Illum previous editions

ILLUM 23 December 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1065917

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 31

23 illum | Il-Ħadd 23 ta' Diċembru 2018 TV/Ċinema Films ġodda għal din il-ġimgħa Id-diriġenti tal-kumpanija Disney ġiethom l-idea li jaħdmu sequel għall- film klassiku u maħbub Mary Poppins, li għamel suċċess kbir fl-1964, stabilixxa lil Julie Andrews bħala superstilla u anki rebħet l-Oscar għall-Aqwa Attriċi ta' dik is-sena, waqt li din il-produzzjoni ġabret 4 Academy Awards oħra. L-awtrici Awstraljana P. L. Travers kitbet seba' kotba oħra dwar din in-nanny maġika u b'hekk ma kenitx ħaġa daqshekk diffiċli li jinħadem film ieħor b'avventuri ġodda. Mary Poppins Returns, hu ambjentat 20 sena wara l-avvenimenti tax-xogħol ta' qabel, fl-1930 u fl-istess dar f 'Londra, fi żmien ta' dipressjoni kbira. Michael Banks (Whishaw) issa hu armel bi tliet it-tfal, Annabel (Davies). John (Saleh) u Georgie (Dawson), u bħal missieru u nannuh jaħdem fil-Fidelity Fiduciary Bank, imma ż-żminijiet huma iebsin. B'nuqqas ta' flus, id-dar tiegħu kważi fi stat ta' abbandun u mnikket ħafna bil-mewt riċenti ta' martu, oħtu Jane (Mortimer) li għadha xebba u bħal ommha qabel tistinka għad-drittijiet tan-nisa, sikwit tiġi tagħtih xi għajnuna minkejja li għandu s-seftura, Ellen (Walters). It-tfal qed jikbru jagħmlu xogħol tal-kbar kif ukoll qed jitilfu l-ferħ u l-għaġeb tat-tfulija. B'din il-mizerja kollha, b'Michael taħt stress mhux jimxi sewwa mat-tfal u b'Mr. Wilkins (Firth). id-direttur tal-bank mhux jieħu riskji u ma jittolereax dejn u jrid jippossedi d-dar tagħhom fi żmien qasir, tasal mis-sħab Mary Poppins (Blunt), attraenti, irżina, karizmatika u bil-maġija ta' qabel. Din in-nanny perfetta u impekkabbli f 'suritha li ma xjieħet xejn trid tagħti divertiment xieraq lil dawn it-tfal inkwetati. Flimkien ma' Jack (Miranda), ħabib tagħha li kuljum jixgħel u jitfi l-lampi tal-gass tat-toroq dejjem għaddej b'rota u sellum miegħu, Mary u t-tfal se jgħaddu minn avventuri fantastiċi, aqwa minn dawk li missierhom u zithom esperjenzaw ħafna snin qabel. Nista' ngħid li Mary Poppins Returns hu replika, forsi daqsxejn iżjed tetra mill-film tal-1964. Bl-avventuri fl-arja, taħt l-ilma, taħt l-art u anki f 'sekwenza animata, dan ix-xogħol żgur li se jsaħħar lit-tfal u lill-familji kollha, kif ukoll lill-kbar ta' rieda tajba. Meryl Streep għandha parti eċċentrika, l-istess kif kellu Ed Wynn 54 sena ilu. Mary Poppins Returns Atturi Ewlenin: Emily Blunt; Lin-Manuel Miranda; Ben Whishaw; Emily Mortimer; Julie Walters; Pixie Davies; Nathaniel Saleh; Joel Dawsom; Colin Firth; Meryl Streep. Direttur: Rob Marshall. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 130 min. Ċert. U Ħafna mill-films tax-xjenza fittizja ta' dawn l-aħħar ftit snin huma ambjentati fil-futur, b'atmosfera ta' bruda ta' dinja meqruda minn xi avveniment katalistiku jew xi gwerra ħarxa. Irriżulta li bosta drabi minkejja effetti speċjali viżwali mill- aqwa, dawn kienu mimlijin sekwenzi repetuti, klixes, azzjoni mgħaġġla u vjolenza kultant mhix kredibbli. Mortal Engines, għalkemm jikkombina ħafna minn dak li diġà semmejt, għandu storja interessanti bi promessa oriġinali u anki unika. L-aqwa u l-isbaħ ta' din il-produzzjoni narawh fl-ewwel nofs siegħa, bl-andament jikkwieta għal xi ħin wara u terġa' tibda rankatura oħra lejn il-final, li xorta waħda ma tikkomparax mal-ftuħ. Mijiet ta' snin wara li d-dinja nqerdet minn xi avveniment ta' qawwa tremenda, il-popolazzjoni qed tgħix fi bliet mobbli li jimxu fuq ir-roti. Londra hija l-akbar waħda minnhom, belt ġganteska taħt il-kmand ta' Thaddeus Valentine, li jrid jaħtaf kollox taħt idejh. Kull fejn din il-belt tħuf fuq roti ta' kobor immens, fuq art imfarrka kollha blat, tajn u mizerja, tibla' kull belt żgħira li tinzerta fi triqtha. Hester Shaw (Hilmar) mara żagħżugħa b'nofs wiċċha mgħotti hi deċiża li twaqqaf lil Londra minn din il-ħerba li qed tagħmel. Bil-memorja tal-għażiża ommha dejjem ħajja f 'moħħha, tingħaqad ma' Tom Natsworthy (Sheehan), maħrub mil-liġi ta' din il-belt u anki jsibu għajnuna minn Anna Feng (Jihae), ukoll imfittxija bi prezz fuq rasha. Dawn it-tlieta jridu jeliminaw lil Valentine b'kull wieħed u waħda minnhom għandhom xi jpattulu. Din se tkun missjoni rassew perikuluza. Għalkemm Mortal Engines jippreżenta xogħol ta' fantasija qawwija, l-istil lussuż u stravaganti tiegħu u l-mod eżileranti kif jiżvolġi, tassew jinkorpora dak kollu li wieħed għandu jammira fih! Maħdum kollu fi New Zealand, b'effetti ġġenerati bil-kompjuter u xenarju panoramiku apokaliptiku, mill-produtturi tas-sensiliet The Hobbit u The Lord Of The Rings, dan ix-xogħol tassew iħabbatha ma' dawn il-blockbusters fl-iskop grandjuż tiegħu. Mortal Engines Carmel Bonnici Atturi Ewlenin: Hera Hilmar; Robert Sheehan; Hugo Weaving; Jihae; Ronan Raftery; Patrick Malahide; Stephen Lang. Direttur: Christian Rivers. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 130 min. Ċert. 12A Il-film animat Spider-Man: Into the Spider's Verse jipprovdi laqta' oħra ta' avventuri eżileranti mill-univers tal-kotba komik Marvel dwar dan il-bniedem/brimba. Ibbażat minn fuq il-karattri komik maħluqa mill-kittieb Brian Michael Bendis u mid-disinjatura Sara Pichelli fl-2011, din il-produzzjoni tiffoka fuq l-avventuri tat-tfajjel Miles Morales (vuċi ta' Moore), Afrikan/ Amerikan minn Puerto Rico li joqgħod Brooklyn, hekk kif jipprova jissetilja ġo skola privata ġdida f 'Manhattan. Minkejja l-intenzjonijiet utli u tajbin ta' ommu u missieru, Miles ma jistax jidhra u jingrana f 'din l-iskola. Meta brimba radjoattiva tigdmu, jesperjenza poteri qawwija ta' smigħ eċċellenti u s-swaba tiegħu jibdew jeħlu mal- oġġetti. L-akbar kriminal tal-belt jirnexxilu jiftaħ rotta sopranaturali għal universi oħra u jġib fil-belt verżjonijiet malinni ta' Spider-Gwen, Spider-Man Noir, Spider-Ham u Peni Parker animata. Mgħejjun mill-karattri awtentiċi familjari Peter Parker, Spider-Gwen u Aunt May f 'burdata ta' ġlied, Miles jitgħallem jilqa' l-isfidi u r-responsabilitajiet li jagħmlu lilu wkoll supereroj. Dan il-film jagħti l-opportunità li jirrakkonta l-istorja ta' Spider-Man b'mod kompletament ġdid u rivoluzzjonarju. L-esperjenza ta' supereroj minn angolu differenti tipprovdi lil dan ix-xogħol b'manjiera tassew friska, verament movimentata u b'oriġinalità pjaċevoli. Film li juri kif wieħed jista' jsib skop effiċjenti f 'ħajtu u li kulħadd jista' jilbes il-maskra ta' supereroj. Spider-man: Into the Spider's Verse Vuċijiet Ewlenin:Shameik Moore; Jake Johnson; Hailee Steinfeld; Mahershali Ali; Lily Tomlin; Nicolas Cage. Diretturi: Bob Persichetti, Peter Ramsey u Rodney Rothman. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 117 min. Ċert. U

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 December 2018