Illum latest edition

ILLUM 10 February 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1080738

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 31

7 Aħbarijiet WAĦDA mill-affarijiet li pajjiż tal-Punent jgħożżu l-aktar hija l-ugwaljanza tal-ġeneru, jiġifieri li mara għandha kull dritt li għandu raġel, li għandha kull dritt tgħix kif trid u tassoċja lilha nnifisha ma' min trid. Il-mara qed dejjem tieħu post ċentrali fis-soċjetà u fil-politika u allura llum il-kunċett ta' mara taħt il-madmad tar-raġel hija xi ħaġa tal-Medju Evu. L-immigrazzjoni minn pajjiż għall-ieħor, primarjament mill-Afrika għall-Ewropa qed iġġib magħha fenomeni li sa ftit snin ilu lanqas biss konna nafu li jeżistu. Il-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili (FGM) huwa proċess tal-waħx u inaċċettabbli fil-kultura tal-Punent, proċess li jmur kontra d-drittijiet u normi soċjali f 'ħafna pajjiżi. Imma f 'kulturi oħrajn speċjalment f 'ċerti kulturi Afrikani, l-FGM hija parti mill-kultura fejn id-dominanza tal-irġiel hija norma soċjali/politika. Rapport tal-Isitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il- Ġeneru (EIGE) ppubblikat din il-ġimgħa, jagħti ħarsa lejn dak li jaħsbu dawk l-immigranti li ġejjin minn pajjiżi fejn isseħħ din il-proċedura. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn l-istqarrijiet pjuttost interessanti tagħhom li jitfgħu dawl aħjar fuq din il-prattika illegali f 'ħafna pajjiżi żviluppati, fosthom Malta. Imma dan il-proċess x'inhu eżatt? Qabel naraw l-opinjonijiet ejja nagħtu ħarsa lejn x'inhi eżatt il-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili. Dan il-proċess jinkludi t-tneħħija kompleta jew parzjali tal-ġenitali esterna jew kwalunkwe inġurja lill- organu ġenitali tal-mara għal raġunijiet li mhumiex mediċi. Ħafna drabi ssir qabel it-tifla tilħaq l-età tal-pubertà u allura bejn l-etajiet ta' ħames u tmien snin. Hemm tipi differenti ta' FGM. Hemm it-tneħħija sħiħa jew parzjali tal-klitoride u allura l-aktar punt sensittiv fl-anatomija tal-mara, ħafna drabi importanti fil-ħolqien ta' sensazzjoni sesswali. It-tieni hija t-tneħħija kompleta jew parzjali tal-madwar tal-vaġina jew inkella l-ħjata tal-istess organu sesswali. Jista' jkun hemm modi oħrajn fosthom qtugħ jew ħruq. Ir-raġunijiet wara dan il- proċess huma ġeneralment kulturali u frott id-dominanza maskili fil-pajjiżi fejn għadha ssir. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tisħaq illi dan il-proċess huwa "diskriminazzjoni estrema" fuq in-nisa. "Il-prattika tikser id-dritt ta' persuna għas-saħħa, sigurtà u integrità fiżika, id- dritt li tkun liberu mit-tortura jew trattament inuman u degredanti," issostni l-WHO. L-aktar pajjiżi fil-kontinent Afrikan illi fihom hemm konċentrazzjoni ta' nisa ta' bejn il-15 u d-49 sena li għaddew mill-FGM huma l-Eġittu, il-Mali, Guinea Bissau, Sierra Leone, is-Sudan u s-Somalja. Skont ċifri tal-UNICEF, f 'dawn il-pajjiżi madwar 80% tan-nisa għaddew minn dan il-proċess. Fl-Etijopja, il-Mauritania u l-Burkino Faso, il-persentaġġ jinżel għal bejn 51% u 80%. Skont ċifri md-DHI u Miccs it-tneħħija ta' ċerta ġenitali, minflok qtugħ u għeluq, huwa l-aktar metodu popolari ta' kif isir il-proċess. Fil-Mauritania, il-Mali, l-Eġittu, Guinea, l-Eritrea u Sierra Leone, il-maġġoranza tal-irġiel u subien jaqblu mal-proċess, skont iċ-ċifri maħruġin mill-UNICEF. Tajjeb wieħed jinnota li mhux kull fejn hija pprattikata l-FGM din hija legali. Fil- fatt il-Burkina Faso, il-Kosta tal-Ivorju, il-Ghana, l-Eġittu, l-Eritrea u l-Etjopja, fost oħrajn ikkriminalizzaw din il-prattika. 'Biex tibqa' pura u kkontrollata' F'pajjiżna hawn 485 tifla li ġejjin minn pajjiż fejn din il-proċedura hija legali u allura jinsabu fir-riskju li jgħaddu mill-proċess. Fost il-maġġoranza ta' dawk l-immigranti min-Niġerja u l-Eġittu hemm qbil illi din il-proċedura hija pożittiva, fis-sens li permezz tagħha mara tibqa' "pura" u tibqa' wkoll "ikkontrollata", hekk kif suppost tnaqqas iċ-ċans li mara tmur ma' raġel ieħor għajr żewġha filwaqt li jonqos l-aptit għas-sess. Ħafna minn dawk li pparteċipaw fl-istudju u li qed jgħixu Malta jaħsbu li l-awtoritajiet m'għandhomx jindaħlu jekk persuna għandhiex tgħaddi minn dan il-proċess jew le. Minkejja li jifhmu li dak li qed isir lit-tifla huwa biex iżomm mara "pura" jgħidu wkoll li ma tantx taħdem il-biċċa għax in-nisa xorta jkollhom relazzjonijiet ma' rġiel differenti. Eġittu: il-Kristjani Kopti rari, il-Musulmani iva Ir-rapport li jħares lejn Malta juri kif hemm differenzi bejn dawk li jaqblu u dawk li ma jaqblux mal-proċess tal-FGM. Il-Kopti intervistati qalu illi minkejja li hemm min jagħmel dan il-proċess, fost dan il- grupp reliġjuż l-inċidenza hija "rari ħafna". Min-naħa l-oħra iżda, il- Musulmani jgħidu li hemm iktar nies li jagħmlu l-FGM. Uħud qalu illi l-FGM huwa mitlub fil-Quran filwaqt li oħrajn sostnew illi dan il-proċess huwa parti mill- kultura tagħhom. L-immigranti Eġizzjani iktar anzjani f 'Malta lanqas biss kienu lesti li jiddiskutu l-fatturi li jnaqqsu jew iżidu l-FGM, tant hija xi ħaġa meqjusa minnhom bħala parti integrali tas-soċjetà. Jaqblu iżda illi għandhom ikunu l-ġenituri li jibdew id- diskussjoni dwar mutilazzjoni u l-missier li jiddeċiedi. Kif inhuma mqassmin? Kif diġà għidna f 'pajjiżna għandna 485 tifla f 'riskju. 153 minn dawn ġejjin mis- Somalja, 115 mill-Etjopja, 97 mill-Eritrea, 30 mill-Eġittu, 14 mis-Sudan u ħamsa mill-Iraq. Minn dawn bejn 30% u 57% huma f 'riskju li jgħaddu minn dan il-proċess. Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, qalet li Malta kklassifikat il-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili bħala reat kriminali fl-2014. Dan il-pass importanti kien segwit bit-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva li tistabbilixxi standards fir-rigward ta' drittijiet, l-appoġġ, u l-protezzjoni lill-vittmi ta' kriminalità, u tal-Konvenzjoni t'Istanbul li permezz tagħha introduċejna pieni aktar ħorox għal kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika. Madanakollu, din il-ġimgħa Dalli saħqet li l-liġi mhux biżżejjed u l-pajjiż għandu joffri l-appoġġ kollu meħtieġ lill-vittmi tal-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili li jgħixu fostna, waqt li jkattar l-għarfien dwar il-protezzjoni li l-istrutturi legali u soċjali Maltin joffru lil dawk in-nisa li huma esposti għal dan ir-reat kriminali. Il-Ħadd 10 ta' Frar 2019 | illum agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham Albert Tindaħlux għax il-mara trid tkun 'pura' u 'kkontrollata' Ħafna mill-immigranti li ġejjin minn pajjiżi fejn issir mutilazzjoni tal-ġenitali femminili sostnew illi Gvern m'għandux jindaħal u jħalli lill-ġenituri jiddeċiedu. Oħrajn isostnu li dan il-proċess iżomm lill-mara 'pura' u 'kkontrollata'. L-ILLUM tagħti ħarsa...

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum latest edition - ILLUM 10 February 2019