Illum previous editions

ILLUM 10 February 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1080738

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 31

F'DINJA fejn il-flus saru l-kejl ta' kollox, xogħol li minnu ma ddaħħal xejn jew fejn saħansitra tispiċċa toħroġ minn butek, ftit għadu jagħmel sens. Madanakollu, il-valur tal- volontarjat, anke f 'Malta, għadu importanti u tista' tgħid jolqot il-faxex u s-setturi kollha tas-soċjetà. Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, persuna li għandu għal qalbu ħafna l-volontarjat u fi ftit kliem spjega kif l-għan ta' emendi li daħlu fis-seħħ fl-aħħar ġimgħat fil-Liġi dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji, kien li jkun rikonoxxut l-irwol importanti tal-għaqdiet volontarji u jkunu protetti minn dawk li b'xi mod jew ieħor jabbużaw minn dan is-settur. Stajna niddiskutu t-teknikalitajiet irqaq ta' dawn l-emendi, iżda mas-Segretarju Parlamentari xtaqna nitkellmu aktar fuq kif dawn l-emendi se jaffetwaw lil dawk il-ħafna għaqdiet volontarji żgħar li mmissu magħhom ta' kuljum, bħal xi każin tal-banda, xi għaqda tal-armar jew xi klabb sportiv. Ma tantx morna 'l bogħod. Grima mill-ewwel semma kif sa ftit tal-jiem ilu, madwar 60 għaqda volontarja, fosthom għaqdiet tal-baned u tal- iscouts, ibbenefikaw minn skemi li joħorġu minn żmien għall-ieħor mill-Gvern jew mill-Aġenzija Żgħażagħ. Dawn l-għaqdiet applikaw u bbenefikaw minn dawn l-iskemi għax huma rreġġistrati u huma konformi mal-liġi. Għalhekk, filwaqt li jżidu t-trasparenza, l-emendi se jagħmluha wkoll aktar faċli għal dawn l-għaqdiet, li jiddependu mid- donazzjoniijet tal-benefatturi u mill-flus li joħroġu l-membri stess minn buthom, biex bħal dawn is-60 għaqda, japplikaw għall-fondi. "Għandek regolamenti li jekk timxi magħhom se tibbenefika mill-fondi u li se jgħinuk fl- operat tal-għaqda miegħek," saħaq Grima. 'Qed nistennew li l-għadd tal-għaqdiet irreġġistrati jirdoppja' Is-Segretarju Parlamentari spjega kif qabel daħlu fis-seħħ dawn l-emendi, kien hemm ħafna għaqdiet volontarji li bażikament kienu qed jaħdmu fil-limbu u li ma kinux irregolati. "Fejn ma hemmx regolarizzazzjoni, dejjem ikun hemm il-biża' ta' abbuż," insista Grima. Issa, permezz tal-liġi emendata, kull għaqda volontarja, li fis-sena ddaħħal aktar minn €5,000, hija obbligata li tirreġistra mal- Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji. Kull għaqda li taqla' inqas minn €5,000 hija obbligata tinnotifika lill-Kummissarju dwar l-eżistenza tagħha. Sa qabel daħlu l-emendi, kien hemm 1,600 għaqda rreġistrata, iżda skont Grima, fix-xhur li ġejjin, qed ikun stmat li dan in-numru se jirdoppja. "Aħna pajjiż iffortunat għax is-settur tal-volontarjat huwa wieħed b'saħħtu. Nemmnu ħafna fil-volontarjat u rridu li narawh jissaħħaħ," saħaq Grima. "Ejja ma ninsewx lanqas l-aspett uman ta' dawn l-għaqdiet….il-volontarjat jgħallmek ħiliet importanti… Meta għamilna l-liġi dawn żammejniehom f 'moħħna," kompla jispjega u propju għalhekk li l-emendi, kif se naraw, ipoġġu obbligi differenti fuq għaqdiet diversi skont il-kobor u d-dħul tagħhom. Iżda qabel dħalna aktar fid-dettall dwar dan, il- kliem mill-ewwel waqa' fuq dak li seħħ f 'pajjiżi oħra kbar Ewropej, fejn għaqdiet volontarji spiċċaw fiċ-ċentru ta' frodi ta' miljuni ta' ewro. Kien għalhekk li Grima insista li bil-liġi emendata l-Gvern ried jipproteġi lil dan is-settur, li għal aktar minn darba ddeskrivih bħala importanti għall-oqsma kollha fis-soċjetà, minn dak kulturali, għal dak sportiv, soċjali u oħrajn. Imma għaqda tal-armar jew klabb sportiv, kif se jibbenifikaw? Iżda b'mod aktar konkret, dawn l-għaqdiet volontarji, inkluż dawk żgħar ħafna, kif se jibbenifikaw minn dawn l-emendi? Grima beda jwieġeb billi għamel enfasi partikolari fuq it-trasparenza, li jekk tagħsar dawn l-emendi li daħlu fis-seħħ, tinduna li kollox idur ma' dan il punt. "Aktar ma jkun hemm trasparenza f 'għaqda, il- membri aktar se jaħdmu komdi. Il-benefatturi, li jagħtu l-flus lil dawn l-għaqdiet, se jkollhom moħħhom aktar mistrieħ għax issa jistgħu jkunu jafu kif qed jintefqu l-flus," saħaq Grima. Hawnhekk semma każ partikolari ta' għaqda volontarja li kienet qed tbigħ magazine għal €1. L-għan kien li l-flus li jidħlu minn dan il-magazine, imorru għal għan partikolari. X'ġara? Irriżulta li 5% biss tad-dħul minn dan il- magazine kien qed imur għall- għanijiet tal-organizzazzjoni. Il-bqija kienu qed jintefqu fuq l-istess pubblikazzjoni. Għalhekk issa, kull għaqda volontarja, darba f 'sena trid tagħti rendikont tad-dħul u l-ħruġ tagħha lill-Kummissarju għall- Għaqdiet Volontarji, liema informazzjoni tkun disponibbli lill-Uffiċċju tal- istess Kummissarju. Iżda dan mhux piż fuq l-għaqdiet volontarji? Rendikont ma jfissirx spejjeż? Kien hawn li Grima spjega kif dawn l-emendi ħasbu għal għaqdiet differenti: • Għaqda li d-dħul tagħha huwa ta' aktar minn €250,000, trid tippreżenta kontijiet annwali lill- Kummissarju (cash basis) u jkunu soġġetti għal full audit; • Dawk l-għaqdiet li għandhom dħul ta' bejn €50,000 u €250,000, iridu jippreżentaw kontijiet annwali lill-Kummissarju u jkunu ffirmati minn accountant; u • L-għaqdiet li d-dħul tagħhom huwa anqas minn €50,000 fis-sena, iridu jippreżentaw kontijiet annwali lill-Kummissarju (cash basis) u jkunu ffirmati mit-teżorier u ċ-chairperson; 'Neħħejna wkoll l-interess privat' Punt ieħor importanti, li dwaru s-Segretarju Parlamentari għamel ħafna aċċenn, huwa l-fatt li dawn l-emendi neħħew l-interess privat mill-għaqdiet volontarji. "Jien ma nistax inkun f 'għaqda volontarja u naqla' l-flus minnha! Għalija din hija inaċċettabbli. Tkun qed tittradixxi l-għanijiet tal-organizzazzjoni," insista Clifton Grima. "Immaġina jiena nwaqqaf organizzazzjoni volontarja. Id-donazzjonijiet deħlin u niddeċiedi li nagħti paga lili nnifsi ta' €100,000. Legalment ħadd ma jista' jżommni. Imma min qed jagħti d-donazzjonijiet għandu d-dritt ikun jaf? Jekk jien waqqaft organizzazzjoni volontarja biex ngħin lit-tfal f 'pajjiż fqir tad-dinja u l-flus mhux qed jaslu, dan ġust? Ma naħsibx," kompla jispjega Grima. 'Il-Kummissarju jista' jinvestiga u jwaqqaf organizzazzjoni' Dan wassalna biex nitkellmu fuq bidla importanti oħra li daħlu fis-seħħ dawn l-emendi. Bis-saħħa tal-liġi emendata, il- Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, ingħata l-poteri li fuq inizjattiva tiegħu, dejjem b'rispett lejn il-Liġi tal-Protezzjoni tad-Data, jinvestiga organizzazzjonijiet u jitlob informazzjoni, anke mingħand il-banek, jekk ikollu suspett jew rapporti ta' frodi jew miżaproprijazzjoni ta' fondi. F'każ li jirriżulta li s-suspetti jkunu veri, il-Kummissarju jista' saħansitra jwaqqaf organizzazzjoni milli tkompli tiffunzjona. Kien hawn li Clifton Grima insista li din it-trasparenza u l-fatt li dan kollu huwa issa rregolarizzat, se jkun qed jagħmilha ħafna aktar faċli għal dawn l-għaqdiet volontarji biex japplikaw u jibbenefikaw mill-iskemi maħruġa mill-Kunsill tal- Volontarjat u mill-Aġenzija Żgħażagħ. "Dawn huma fondi pubbliċi u allura jistgħu japplikaw għalihom biss dawk li huma konformi mal-liġi," saħaq is- Segretarju Parlamentari. 'Għandek dritt tkun taf ma' min qed tħalli lil uliedek' Apparti dan kollu, permezz ta' dawn l-emendi, il- Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji se jkun jaf min huma l-membri li jmexxu dawn organizzazzjoni. Iżda dan x'differenza se jagħmel? Grima insista li l-liġi emendata se tkun qed tiżgura li l-membri f 'għaqdiet volontarji, almenu l-eżekuttiv, huma persuni li tista' torbot fuqhom. "La kull għaqda hija rreġġistrata, inti tista' tkun taf min qiegħed imiss ma' wliedek," spjega Grima. "Għandu jkollok rasek mistrieħa li persuna li qed tafda lil uliedek magħha, tista' toqgħod fuqha. Ridna nipproteġu wkoll l-aspett soċjali." Kien hawn li spjega kif qabel daħlu fis-seħħ dawn l-emendi, persuna li tkun trid informazzjoni minn fuq ir-reġistru tal-persuni li jkunu ħatja li abbużaw minn tfal, ried l-ewwel iqabbad avukat, jagħmel rikors u jħallas l-ispejjeż tal-Qrati. Issa, b'kollaborazzjoni mal- Ministeru għall-Ġustizzja, l-ispejjeż marbuta ma' dawn ir-rikorsi tneħħew. illum | Il-Ħadd 10 ta' Frar 2019 Aħbarijiet 8 Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima dwar l-emendi li daħlu fi s-seħħ fi l-Liġi dwar l-Għaqdiet Volontarji. Iżda fi l-konkret, dawn l-emendi kif se jolqtu lil dawk l-għaqdiet li jmissu magħhom ta' kuljum? Ħa joħolqu piż fuq l-għaqdiet tal- festa, il-klabbs sportivi u l-għaqdiet soċjali? ycioffi@mediatoday.com.mt Yendrick Cio 'Tajna aktar trasparenza lill-għaqdiet volontarji'

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 February 2019