Illum previous editions

ILLUM 25 November 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1055417

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 31

Sports 23 Il-Ħadd 25 ta' Novembru 2018 | illum 'Għalkemm tinstema' clichè, il-boxing huwa ħajti' - Claire Ciantar minn Cristian Antony Muscat NHAR il-Ħadd 17 ta' Novembru, il-boxer ewlenija Maltija Claire Ciantar iġġieldet kontra Beke Bas fuq sitt rawnds ta' żewġ minuti kull wieħed. Beke Bas li kienet rebħet il-11- il ġlieda kollha li keinet involuta fihom qabel din il-ġlieda hija l-aqwa boxer Ġermaniża fil-kategorija 'lightweight' u tikklassifika bħala n-numru 27 fid-dinja. Bas rebħet sitta mill- 11-il rebħa tagħha b'KO. Claire Ciantar hija l-unika mara f 'Malta li hija boxer professjonali. Ciantar ħa tagħlaq 36 sena f 'Diċembru li ġej. Hemm differenza ta' għaxar snin fl-età u esperjenza kbira bejnha u l-Ġermaniża, pero' din ma qatataliex qalbha. Ciantar kienet kunfidenti ferm qabel din il-ġlieda u wara l-istess ġlieda tatna dawn il- kummenti esklussivi: "Irbaħt. Mort tajjeb ħafna. Ġiet ivvutata 'fight of the night' imma ġabuha draw. Kulħadd feraħli. Imma kif ngħidu meta tkun l-'away fighter', diffiċli jtuk ir-rebħa, jekk ma ġġibx knock-out! " Claire Ciantar bdiet dan l-isport ta' età pjuttost kbira. Għal xi seba' snin ilu, qabel l-effett li ħalliet l-introduzzjoni tal-boxing tan-nisa fl-Olimpijadi, din kienet ħaġa normali. L-ebda tifla, apparti Katie Taylor ma kienet qatt toħlom li la tikber tixtieq issir boxer! Bħalissa fid-dinja kollha tista' tgħid li hawn revoluzzjoni, fejnil-boxing tan-nisa qed jiġi rikonoxxut bħala sport serju u tekniku daqs tal-irgiel. Boxers nisa qed jiġu apprezzati u jingħataw 'airtime' fuq l-aqwa cards fl-Amerika u l-Ewropa. Għalkemm il-'gender pay gap' tinħass hawn ukoll, ftit ftit din is-sitwazzjoni qed tirranġa. F'Malta, bis-saħħa ta' boxers u atleti nisa attivi fuq il-media soċjali u ddedikati bħal Yazmin Zammit Stevens fost oħrajn, qed isir tibdil fil- mentalità u l-opportunitajiet wkoll. Meta bdiet Ciantar damet sena biex tikkonvinċi lill-kowċ tagħha ta' dak iż-żmien li tixtieq tiġġieled, imbagħad sentejn oħra biex iġġiblil xi ħadd minbarra biex ikollha l-ewwel ġlieda, peressli Malta ma kien hawn ħadd. Sena wara sena, ġlieda wara ġlieda kemm fir-ring u barra mir-ring, Ciantar qed tħalli mpatt fuq ix-xena ta' dan l-isport. Issa hawn xi għaxar fighters nisa amateur u semi-pro. Il-promoturi u l-kowċis indunaw li apparti li hemm qliegħ għax dan l-isport tan-nisa qed isir aktar popolari u segwit, boxers nisa jiddedikaw ruħhom daqshekk mhux iktar minn xi boxers irġiel u ħafna drabi ssib min jgħid li jkunu l-aqwa ġlidiet tas-serata. Ciantar taħdem full-time bħala manager ta' grupp ta' ristoranti popolari f 'Malta. Hija wkoll omm ta' tfajla Phoebe, li qiegħda fit-tim nazzjonali tal-karate. Qabel, Ciantar, kienet artista u nvoluta fit-teatru u l-mużika, iżda l-passjoni tat-tifla tagħha fl-isport ġiegħla dduq u tiskopri din id-dinja li għaliha kienet xi ħaġa ġdida. Ciantar tistqarr li hija diffiċli ħafna li tqassam l-ħin biex tkun tista' tlaħħaq mal-impenji familjari bħal xogħol tad-dar, ix-xoghol full-time tagħha u trejning. Din hija diffikultà li kull mara taffaċċa. Matul is-snin, sabet ħafna ntoppi kemm minn membri tal- familja li m'aċċettawx li hija tipprattika dan l-isport u kemm fost l-ambitu tax- xogħlijiet li kellha qabel fejn il-ħinijiet tax-xogħol kienu jxekklu l-andament tat-trejning. Ħafna jikkummentaw li l-boxing huwa passatemp għal Claire. Dan il-kumment iweġġaha u jiffrustraha. "Għalkemm tinstema' clichè, il-boxing huwa ħajti," tistqarr Claire. Claire tittrenja darbtejn kuljum fil-gym tagħha u tal-kowċ tagħha, Quendar Pena - Caribbean Boxing Club f 'Ħal Qormi u Fort Fitness. Hi tħossha fortunata ħafna li Pena ġie Malta għall-vaganza tliet snin ilu u daħal fil-gym fejn kienet tittrenja qabel b'kurżità fi żmien meta l-kowċ tagħha Haithem Laamouz kien qed jipprepara biex imur jgħix l-Awstralja. Minn dak iż- żmien 'l hawn, Ciantar u Pena ġew inseparabbli. Quendar Pena, li ġej mir-Repubblika Domenikana għandu esperjenza kbira bħala boxer u kowċ. Il-familja tiegħu hija msemmija f 'Las Vegas u l-Amerika fejn missieru u ħutu kienu jittrenjaw ismijiet kbar u ġġieldu u pprattikaw mal-aqwa boxers ta' dawn l-aħħar 30 sena f 'dan l-isport. Claire Ciantar b'kollox iggieldet 11-il ġlieda. Rebħet hamsa u waħda inqatgħet bħala draw. Għalkemm tistqarr li kważi r-riżultati negattivi huma kollha diskutibli, Ciantar tammetti li iktar ma taqla' fuq wiċċha litteralment u le, aktar tistinka u tirsisti. Probabbli, huwa dan is-sens ta' kompetittività li ġiegħel lil Ciantar tħobb dan l-isport. Hi tħossha onorata li hi l-ewwel mara boxer li poġġiet lil Malta fuq il-mappa tal-boxing u fi klassifiċi importanti internazzjonali. Bħalissa, Claire hija n-numru 23 fl-Ewropa fil-kategorija tas- 'super featherweight'. Claire hija wkoll l-ewwel boxer professjonali mara Maltija li ġġieldet barra minn Malta. Din is-sena ġġieldet kontra Jennifer Miranda f 'Madrid u Kristen Fraser fl-Iskozja. Claire wkoll trejnjat u sparrjat ma' ismijiet kbar bħal Nicole Wesner (Ġermanja) u Bianca Elmir (Awstrallja). Hija żżomm kuntatt u tistieden boxers nisa barranin bħal Catherine Phipps (Ingilterra), Zsofia Gaspar (Ungerija), Nazan Arican (Turkija) u Skye Falzon (Awstralja). "F'dan l-isport speċjalment bħala mara jkun hemm mumenti fejn tħossok waħdek. M'hemmx strutturi biex jgħinu lill-atleti nisa psikoloġikament u fiżikament kemm mil-lat atletiku kif ukoll minn dak nutrittitiv. Anke meta nżur tobba u nsemmi li jiena boxer, jeħduha kontrija. Ħafna affarijiet minħabba li din speċjalment għal Malta hija xi ħaġa ġdida, jkunu bħal 'trial and error'. Mill-banda l-oħra, jaffaxinani kif l-isport jgħaqqad lin-nies. Fil-gym bħalissa jiena biss Maltija – qegħdin tim minn kull rokna tad-dinja - Polonja, Irlanda, Ghana, Serbja, Turkija..Tal- ġenn!' Claire tgħidilna. Claire tiġġieled biex tieħu r-riżultat li ħaqqha. Ix-xewqa tagħha hi li tirbaħ ċintorin importanti internazzjonali. Dan ikun l-aqwa premju għas-sagrifiċċji kollha li hi, il-kowċ tagħha Quendar Pena u l-familji tagħhom jagħmlu. Temmen li dak li rnexxielha tiggwadanja s'issa huwa wkoll tajjeb u tħoss li hi qed twitti t-triq għall-ġenerazzjoni ġdida ta' atleti nisa. "Inħeġġeġ lil kull min għandu xewqa li jibda xi tip ta' sport biex ma jaqtax qalbu. Nappella lil kull min jista' jgħin lill-atleti, speċjalment dawk nisa, b'mod finanzjarju biex jagħmilha llum qabel għada għax jinvolvi ħafna spejjeż u mhux imbilli ngħidu li rridu li Malta tirbaħ. Nixtieq ħafna li jkun hemm entitajiet nazzjonali serji li jgħinu lin-nisa sportivi b'mod konkret!" Claire Ciantar b'overhand right tajba waqt il-ġlieda kontra Kristen Fraser f'Aberdeen Treetops Hilton, l-Iskozja Claire Cianter dieħla r-ring għall- ġlieda kontra Mandy Cortis f'Ġunju ta' sentejn ilu, l-Victor Tedesco Stadium, il-Ħamrun

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 25 November 2018