Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1055417
IV Suppliment illum | Il-Ħadd 25 ta' Novembru 2018 Mill-ponta tar-raġġiera sat-tarġa tal-bankun… Il-Bormliżi jxammru l-kmiem APPARTI r-restawr fuq l-istatwa tal-Kunċizzjoni, diversi voluntiera Bormliżi u oħrajn xammru l-kmiem biex tista' tgħid li l-vara titulari kienet irrestawrata mir-raġġiera li żżejjinha, sat-tarġa tal-bankun li tistrieħ fuqu. Meta niżlet Bormla, l-ILLUM sabet lil John Baptist Ellul, wieħed mill- voluntiera tal-Kolleġġjata, għaddej fuq l-aħħar tindif tal-pedestall, xogħol li qatt ma basar li se jagħmel. "Kien ġie s-Sagristan u qalli biex innaddaf l-Evanġelisti," qal Ellul. "Min hemm spiċċajt innaddaf il-pedestall kollu." X'diffikultajiet iltaqa' magħhom? Ellul spjega kif minkejja li l-pedestall jidher robust, hemm dettalji tal- fidda li fuqhom ma tistax tagħmel daqshekk saħħa u għalhekk, bil-paċenzja kollha, kellu jżarmahom, inaddafhom u jerġa' jpoġġihom f 'posthom bil- galbu kollu. Mistoqsi kif ħassu jaħdem fuq pedestall tal- fidda bħalma huwa dak tal-Kunċizzjoni, saħaq li kien ftit imbeżża' tant li għall-bidu lanqas qal lil tal-familja. Madanakollu, il-kbir kien għadu ġej għax meta raw ix-xogħol li għamel fuq il-pedestall, kemm is-Sagristan Jonathan Farrugia u anke l-Arċipriet talbuh inaddaf il-libsa tal- fidda tal-vara. "Għall-bidu ma xtaqtx. Jien dilettant mhux arġentier, imma baqgħu jħeġġuni sakemm aċċettajt. Issa nista' ngħid li darba f 'ħajti, ħdimt fuq il- Kunċizzjoni," qal Ellul sodisfatt. X'sar fuq ir-raġġiera? Apparti l-pedestall, sar ukoll restawr fuq ir- raġġiera tal-fidda. Dwar dan tkellimna ma' Michael Cutajar, li tmur meta tmur il-Knisja ta' Bormla ssibu jaħdem. Cutajar spjega kif għalkemm kien involut fir- restawr tar-raġġiera, ħafna mix-xogħol sar minn Alex Coster, mill-kumpanija Laga The Silversmiths, li sewwiet xi ħsara li kien hemm u naddfet il-fidda. Wara dan, bil-paċenzja kollha, Cutajar kellu jgħaqqad mill-ġdid ir- raġġiera, li biex tnaddfet kellha tiżżarma raġġ raġġ, proċess li fi kliemu kien twil u diffiċli. 'Li naħdem fuq il-bradella tal-Immakulata huwa l-akbar unur' Ix-xogħol fuq il-bradella lanqas ma kien ippjanat, iżda dan kellu jsir bilfors hekk kif nhar l-1 ta' Mejju, waqt li l-vara kienet qed tinħareġ min-niċċa biex tiżżarma għar-restawr, waqgħu biċċiet kbar tal- konkos mis-saqaf tan-niċċa li kkawżaw ħsara fuq il- bankun u l-bradella tal- Kunċizzjoni. Dwar dan ix-xogħol tkellimna mal-Bormliż Carmelo de Lorenzo, magħruf għax-xogħlijiet ta' skultura fl-injam li għandu fil-Kolleġġjata Bormliża u anke ma' Manwel Vassallo li ħadem fuq ix-xogħol delikat tal-lostru. Din kienet it-tielet darba li De Lorenzo ħadem fuq il-bankun u l-bradella tal-Immakulata iżda dan kien l-aktar restawr diffiċli, għax, fi kliemu, il-bradella kellha l-wiċċ miksur u ħsara kbira fuq wara, fosthom fl- interzjar fin li jżejjinha. De Lorenzo għandu 88 sena, iżda meta jitkellem dwar xi ħaġa li għandha x'taqsam mal-Immakulata jsir qisu tifel. "Għalija li naħdem fuq il-bradella tal- Immakulata huwa l-akbar unur," qalilna b'leħnu miksur. "Kburi mhux għax għamilt l-oġġett iżda għax għamiltu għal Bormla." Wara li De Lorenzo lesta t-tiswija, kien imiss lil Manwel Vassallo li bil- kalma kollha ħadem fuq il- lostru, xogħol li ħareġ aktar minn qatt qabel il-ġmiel u r-rikkezza tal-bankun u l-bradella. "Jien mhux Bormliż, iżda meta sirt naf bl- inċident, xtaqt ħafna li naħdem fuqha. Il-bradella taffaxinak, aktar u aktar meta tqis li fl-1900 ma kellhomx l-għodda li għandna llum. Meta l-għada ċempluli biex jistaqsuni hux lest nillostraha, tellawni l-ġenna." Ix-xogħol tal-lostru kien twil. Vassallo spjega kif l-ewwel kellu jixkatla l-bradella kollha biex wara, beda jillostra ftit ftit b'biċċa tajjara. Lejn il-75 anniversarju mill-pellegrinaġġ tal-1944 B'hekk, issa l-istatwa tinsab lesta u kompluta mhux biss għall-festa iżda anke biex is-sena d-dieħla, il-Bormliżi jiċċelebraw il-75 anniversarju mill- pellegrinaġġ tal-1944. Meta fi żmien il-Gwerra, il-Bormliżi kienu ħadu l-kwadru u l-vara tal- Immakulata għall-kenn f 'Birkirkara, kienu għamlu wegħda mal-Madonna, li jekk il-knisja ma tkunx minsusa mill-bombi li heżżu l-Kottonera, kienu se jagħmlu pellegrinaġġ kbir minn Birkirkara sa Bormla. Minkejja l-ħerba li l-Gwerra ħalliet f 'Bormla, il-Knisja baqgħet sħiħa u l-Bormliżi żammew mal-wegħda li għamlu. Għaddew is-snin u dan il-pellegrinaġġ baqa' jkun imfakkar kull sena, bil-ġurnata tad-19 ta' Novembru tkun iddikjarata wkoll Jum Bormla. Carmelo De Lorenzo Manwel Vassallo Il-bankun irrestawrat tal-vara tal-Immakulata John Baptist Ellul waqt l-aħħar tindifa tal-pedestall Michael Cutajar waqt ix-xogħol fuq ir-raġġiera