Illum previous editions

ILLUM 30 December 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1066820

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 31

Aħbarijiet 6 ISSENA 2018 issa verament waslet fit-tmiem. Fl-aħħar ftit sigħat ta' din is-sena, il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn dik illi tista' tqis bħala waħda 'kwieta' lokalment ikkumparata mas-snin ta' qabel. L-2015 kienet iddominata mill-iskandlu tal-Panama u l-2017 mill- elezzjoni ġenerali u l-bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Dan kollu għamel din is-sena li se nispiċċaw pjuttost 'kalma' fuq il-front lokali. Kif tagħmel kull sena, fl-aħħar Ħadd tas-sena, il- gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dawk in-nies – politiċi, personalitajiet mid-dinja ta' divertiment u anke sportivi - li għamlu suċċess u telgħu skaluna jew tnejn kif ukoll dawk li żgarraw u allura niżlu 'l isfel. Għall-għan ta' din l-analiżi l-ILLUM tat ħarsa oġġettiva lejn iż-żewġ naħat tal- munita ta' dawn il-persuni li ħallew impatt mhux ftit ix-xena politika u soċjali Maltija fl-2018. Mill- akbar tisbita ta' Ali Sadr Hasheminejad sal-akbar tlugħ tal-Arċisqof Charles J Scicluna... Joseph Muscat – tela': ekonomija tgħollih u l-Panama tgħollih u tbaxxih Fil-fatt il-Prim Ministru ilu 'tiela'' sa minn mindu nħatar mexxej Laburista fl-2008. Tajjeb jew ħażin, tħobbu jew tobgħodu Muscat baqa' figura politika popolari mal-Maltin u b'mod speċjali maħbub (u kważi meqjum) mil- Laburisti. Din hija s-sena ta' wara elezzjoni ġenerali li Muscat rebaħ bi kważi 40,000 vot u allura b'distakk storiku wara distakki favurih ta' aktar minn 30,000 vot sa mill-2009. 10 snin wara li ħa t-tmexxija wieħed kien jistenna illi din tkun is-sena illi fiha Muscat jibda nieżel fil-popolarità u jieħu dik iż-żelqa jew tnejn li tibda tagħmlu inqas popolari. Dan ma jidhirx li qed jiġri s'issa u l-2018 ikkonsolidat din ix-xejra. L-2018 hija s-sena li fiha kienu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, għalkemm mhux ir-rapport kollu tal-inkjesta. Il-konklużjonijiet huma ċari kif kienet żvelat l-ILLUM li se jkunu (u l-PN qal li kienet 'fake news'); Egrant mhijiex ta' Michelle jew ta' Joseph Muscat, m'hemmx kont ta' Egrant fil-Bank Pilatus u m'għaddew ebda miljun dollaru ġejjin mill- Ażerbajġan għal dan il-kont. Dan l-iżvilupp ta aktar saħħa lil Muscat fuq l-aktar kwistjoni taħraq fl-aħħar snin fil-politika Maltija. Fil- fatt din il-kwistjoni kienet bħal mannara lesta biex taqa' fuq ras xi ħadd żgur u fejn se taqa' se tweġġa'. U hekk ġara. Tant hu hekk, illi apparti li Muscat issaħħaħ, il-konklużjonijiet tar- rapport, mill-Maġistrat Aaron Bugeja, dgħajfu lill-PN u qasmu lill-Grupp Parlamentari tiegħu. Il-fatt jibqa' iżda li r-rapport mhuwiex pubbliku fl-intier tiegħu u naturalment, anke jekk l-affarijiet jippuntaw lejn l-innoċenza tal-familja Muscat mhux lejn il- ħtija, jibqgħu d-dubji. Primarjament; jekk mhux ta' Muscat, mela ta' min kienet Egrant, li nfetħet flimkien mal-kumpaniji Tillgate u Hearnville ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri rispettivament? Muscat naturalment jibqa' popolari minħabba t-tkabbir ekonomiku. Il-fatt li Malta qed tesperjenza tkabbir bla preċedent ifisser li minkejja akkużi gravi ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus, porzjon kbir tal-poplu jippreferi lil Muscat bħala Prim Ministru għax jara fih dawk 'il-par idejn sodi' fuq it-tmun. Dan ma jfissirx li ma kellux mumenti xi ftit imbarazzanti. L-agħar żewġ mumenti tal-PM Muscat fl-2018 kienu meta pprova jiġġustifika l-kuntratt tal-VGH fil-bidu tas- sena u meta tfaċċaw aktar fatti dwar 17 Black lejn l-aħħar tas-sena. Dwar il- VGH Muscat ma weġibx il-mistoqsijiet l-aktar kardinali, fosthom dwar min huwa s-sid, għalfejn il-kumpanija ma ntalbitx tagħti rendikont tal-flus kollha li ngħatat, għaliex tliet sptarijiet ingħataw b'xejn meta kien għadu kif sar investiment ta' aktar minn €3 miljun fih, jekk kienx jaf b'deċiżjoni tal-Qorti tal- British Columbia kontra Ram Tumuluri, jekk il- VGH kisrux il-kuntratt, għalfejn ma kellhomx biżżejjed flus biex iħallsu lill-ħaddiema u kuntratturi u diversi mistoqsijiet oħrajn. L-istqarrija tal-Prim Ministru illi l-Gvern li jmexxi sab sptarijiet 'mitluqin' u hu se jirranġahom kien attentat fjakk biex il-mistoqsijiet (li anke din il-gazzetta staqsiet bosta drabi) ma jitweġbux. It-tieni mument huwa aktar riċenti u allura meta l-PM sostna li Keith Schembri ma kellux jirriżenja għax investigazzjoni dwar 17 Black kienet qed issir dwar il-kumpanija u mhux il-persuna. Dan fid-dawl ta' stqarrijiet ta' Muscat fl-2017 illi f 'żewġ ċirkustanzi differenti kien qal li jġiegħel lil Schembri jirreżenja kieku tibda investigazzjoni kontrih. Dan kien mument partikolari illi fih Muscat deher (għall- ewwel darba b'mod iktar ovvju) qed jitqanżah u jdur mal-lewża biex jibqa' jiddeċiedi li ma jiddeċidix dwar tnejn mill-aktar nies b'saħħithom fil-Gvern. Adrian Delia: tela' – Sena diffiċli għal Delia, imma beda jirkupra Il-konklużjoni tal-analiżi dwar Delia hija illi l-2018 kienet sena diffiċli għall- PN, li għadu lura sew fil-popolarità u li għadu qed isibha diffiċli biex jibni pontijiet ma' settur ta' Nazzjonalisti stess li għadhom ma jarawhx bħala persuna idonea biex tmexxi. Biex inkunu ġusti fl-aħħar sondaġġ Delia beda jirkupra xi ftit mit-telf tal-PN, imma dan l-irkupru huwa ta' ftit konsegwenza meta tqis id- distakk bejn iż-żewġ partiti. L-akbar żball, strateġikament, ta' Delia fl-2018 kien meta ftit ħin biss wara li ħareġ ir-rapport dwar Egrant, hu neħħa lill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil minn Kelliem tal-Governanza u talbu jirreżenja minn Deputat tal- PN. It-'tilwima' fil-pubbliku li segwiet, bejn mexxej u eks mexxej ta' partit, għandha preċedent wieħed biss; dak tal-1998 meta l-eks PM Alfred Sant kien għajjar lill- eks PM Mintoff 'traditur'. Politikament ħafna jiftakru x'sarraf dak l-avveniment għal-Labour: telf ta' voti u snin fl-oppożizzjoni. Il-pass ta' Delia tefa' l-melħ fuq ferita kbira u biex tikkumplika l-affarijiet kważi nofs il-Grupp Parlamentari tiegħu skjera ruħu ma' Busuttil. Strateġikament allura, dan kien żball għax 1) Delia aljena u rrabja lil dawk id-Deputati li lilu għadhom mhux qed jarawh f 'dawl pożittiv, 2) għax inkixfu differenzi serji li hemm fil- Grupp Parlamentari u 3) iddgħajfet il-pożizzjoni ta' Delia bħala Kap, fil-preżent u anke għall-2019. In-numri huma kontra Delia u jekk qatt kien hemm 'underdog' politiku huwa propju hu, b'sondaġġ wara ieħor juri differenzi enormi bejn iż-żewġ partiti, saħansitra differenzi li jaqbżu dawk tal-elezzjoni tal-2017. Min-naħa l-oħra Delia, fit-tieni parti tas-sena, beda juri aktar fejn irid jieħu lill-partit u fuq liema kwistjonijiet irid jiġġieled lil Muscat. Delia jidher illi qed jieħu pożizzjoni li hija ħafna iktar xellugija fuq kwistjonijiet soċjali, qed jippożizzjona lilu nnifsu viċin in-nies u qed jinvesti ħafna fil-kwistjoni tal-barranin f 'pajjiżna. Taqbel jew le, il-kwistjoni tal-barranin qed iddejjaq mhux ftit lil numru ta' Maltin u barra minn xtutna qed twassal għal terremoti politiċi kbar. Delia qed jippżizzjona lill-PN fuq quddiem fil-kwistjoni tal-ħajja (IVF u abort) u wara l-aħħar konferenza ġenerali qed tingħata l-impressjoni li fil-partit għaddejja diskussjoni ħafna iktar wiesgħa dwar it-triq 'il quddiem u dwar miżuri u proposti. Pożittiva wkoll hija l-kariżma ta' Delia li illum | Il-Ħadd 30 ta' Diċembru 2018 L-2018 kienet kwieta kkumparata ma' snin oħrajn, imma xorta kellha l-kuluri tagħha. Mill- arrest ta' Hasheminejad, 17 Black u Egrant għal Ira Losco lura fuq it-TV u d-deċiżjoni dwar attur Malti prinċipali mill-Qorti. L-ILLUM tanalizza l-persuni li ħallew impatt tajjeb jew ħażin u li telgħu jew niżlu fl-2018... agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham Minn Hasheminejad u l-Arċisqof għal Ira

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 December 2018