Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1080738
Aħbarijiet 6 MISTOQSI minn din il- gazzetta fuq il-possibbiltà li ssir reklamazzjoni tal- art fir-raħal tax-Xgħajra, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield saħaq mal-ILLUM li, "minkejja li m'hemm xejn iswed fuq abjad li se sseħħ ir- reklamazzjoni tal-art f 'din il-lokalità, jiena ninsab konvint li l-Gvern żgur mhux se jagħmel xi proġett li bih iweġġa' lin-nies tan-naħa t'isfel ta' Malta." Dan it-tħassib serju min- naħa tar-residenti kien imqanqal minn mappa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li ppubblikat il-gazzetta oħt MaltaToday fl-aħħar tas-sena 2018. Skont din il-mappa, il-kosta li testendi mix-Xgħajra sa Portomaso, f 'San Ġiljan, hi waħda miż-żoni ideali għar- reklamazzjoni tal-art. Din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera, għamilha ċara li r-reklamazzjoni tal-art bilfors se jkollha ssir għaliex skontu, "din hi l-aktar soluzzjoni sostenibbli fit-tul fl-isfida tal-ispazju limitat għar-rimi tal-iskart tal- kostruzzjoni." Fil-kummenti tiegħu, Herrera spjega li, "iż-żoni fejn din se ssir għadhom qed jiġu studjati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA), però din bilfors trid issir miż-żona taż-Żonqor sal-Għadira." Ir-rapport mistenni jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin u sussegwentement diskuss fil-Kumitat Ambjentali tal-Parlament flimkien mal-għaqdiet ikkonċernati. Fil-ġimgħat li għaddew, diversi għaqdiet fosthom il-Moviment Grafitti saħqu li huma kontra kull forma ta' reklamazzjoni tal-art. Apparti minn hekk fl-istess perjodu bdew jinġabru l-firem għall-petizzjoni kontra dan l-iżvilupp li mbagħad se tiġi ppreżentata lill-Prim Ministru. Min-naħa l-oħra, l-Assoċjazzjoni tal- Iżviluppaturi (MDA) hi tal-fehma li żona fil-baħar li tkun ambjentalment aċċettabbli għar- reklamazzjoni tal-art hi l-unika soluzzjoni." Madankollu, Sandro Chetcuti l-President ta' din l-għaqda kien sostna ma' din il- gazzetta li, "personalment inħoss li r-reklamazzjoni tal-art għandha ssir biss fl-interess nazzjonali mhux għall-ispekulatur." illum | Il-Ħadd 10 ta' Frar 2019 Hekk kif ir-residenti tax-Xgħajra jkomplu jdawru l-petizzjoni biex jissalvagwardjaw il-kosta tax-Xgħajra Glenn Bedingfield jisħaq li... 'Il-Gvern żgur li mhux se jagħmel proġett li bih iweġġa' lin-nies tan-naħa t'isfel ta' Malta' lcarter@mediatoday.com.mt Liam Carter Id-Deputat Glenn Bedingfield L-inħawi tax-Xgħajra ta' Ħaż-Żabbar