Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1060187
15 Valletta Il-Ħadd 9 ta' Diċembru 2018 | illum Il-Belt Valletta u l-festa tal- Immakulata Kunċizzjoni PERESS li nhar fi ftit jiem oħra tiġi ċċelebrata l-festa solenni tal-Immakulata Kunċizzjoni, ħsibt li niddedika l-artiklu tiegħi tal-lum, propju għal xbiha antika tal-Madonna li kull sena, għal mijiet ta' snin, nhar it-8 ta' Diċembru, tinħareġ proċessjonalment mill-Konkatidral ta' San Ġwann u tiddawwar mat- toroq ewlenin tal-Belt Valletta. Il-kappella fejn tinżamm din ix-xbieha fil-Konkatidral ta' San Ġwann, hija dik li nsibu fuq ix-xellug tal-artal maġġur. F'din il-kappella għal ħafna snin kien hemm ivvenerata l-immaġni tal- Madonna ta' Filermos. Din kienet ikona Bizantina mdaqqsa li diġà nsibu aċċenn għaliha fis-seklu 14 fil-gżira ta' Rodi, u li l-Kavallieri ta' San Ġwann ġabu magħhom Malta fl-1530. L-ikona mirakuluża kienet meqjuma ħafna speċjalment qabel għadd ta' battalji importanti miġġielda mill-Ordni. Kien hemm l-użanza li qabel jitilqu għall-ġlied, il-kavallieri kienu jiltaqgħu u jitolbu l-interċessjoni u l-ħarsien tal-Madonna tal-Filermos. Imbagħad meta l-istess kavallieri kienu jirritornaw rebbieħa, iċ-ċwievet tal- kastelli u l-bliet megħluba kienu jiġu ppreżentati lill-kappella tal-Madonna. Sal-lum, iċ-ċwievet tal-kastelli ta' Lepanto, Hammamet, Passava u Patras għadhom imdendlin mal-ħitan ta' din il-kappella fil-Kon Katidral ta' San Ġwann. Mal-wasla ta' Napuljun Bonaparte, fl-1798, wara li keċċa l-kavallieri tal- Ordni minn Malta, il-Gran Mastru Ferdinand Hompesch ħa l-ikona tal-Madonna ta' Filermos miegħu. Din għaddiet f 'idejn il-kollezzjoni Imperjali tar-Russja wara li t-Tsar Pawlu I ġie elett bħala il-Gran Mastru l-ġdid tal-Ordni. L-oġġetti sagri oriġinarjament kienu f 'San Pietruburgu, imma wara r-rivoluzzjoni tal-1917, ġew moħbija fi'diversi monasteri biex ma jinstabux u jinqerdu mill-Bolxevisti. Kien biss dan l-aħħar, madwar għoxrin sena ilu, li ż-żewġ oġġetti sagri ġew misjuba f 'monasteru fil- Montenegro. L-ikona issa hija esibita fil-Mużew tal-Arti tal- Montenegro u għaxar snin ilu, fl-2008, il-Knisja Ortodossa Russa organizzat pellegrinaġġ kbir madwar ir-Russja kollha bir-relikwa tad-driegħ ta' San Ġwann. Biex jimtela l-vojt ta' din l-ikona fl-artal tal-Kon Katidral ta' San Ġwann, fl- 1868 l-immaġni l-antika ġiet mibdula b'pittura ta' Pietro Gagliardi, li fl-1954 ittieħdet fil-mużew tal-Katidral tal- Imdina. Illum minflokha nsibu kwadru sabiħ li huwa kopja tas-seklu sbatax tal-Madonna ta' Lanciano (Abruzzo), magħrufa aħjar bħala il-Madonna ta' Caraffa għall-Kavallier Fra Gerolomo Caraffa li kien ikkummissjona din il-pittura. Oriġinarjament dan il-kwadru nsibuh fil- Kappella tal-Lingwa tal-Italja fl-istess Kon Katidral. Forsi ftit huma dawk li jafu li l-ġurisdizzjoni tal-Kappella tal-Madonna tal-Filermos għal żmien twil kienet distinta mill-bqija tal-Knisja Konventwali ta' San Ġwann u kienet tgawdi minn fond finanzjarju indipendenti amministrat mill-viċi-prijur tal-knisja. Il-Kappella tal-Madonna ta Filermos hija mżejna b'artal rikk u prospettiva ta' rħam fin u interzjat. Is-saqaf li huwa mimli bi skultura indurata fih pitturi li jirrappreżentaw: it-Tħabbira tal-Anġlu lill-Madonna, it- Tlugħ tal-Madonna fis-sema u l-Inkurunazzjoni tal-Verġni Marija. Fl-1752, il-kappella ssebbħet b'kanċell tal-fidda mħallas mill-Kavallieri Guillame de Salle u Francesco Rovero de Guarena. Xogħlijiet oħra ta' arti rinaxximentali fl-istess kappella huma salib monumentali prezzjuż impitter minn Polidoro Caldara u kwadru tal- Madonna bit-Bambin. Illum, din il-kappella hija iktar magħrufa bħala l-Kappella tas-Sagrament. Fiha hemm l-ikona miksija bil-fidda bix-xbiha tal- Madonna ta' Carafa Madonna. Kif aċċennajt qabel, il-post oriġinali ta' din il-Madonna kien fit-tondo li nsibu fuq il-kapolavur tal-Mattia Preti – l-inkurunazzjoni ta' Santa Katerina fil-kappella tal- Lingwa Taljana. Kien biss wara li l-Madonna ta' Filermos ittieħdet minn Malta, li l-Madonna ta' Carafa nqalgħet mit-tondo u ġiet sostitwita mill-arma magħrufa bħala n-Nome di Maria. L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann minn dejjem ikkunsidrat żewġ oġġetti sagri bħala l-aktar fdalijiet qaddisa tiegħu – id-driegħ ta' San Ġwann il-Battista, rigal tas- Sultan Tork lill-Gran Mastru wara l-waqa ta' Ġerusalemm, u l-ikona tal-Madonna ta' Filermos. Din l-ikona li turi xbiha tal-Madonna b'karnaġġjon skur, kienet ikkunsidrata mill- kavallieri bħala mirakuluża u għamlu minn kollox biex jipproteġuha tant li ħaduha magħhom, flimkien mad- driegħ tal-patrun tagħhom San Ġwann, meta ġew mġegħlin jitilqu minn Rodi. Meta, wara l-Assedju l-Kbir ta' Malta, il-kavallieri ppjanaw il- bini tal-Belt Valletta u l-Knisja Konventwali l-ġdida, ebda waħda mill-kappelli ma ġiet assenjata lil-lingwi differenti, għax din seħħet fis-seklu ta' wara. Minkejja dan l-ikona ġiet assenjata mill-ewwel biex titqiegħed fil-kappella ta' maġenb l-altar maġġur. Meta il-knisja ta' San Ġwann kienet għadha qed titlesta fl-1576, hemm evidenza li l-ikona kienet diġà mqiegħda fil-kappella u setgħu jinkisbu indulġenzi partikulari jekk wieħed iżurha. Għall-kavallieri din il- kappella kienet meqjusa bħala l-aktar waħda qaddisa. Kienu jitolbu quddiem l-ikona, speċjalment kull darba qabel ma kienu jmorru fuq il- corso (tislit mal-kursara). Din kienet ukoll il-kappella fil-Knisja Konventwali li l-Kavallieri żejnu, ħafna qabel ma ħasbu għad-dekorazzjoni tal-bqija tal-knisja. Fl-1645, Fra Tommaso Hozzes u Fra Flaminio Balbiano kkummissjonaw l-iskultur Fjorentin Vitale Covati, li kien jgħix f 'Messina, biex iżejjen il-ħitan ta' madwar l-ikona b'irħam aħmar Taljan. L-irħam inġieb minn Messina, u twaħħal fuq disinn ta' Francesco Murtari, b'stil kważi rinaxximentali, b'kuntrast mal-barokk li nsibu fil-bqija tal-knisja. It-tinqix tal-ġebel u l-induratura li nsibu qrib l-artal huwa wkoll pjuttost differenti minn dak li nsibu fil-bqija tal-knisja. Dan kien l-ewwel post fejn skultura mnaqqxa ġiet applikata direttament mal-ħitan. Id-disinn tal-kappella kien tal-perit Francesco Buonamici filwaqt li dak tal-bqija tal- knisja kien tal-magħruf Mattia Preti. Karatteristika ewlenija oħra tal-kappella, li semmejt qabel, huwa l-kanċell tal-fidda, li, kif jaf kull Malti, mal-miġja ta' Napuljun, kienu miżbugħin suwed biex jingħataw dehra ta' xtiebi tal-ħadid u hekk iqarqu bih u jevitaw li jinsterqu oġġetti oħra sagri tal-fidda. Fid-devozzjoni lejn il- Madonna ta' Filermos, l-ikona Biżantina li kien hemm fil- kappella qabel dik ta' Carafa, kien hemm element qawwi ta' atmosfera Griega. Kien għalhekk li l-kavallieri ħassew xieraq li jikkreaw l-iconostasis bħalma nsibu fit-tradizzjoni Griega Ortodossa. Din kienet issir permezz ta' kanċell u bieb li jisseparaw l-ikona vvenerata minn man-nies. Fl-2009, il-Fondazzjoni ta' San Ġwann wettqet restawr intensiv fil-Kappella tal- Madonna ta' Filermos. Wara li tlesta t-tindif u l-indurar mill-ġdid tal-iskultura kollha tal-kappella, bħalma sar fil- bqija tal-knisja, il-viżitaturi issa jistgħu jgawdu iktar ir-rikkezza u l-kobor uniku ta' din il-knisja ġojell, propju hekk kif xtaquha l-Kavallieri. Ir-restawr tal-kappella sewa madwar €700,000 li ġew iffinanzjati mir-riżorsi tal- Fondazzjoni stess. Nhar is-Sibt 8 ta' Diċembru, f 'jum il-Festa liturġika tal- Immakulata Kunċizzjoni, issir għal darb'oħra l-purċissjoni bil-kwadru tal-Madonna ta' Caraffa. Il-programm ikun jinkludi il-kant tat-talba ta' filgħaxija (l-Għasar) fl-4:00pm u wara pellegrinaġġ bl-ikona msemmija tal-Madonna. Il-purċissjoni titlaq mill- Konkatidral u timxi sa Triq il-Merkanti, tgħaddi minn Pjazza Jean de Vallette u lura mill-ġdid minn Triq il-Merkanti. Din il-festa lil Marija Immakulata tintemm b'quddiesa tal-festa fil- 5:30pm. CLIFFORD GALEA