Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1055417
5 Aħbarijiet Il-Ħadd 25 ta' Novembru 2018 | illum Titfaċċa tama fl-arterja misħuta HAWN min isostni li għalxejn wessajna l-Marsa- Ħamrun Bypass u bnejna l-flyover tal-Kappara jekk xorta waħda kull filgħodu u filgħaxija neħlu fit-traffiku fit-triq ta' bejniethom, il- misħuta Triq Reġjonali. Il-ġimgħa li għaddiet l-aġenzija ġdida tal- iżvilupp tal-infrastruttura, Infrastructure Malta, bdiet proġett biex parti kbira minn din it-triq titwessa' għal sitt korsiji. Il-gafef għaddejjin ġmielhom iħaffru u jwittu l-post għall-korsiji ġodda, iżda x'qed jiġri eżattament? Il-parti ta' Triq Reġjonali bejn Santa Venera u l-mini tal-Qroqq m'hijiex biss uġiegħ ta' ras għax ta' kuljum tara eluf ta' vetturi. F'dawn l-aħħar għaxar snin, it-triq rat ukoll medja ta' kważi aċċident fil-ġimgħa, b'aktar minn 40% minnhom ħabtiet serji. U kull darba li jkun hemm xi ħabta, minbarra l-ħsarat u l-ġrieħi, tiġġammja hi u ħafna toroq madwarha. Kelliem għal Infrastructure Malta spjega lill-gazzetta Illum li d-disinn tal-proġett qed iqis dawn l-aċċidenti wkoll, u fejn hu possibbli, se tinbena b'dawriet u qlib aktar sikur, ħalli jonqsu r-riskji għal dawk li jivvjaġġaw minnha. Fl-istess waqt, is-seba' junctions li jgħaqqdu din it-triq ma' toroq oħra, fosthom Triq il- Wied u l-Birkirkara Bypass, ser isiru b'merging lanes itwal biex jitneħħa l-bżonn li biex toħroġ jew tidħol fihom ikollok taqsam f 'daqqa f 'korsija li minnha jkunu għaddejjin b'ċertu veloċità il-karozzi bejn Tal-Qroqq u Santa Venera. Fil-karreġġjata mill-mini ta' Santa Venera fid- direzzjoni lejn l-Imsida, il-korsija ġdida se tipprovdi aċċess aktar sikur min- niżla li tgħaqqad Triq il-Wied fl-Imsida, Triq il-Ferrovija f 'Birkirkara u Triq il-Kappillan Mifsud, f 'Santa Venera, ma' Triq Reġjonali. Fl-istess waqt, aktar 'il fuq, din l-istess korsija se tnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar għal dawk li jkunu jridu joħorġu minn Triq Reġjonali u jaqbdu t-telgħa lejn il-Birkirkara Bypass. Bħalissa, mhux darba u tnejn li l-kju ta' karozzi jistennew biex iduru lejn din it-telgħa jwaqqaf lil dawk li minn Santa Venera jkunu sejrin lejn il-mini tal- Qroqq biex jaslu l-Kappara. U kif jiġġammja hawnhekk, is-serbut ta' karozzi jibqa' sejjer lura sal-mini ta' Santa Venera. Fid-direzzjoni opposta ta' Triq Reġjonali, il-korsija addizzjonali se ttejjeb is- sigurtà u l-ħin tal-ivvjaġġar fin-niżla li tgħaqqad ir- roundabout f 'Tal-Qroqq (skate park), mal-karreġġjata fid-direzzjoni lejn Santa Venera. Dan peress li din in-niżla ser tingħaqad ma' korsija ġdida li tibqa' sejra fid-direzzjoni lejn Santa Venera mingħajr il-bżonn li tikser minn korsija għal oħra. Sabiex Triq Reġjonali titwessa għal sitt korsiji, kien jeħtieġ jitwessa' wkoll il-pont tas-snin sebgħin li minn fuqu din it-triq taqsam il-Wied fl-Imsida. Infrastructure Malta spjegat li minflok jitwessa' l-pont eżistenti, ġie deċiż li jkun aħjar li jinbena pont ġdid. B'hekk, tinbidel il-parti antika wkoll. Staqsejna lil Infrastructure Malta kif se jwettqu proġett bħal dan mingħajr ma jimblokkaw din ir-rotta kruċjali. "Bħalma qed nagħmlu fil-Marsa Junction Project fi Triq Aldo Moro, għamilnieha ċara mal- kuntratturi li t-triq trid tibqa' miftuħa bil-kapaċità li għandha bħalissa matul il-jum. Qed nużaw sistema fejn l-ewwel inlestu x-xogħlijiet mal-ġnub tat- triq biex noħolqu spazji ġodda li jieħdu post dawk eżistenti waqt li jinqalgħu huma. Meta bilfors ikollha tingħalaq it-triq, ix-xogħol isir billejl – għandna sigħat twal li fihom it-toroq ikunu kważi vojta. Jekk triq ewlenija jeħtieġ tingħalaq, trid tingħalaq dak il-ħin." Titfaċċa tama fl-arterja misħuta Titfaċċa tama fl-arterja misħuta