Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1078257
3 Aħbarijiet Il-Ħadd 3 ta' Frar 2019 | illum agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham Jaqlgħulhom qalbhom għal-leave u jaqilgħu bejn €300 u €400 inqas minn ħaddiema bħalhom DIVERSI carers tal- kuntrattur JF Services li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ilmentaw mal-ILLUM dwar l-impjieg tagħhom fosthom kif qed jitħallsu ħafna inqas mill-ħaddiema tal-Gvern li jagħmlu xogħol eżatt bħalhom, kif lanqas għandhom uniformi, id- diffikultà biex ħaddiem jieħu l-leave kif ukoll li ma jiħdux ċerti allowances li jingħataw lil ħaddiema oħrajn. Il-Union Ħaddiema Magħqudin - Voice of the Workers tefgħet ħafna mit-tort fuq il-Gvern u kif dan joħroġ kuntratti li jkunu qosra ħafna, bil- konsegwenza li l-kuntrattur ma jkunx jista' joffri s-serħan il-moħħ li jixraqlu ħaddiem u li jikkostitwixxi impjieg li mhux prekarju. 'Basta equal pay for equal pay...' Ħaddiema fil-kariga ta' carers li tkellmu mal- gazzetta ILLUM sostnew illi carers li jaħdmu bħalhom eżatt, fl-istess post qed jaqilgħu bejn €300 u €400 aktar filwaqt li jieħdu wkoll numri ta' allowances, primarjament, wieħed għal xogħol matul il-lejl u ieħor għar-riskju li jkollhom fil-ħidma mal- pazjent. "Aħna m'għandna xejn, basta equal pay for equal work. Dan apparti li jsiru korsijiet bħala żvilupp fil- karriera u aħna Alla jbierek ma nistgħu nagħmlu xejn u l-paga dejjem tibqa' l-istess." Waħda mill- ħaddiema iżda qalet illi l-akbar problema li qed jiffaċjaw hija biex jieħdu l-leave. "Vera trid tippjana minn qabel, imma mhux hekk! Minn sena qabel u xorta m'għandekx ċertezza li se jingħatalek. Jaqgħlulna qalbna ta' veru biex nieħdu leave, li huwa dritt tagħna. Allura dan sew?" jistaqsi. Din il-gazzetta tkellmet ma' Gian Paul Gauci, Assistent Direttur tal- Unjin. "Il-kuntrattur qed jimxi mal-kuntratt li tah il- Gvern," ifakkar Gauci li jgħid illi huwa l-kuntratt li joħroġ il-Gvern jew entità li jrid jinbidel. Huwa sostna li l-kuntrattur, f 'dan il-każ JF Services, jimxi ma' dak li jgħid il-kuntratt u dawk il- benefiċċji stipulati hemm. Ta' min ifakkar ukoll li l-liġi ma tagħmilx differenza bejn ħaddiema tal-Gvern u ħaddiema tal- kuntrattur anke fl-istess post xogħol. Dan ifisser illi kif qiegħda l-liġi bħalissa jekk il-Gvern fl-isptar ta' Għawdex iħallas lill- carers tiegħu (pereżempju) €7 fis-siegħa u l-kuntrattur iħallas lill-carers tiegħu €6 fis-siegħa ma tkunx inkisret il-liġi għax kull impjegtur ikun ħallas l-istess paga għall-istess xogħol għall-ħaddiema tiegħu. Kemm il-UĦM kif ukoll il-General Workers' Union (GWU) qed jaħdmu biex din is-sitwazzjoni tinbidel u l-kunċett ta' 'Equal Pay for Equal Work' ikun jgħodd għall-ħaddiema kollha. Jiġifieri li kulħadd ikollu l-istess paga kemm jekk tal-Gvern u anke jekk mal-kuntrattur. "Suppost il-Gvern kien wiegħed li għall-istess xogħol kull persuna jkollha l-istess paga," qal Gauci li spjega jekk carer tal-Gvern ikun jibda minn skala 16 u jibqa' tiela' sa 13. Lill- carers tal-kuntratt, il-Gvern ipoġġihom fuq skala 16 'step 1' u allura b'paga ta' madwar €13,530 fis-sena jew madwar €1,040 fix- xahar qabel it-taxxa. "Huwa l-Gvern li jrid idaħħal l-allowances u l-extras imbagħad. Il- kuntrattur mhux marbut li jagħti dawn," sostna Gauci dwar il-ħlasijiet li semmew il-ħaddiema. Intant, dwar it-teħid tal-leave Gauci sostna illi kien hemm problema illi fil-kumpanija ħadd ma kien jieħu ħsieb jorganizza l-leave. Huwa qal illi fuq din il-kwistjoni se jinħoloq 'leave planner' biex kollox ikun iktar organizzat. Il-ħaddiema li kellmu lil din il-gazzetta sostnew illi l-kumpanija lanqas biss tathom uniformi ta' carer u jmorru għax-xogħol bil- ħwejjeġ tagħhom. "Darba kien hemm waħda marret il-Mater Dei, it-tobba ta' hemmhekk lanqas riedu jemmnu li hija carer." Gauci sostna illi l-problema hija li l-kuntratti tant qed jingħataw għal żmien qasir li l-kuntrattur ma tantx ikun jista' jinvesti fil- ħaddiema tiegħu. Intant dwar korsjiet li qed jingħataw lill-ħaddiema tal-Gvern u mhux lil tal- kuntrattur, Gauci qal illi l-korsijiet li għalissa dawn qed jingħataw lill- ħaddiema tal-Gvern. Hu m'eskludiex iżda li f 'xi punt fil-futur dawn jingħataw ukoll lill-ħaddiema tal- kuntrattur. Din mhux l-ewwel darba li din il-gazzetta rrapportat dwar ħaddiema fl-Isptar ta' Għawdex. Fil-fatt nhar il-Ħadd it-18 ta' Novembru l-ILLUM kienet irrapportat kif ħaddiema oħrajn, din id-darba li jaħdmu mal- kumpanija Signal 8 kienu qed jitħaddmu b'kuntratti li jiskadu kull tliet xhur. F'dan il-każ ukoll minkejja li impjegatur għandu dritt iħaddem persuna b'kuntratt ta' ftit xhur biss, Signal 8 kienu qalu lil din il-gazzetta li dan jiġri minħabba li l-kuntratti li jingħataw mill-Gvern ikunu ta' perjodu qasir ħafna. Numru ta' carers li jaħdmu fl-Isptar ta' Għawdex jilmentaw mal-gazzetta ILLUM dwar pagi, kundizzjonijiet, teħid ta' leave u uniformijiet... il-gazzetta ILLUM titkellem mal-UĦM