Illum previous editions

ILLUM 30 December 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1066820

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 31

19 Il-Ħadd 30 ta' Diċembru 2018 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt L-2018 għaddiet ukoll.... L2018 issa waslet fit- tmiem tagħha. Kienet sena ġeneralment aktar kwieta fuq livell lokali, imma mqallba fuq livell Ewropew u internazzjonali. Nibdew b'dak li huwa lokali. Din is-sena, ekonomikament, il-pajjiż ġera 'l quddiem u qabeż lill-pajjiżi kollha jew kważi kollha tal- Unjoni Ewropea. Din hija kisba għal pajjiżna, mhux biss għax issa għandu ħafna iktar flus minn fejn iqassam imma wkoll għax juri kif mhux biss salvajna mill-kriżijiet ta' madwarna iżda ħriġna aktar b'saħħitna wara l-kriżijiet ta' madwarna. Huwa veru li dak li qed jiġri madwarna qed jgħin fit-tkabbir, imma pajjiżna mhux qiegħed fil- quċċata b'kumbinazzjoni. Kif kien jgħid l-eks PM Lawrence Gonzi, 'xejn ma jiġri b'kumbinazzjoni.' Sfortunatament lanqas hija kumbinazzjoni li isem pajjiżna ġie mċappas daqstant. Din kienet is-sena illi matulha komplejna nifhmu aħjar qtil ta' persuna li xxokkja pajjiż u li l-aħħar li konna rajna bħalu kien snin ilu meta nqatlu Raymond Caruana u Karin Grech, f 'okkażjonijiet separati. Il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, heżżeż il-fundamenti ta' dan il-pajjiż f 'kull sens u matul l-2018 ilkoll batejna mill-konsegwenzi tal-att kodard. Matul din is-sena għajnejn id-dinja ntefgħet fuqna u saru numru ta' rapporti, uħud minnhom mhux ġusti u ferm żbilanċjati, li taw isem ħażin ħafna lil Malta. L-2018 kienet ukoll is-sena illi fiha ħallejna kumpanija li hija ta' anonimu mill-British Virgin Islands, li tajnieha l-flus u li ma tatna xejn lura u li r-rappreżentant tagħha kellu passat dubjuż, jaqbdu tliet sptarijiet li akkwistaw u jbigħu l-konċessjoni tagħhom lil kumpanija ohra. Dan minflok kien il-Gvern li ħa lura dawn l-isptarijiet u fetaħ mill-ġdid il-proċess tal-privatizzazzjoni. U l-kuntratturi ma tħallsux (mill-VGH), u l-flus ma nafux fejn marru u tal-VGH telqu mill-pajjiż u ħadd ma jaf xejn. Forsi fl-2019 insiru nafu aħjar x'kien eżatt dan il-ftehim li lill-VGH tah ħafna u lill-pajjiż tah ftit li xejn. L-2018 se tibqa' wkoll is- sena illi matulha sirna nafu li Egrant mhijiex ta' Michelle Muscat, li ma kien hemm ebda kont ta' Egrant fil- Bank Pilatus u li kien hemm konverġenzi fix-xhieda dwar l-aktar dokument importanti (Declaration of Trust) bejn Maria Efimova u Daphne Caruana Galizia. Dan apparti firem li rriżulta li kienu foloz fuq l-istess dokument u l-ebda flus għaddejjin fil-kont ta' Muscat. Dan kien mument li lil Muscat għamlu prattikament insormontabbli politikament. Minkejja dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu raġun iżda li jitlob ir-rapport kollu tal-inkjesta u l-fatt illi jirriżulta li dan ir-rapport jinsab għand bosta f 'Kastilja u barra minn Kastilja jagħmlu ħafna aktar urġenti li tal-anqas il-Kap tal- Oppożizzjoni jingħata kopja wkoll. L-2018 kienet ukoll is-sena li sirna nafu ta' min hija 17 Black; ta' Direttur tal- Electrogas Yorgen Fenech. Il-kobba tidher li qed tinħall sew, imma dawk li huma msemmijin, Keith Schembri u Konrad Mizzi, baqgħu jsostnu l-innoċenza tagħhom. Fid- dawl tal-aħħar rivelazzjonijiet Muscat baqa' jimmanuvra biex kemm jista' jkun ma jiħux deċiżjonijiet. Jista' jkun li fl- 2019 ma jkollux għażla oħra. Fuq livell Ewropew, din is- sena kellna s-saga tal-Brexit li aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar qed titfa' lill-pajjiż f 'inċertezza. Il-pajjiż jinsab f 'pożizzjoni ħażina ħafna b'għajta għal referendum mill-ġdid. Nittamaw li l-2019 tkun is-sena li r-Renju Unit jiddeċiedi li l-ħruġ mill-Unjoni Ewropea huwa verament ġennata, li ma jistax ikollu kundizzjonijiet bħal ta' pajjiżi fl-UE filwaqt li jibqa' barra u li fl-Unjoni Ewropea jkollu aktar saħħa jinnegozja u jagħmel id-differenza. L-2018 kienet sena illi fiha komplew il-mewġiet ta' immigranti u kompliet toħroġ fid-deher l-ineffettività tal-UE f 'din il-kwistjoni b'ħafna mill-pajjiżi jsostnu l-ħitan u ma jaċċettawx immigranti f 'arthom. 32 immigrant kienu bejn sema u ilma fl-aħħar ta' din is-sena għal ġranet sħaħ, sintomu tar-reżistenza lejn l-immigrazzjoni mill-Ewropa. Lokalment din il-kwistjoni tappnet xi ftit ir-relazzjoni bejn pajjiżna u l-Italja hekk kif il-botti u riposti bejn Malta u Salvini ma waqfux. Matul din is-sena ħallewna wkoll xi nies. Minn Malta kellna l-mewt ta' Charles Miceli, pijunier fil-qasam tal-faqar u wieħed mill-ogħla vuċijiet fuq il-kwistjoni tal- faqar u kellna wkoll il-qtil tal- intraprenditur Hugo Chetcuti. Kollox ma' kollox, kienet sena politika kwieta għal pajjiżna. Forsi bi preparazzjoni għall-2019 illi fl-ewwel nofs tagħha mistennijin naraw kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li mistennija tkun elezzjoni pjuttost indikattiva u determinanti għad-destin poltiku ta' bosta fil-politika. It-tim tal-gazzetta ILLUM jixtieq jirringrazzja lill-qarrejja talli matul l-2018 baqgħu jsegwu din il-gazzetta u lill- qarrejja l-ġodda li din is-sena għenu biex il-bejgħ ta' din il-gazzetta jiżdied. Nixtiqulkom sena mill-isbaħ, mimlija b'dak kollu li tixtieq qalbkom. Editur: Albert Gauci Cunningham

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 December 2018