teknoloġija li kapaċi tagħraf l-uċuħ. Is-Sur Cachia emfasizza li għad baqa' ħafna xi jsir qabel ma nistgħu nikkunsidraw meta u kif it-teknoloġija għall-għarfien tal-uċuħ tista' tintuża fil-qasam tas-sigurtà. Ħadd ma jaf jekk l-analiżi li ġibed l-attenzjoni għaliha s-Sur Cachia saritx, jew jekk tal-inqas inbdietx. Din it-teknoloġija tinvadi l-privatezza ta' kulħadd b'sogru li tikser id-drittijiet fundamentali tagħna lkoll. Meta jkun eżaminat dettaljatament kif l-użu ta' din it-teknoloġija jista' jkollha effett fuq l-attività kriminali inkunu f 'pożizzjoni aħjar biex niddeċiedu x'sens jagħmel li nissagrifikaw il-privatezza tagħna, anke jekk b'mod limitat, biex l-istat jissorvelja u sa ċertu punt jikkontrolla parti minn ħajjitna. L-esperjenza tal-użu ta' din it-teknoloġija fir-Renju Unit għandha twassalna għall-konklużjoni waħda: għandna nsemmgħu leħinna u nieqfu lill-istat li jrid jissorvelja ħajjitna. Il-Gvern għandu l-obbligu li jibda konsultazzjoni pubblika immedjatament u jpoġġi l-pjanijiet tiegħu taħt il-lenti tal-iskrutinju pubbliku. Wiċċ b'ieħor CARMEL CACOPARDO

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 11 November 2018