Illum previous editions

ILLUM 23 December 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1065917

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 31

14 Aħbarijiet illum | Il-Ħadd 23 ta' Diċembru 2018 MINN PATRI HERMANN DUNCAN O.CARM BILLI din is-sena aħna l-Karmelitani qed infakkru s-600 sena mill-miġja tagħna f 'Malta ħsibt biex nikteb xi ħaġa ċkejkna dwar l-istorja tagħna. Il-Provinċja Karmelitana Maltija ġiet imwaqqfa fis-7 ta' Mejju 1892. Qabel din il-Provinċja kienet tagħmel parti mill-Provinċja ta' Sqallija msemmija għal Sant Anġlu. Iżda mal-ħakma tal-Ingliżi aħna sirna indipendenti. Mill-istorja nafu li l-Karmelitani waslu Malta fl- 1418, meta n-nobbli, Margarita d'Aragona, ħalliet il-kappella u l-art ta' madwarha, il- Lunzjata fil-limiti tar-Rabat, f 'Malta, lil membru tal-ordni reliġjuż li kellu jgħid ta' kuljum il-liturġija tas-sigħat. Billi l-Karmelitani aċċettaw li jwettqu dan l-obbligu huma rċevew mingħand din is- sinjura dan kollu. Dan qiegħed dokumentat fil-ktieb li kien ħareġ fl-1993, Patri Serafin Abela O.Carm, bl-isem ta' L-ewwel Karmelitani f 'Malta l-Lunzjata l-qadima (1418 – 1659). Wara li stabbilixxew ruħhom ġewwa l-limiti tar-Rabat, imxew lejn l-Belt Valletta fis- sena 1570, fiż-żmien li kienet qed tinbena l-Belt il-ġdida fejn huma xtaqu li jkollhom Kunvent u Knisja. Ftit snin wara marru l-Birgu bejn l-1582 u l-1652 iżda minħabba ċertu raġunijiet kellhom jitilqu minn hemm. Seba' snin wara li għalqu l-Kunvent tal-Birgu, huma marru fil-Belt tal-Mdina fis-sena 1659. Iktar minn mitejn sena wara jiġifieri fl-1892, iddeċidew li jiftħu l-Kunvent tal-Balluta ġewwa Tas-Sliema. Ftit iktar minn mitt sena ilu, fl-1913, marru ġewwa Santa Venera fejn fl- 1980 waqqfu Kunvent ġdid. Umbagħad iktar tard fl-1945, insibu li marru ġewwa l-Fgura u fl-1947 ġewwa Fleur de Lys. Illum erbgħa minn dawn il-Kunventi, saru parroċċi li huma Santa Venera, il-Fgura, il-Balluta u Fleur de Lys. Fl-1944 fetħu skola sekondarja, fil-kunvent tal-Belt bl-isem ta' Scola Mariano Apostolica li aktar tard ġiet imsejħa Mount Carmel College fejn itrasferixxiet ruħha għal Santa Venera. Illum l-iskola tissejjaħ Saint Elias College u tinsab f 'misraħ Santa Venera. Minn din l-iskola ħarġu bosta vokazzjonijiet kemm Karmelitani u ma' ordnijiet oħra, saċerdoti djoċesani kif ukoll ħarġu minnha nies ta' ċertu professjoni. Fl-1949, il-Provinċja, wieġbet għas-sejħa li kien għamel il-Pirjol Ġenerali biex tibgħat lil xi patrijiet biex jaħdmu bħalha missjunarji fl-Afrika, iżda billi din ma saritx marru ġewwa l-Perù fl-1949 u iktar tard fil-Bolivja fl-1956. Illum il-ġurnata l-Missjoni tal-Perù m'għadhiex f 'idejn il-Karmelitani Maltin. Fl- 1987, il-Provinċja fetħet knisja u kunvent ġewwa Milazzo fi Sqallija, iżda dan kellu jagħlaq minħabba nuqqas ta' membri. Fl-1990 il-Karmelitani rrestawraw mill- ġdid il-Kunvent tal-Lunzjata li jinsab fir-Rabat, u hawnhekk waqqfu dar tat-talb fejn huma jaċċettaw lil dawk kollha li fiha jkunu jixtiequ jagħmlu xi rtir. Il-patrijiet u reliġjużi Karmelitani għamlu ħafna ġid lill-poplu Malti. Bosta baqgħu jissemmew għall- qdusija ta' ħajjithom, l-għerf li żejjinhom Alla bih u l-ħidma appostolika tagħhom. Fost dawn insibu lill-Patri Avertan Fenech li kien dejjem jitlob għan-nies u jqarar kemm jiflaħ li llum l-kawża tiegħu għall-beatifikazzjoni miexja 'l quddiem. Il-poeta tal- Madonna Patri Anastasju Cuschieri li għamel isem fil-letteratura Maltija. Insibu wkoll kittieba bħal Patri Lawrenz Sammut, Patri Serafin Abela u oħrajn li kienu ta' għajnuna għall-poplu tagħna fit-tagħlim. Ma ninsewx lill-Karmelitani li ħasbu biex jippubblikaw rivista bl-isem 'il-Karmelu' ħalli jxerrdu l-kariżma Karmelitana fil- gżejjer tagħna. Tajjeb li ngħidu li fost il- membri tagħna, il-Provinċja kellha żewġ isqfijiet. Wieħed Mons. Franġisk Raiti, li kien isqof ta' Trapani ġewwa Sqallija, u Mons. Redent Gauci, li kien isqof ta' Chuquibamba, fil-Perù. Bħalissa l-Provinċja Maltija għandha mawdar 43 patri li jaħdmu f 'Malta, fil-missjoni tal-Bolivja, kif ukoll ġewwa l-Italja u fl-Istati Uniti. Biex infakkru s-600 sena saru diversi ċelebrazzjonijiet din is-sena, fosthom: • Fl-4 ta' April saret il- Konsagrazzjoni tas-Santwarju- Bażilika tal-Madonna tal- Karmnu tal-Belt Valletta mill-E.T. Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta' Malta u ġranet qabel ġie mbierek il- paviment il-ġdid tal-Bażilika. • Fid-9 ta' April, saret il-ftuħ mill-ġdid tad-Dar tat-Talb 'Lunzjata' fil-limiti tar-Rabat li m'ilux ġie rrestawrat. • Fit-30 ta' Mejju sar irtir nazzjonali għat-Terzjarji Maltin li tmexxa mill-Pirjol Provinċjali P. Sandro Vella O. Carm u Patri Alex Scerri O. Carm Assistent Nazzjonali tat- Terzjarji. • Fis 16 ta' Lulju, ta' din is-sena ċċelebrajna t-Tifkira Solenni tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Karmelu mmexxija mill-Pirjol Ġenerali P. Fernando Millán Romeral fil- Belt Valletta. Nixtieq nagħlaq din il-kitba b'radd il-ħajr lil Alla li minnu tiġi kull ħaġa tajba. It-tieni tmur lejn il-Verġni Marija, l-Omm u Patruna tagħna, li mxiet magħna u mexxietna tul dawn is-sekli. Fuq kollox ir-radd il-ħajr imur lill-aħwa li ġew qabilna u ħallewlna wirt kbir spiritwali, appostoliku u kulturali. Il-Karmelitani jtemmu sena speċjali li fiha fakkru s-600 sena tagħhom f 'Malta

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 December 2018