Illum previous editions

Illum 17.02.19

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1082988

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

L -għada li ħareġ ir-riżultat taċ- ċensiment dwar il-quddies sewwidli qalbi. Fir-riżultat instab li fuq medda ta' arċidjoċesi, 36% biss jmorru l-Quddies nhar ta' Sibt filgħaxija u fil-jum tal-Ħadd. Ftit li xejn tfarraġt meta sirt naf li l-medda għall-parroċċa taż-Żejtun kienet ta' 3% ogħla minn dik tal-arċidjoċesi. Iżda anke dakinhar sibt x'jgħollili l-moral. Fil-kamra fejn norqod għandi ħafna karti – siltiet minn gazzetti lokali u barranin. Dakinhar inzerta li ttendejt b'silta minn gazzetta bl-Ingliż li kienet tikkonsisti f 'sejħa li kien għamel is- senatur Barack Obama tul il-kampanja għall-elezzjoni presidenzjali ta' Lulju 2008 fil-laqgħa nazzjonali tal- Knisja Episkopali Metodista Afrikana fil-belt ta' St Louis, waħda mill-akbar bliet ċivilment attiva fost is- suwed Amerikani. Obama qal li l-Gvern Amerikan għandu l-obbligu li jagħti kas ta' problemi morali bħalma huma l-gwerra, il-faqar u n-nuqqas ta' djar u għandu jaħdem ma' istituzzjonijiet reliġjużi biex isib tarfhom. Fl-istess ħin Obama ripetutament semma t-twemmin Nisrani tiegħu kemm quddiem udjenzi bojod evanġeliċi kif ukoll quddiem udjenzi ta' Nsara suwed. Is-silta li għandi jien dehret f 'gazzetta bl-Ingliż li ġġib id-data tas-7 ta' Lulju 2008. Kif jirraġunaw dawk li jmorru l-knisja. Silta oħra li waqgħet taħt għajnejja dil-ġimgħa tieħu forma ta' ittra li tgħid hekk:- "Għaliex tmur il-knisja? Wieħed li jmur il-knisja kiteb ittra lill-editur ta' gazzetta u lmenta li għalih ma jagħmel l-ebda sens li jmur il-knisja kull nhar ta' Ħadd. "Ili mmur issa 30 sena" kiteb "u tul dak iż-żmien smajt madwar 3,000 priedka. Imma f 'ġieh ħajti ma niftakarx waħda minnhom. Għalhekk naħseb li qed naħli l-ħin u l-kappillani qed jaħlu ħinhom billi jipprietkaw". Hawn qamet kontroversja fil-kolonni tal-ittri lill- editur, u tgħidx kemm ħa gost l-editur. Issoktat għal ġimgħat sħaħ sakemm xi ħadd kiteb hekk: "Jiena ilni miżżewweġ issa 30 sena. Tul dak iż-żmien marti sajret 32,000 ikla. Iżda f 'ġieh ħajti ma niftakarx il-menù sħiħ ta' ebda waħda minn dawk l-ikliet. Imma taf x'naf...kollha sibthom bnini u tawni s-saħħa li neħtieġ biex naħdem. Kieku marti ma tatnix dawn l-ikliet, illum kont inkun fiżikament mejjet! Hekk ukoll, kieku ma mortx il-knisja biex nitrejjaq, illum kont inkun spiritwalment mejjet! Meta tħossok qed tmiss il-qiegħ, Alla jkun ippjana xi ħaġa! Il-fidi tilmaħ dak li ma jidhirx, temmen dak li ma jitwemminx u tirċievi dak li hu impossibbli! Rodd ħajr lil Alla kemm għan-nutriment fiżiku kif ukoll għan-nutriment spiritwali tagħna! Dejjem tiegħek Se nibqa' mmur." Imnalla kien Pierre Din il-ġimgħa ltqajt ukoll ma' Pierre Zerafa, ħaddiem minn Ħal Qormi li joqgħod Ħal Tarxien. Huwa missier ta' tlett itfal, 2 subien u tifla. Ġie Dar Nazzareth biex iwaħħal kamera għax dan jaħdem għal rasu. Ma nafx kif ġie d-diskors imma b'mod jew ieħor sibt ruħi qed nitkellem miegħu fuq il-Bibbja, għax qalli ħaġa li ma kontx nistennieha minn ħaddiem industrijali li qatt ma mar l-università! Pierre qal li hu jistudja l-Bibbja u jistudjaha bil- Lhudi, l-ilsien oriġinali li bih inkitbu l-kotba tat- Testment il-Qadim. Ma ridtx nemmnu! Staqsejtu min qed jgħallimulu u qalli ħadd. Mela kif jitgħallmu? Weġibni li qed jitgħallmu minn fuq il-kompjuter! Żied jgħidli li ġie li jieħu l-"leave" mix-xogħol u jgħaddi jiem sħaħ jitgħallem il-Bibbja fuq il-kompjuter u tgħidx kif dal-passatemp bidillu ħajtu u l-ħajja tal-familja. Lil Pierre staqsejtu kif beda dan l-interess tiegħu fil- Bibbja bil-Lhudi. Weġibni li kien frott tal-itwal Salm li hemm fil-Bibbja: "Das-Salm hu Salm 119 u kull paragrafu tiegħu għandu bħala ras kelma misterjuża li ma kontx naf xi tfisser. Qaluli Alef Bet u Gimel qishom qed tgħid A, B u C fl- alfabett bl-Ingliż. Ġietni l-kurżità li nitgħallmu dan l-alfabett tal-ilsien Lhudi u minn hemm bqajt għaddej nitgħallem kliem bil-Lhudi" Staqsejtu x'effett għamel fih l-interess tiegħu fil-Bibbja: "Biddlitli ħajti. Għallmitni nintelaq f 'idejn Alla f 'kollox, għallmitni li l-flus mhux kollox, għallmitni kif ngħix ma' marti u kif inrabbi t-tfal. "Tgħallimt ukoll li l-Ispirtu qaddis li nebbaħ lil min kiteb il-Bibbja jinsab ġo fija u allura m'hemmx dubju li dan l-istess spirtu se jgħinni nifhimha" Grazzi Pierre illum | Il-Ħadd 17 ta' Frar 2019 16 Opinjoni I ktar kmieni dan ix- xahar l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) permezz tal- President tagħha Sandro Chetcuti ħeġġet lill-Gvern biex jindirizza sewwa l-problema tal-iskart tal- kostruzzjoni. Flok ma jaġixxi kif mitlub, il-Gvern għandu jitlob lill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi bħala r-rappreżentant ta' dawk li jipproduċu l-parti l-kbira ta' dan l-iskart biex tassumi responsabbilità diretta għall-iskart tal-kostruzzjoni ġġenerat mill-membri. Il-lobby tal-iżviluppaturi kontinwament jemfasizza li jemmen bis-sħiħ fl- iżvilupp sostenibbli. Forsi wasal iż-żmien li jibdew jipprattikaw dak li jgħidu li jemmnu fih. Dan billi japplikaw il- prinċipji li (jgħidu li) jemmnu fihom biex isolvu l-problema tal-iskart tal- kostruzzjoni li jiġġeneraw u b'hekk inaqqsu l-impatti ambjentali tal-industrija tal-kostruzzjoni. Hawn kunsens ġenerali li l-ġebla hi riżorsa skarsa. Imma ma hawn l-ebda sforz fis-seħħ biex l-iskart iġġenerat mill-kostruzzjoni jkun riċiklat, kollu inkella in parti. Il-ġebla tifforma parti sostanzjali mill-iskart iġġenerat mill-industrija tal- kostruzzjoni. Ir-riċiklaġġ ifakkarna fil-kontenituri kbar għall- karta, plastik, metall jew ħġieġ f 'uħud mit-toroq tagħna. Illum ma' dan ninkludu l-iskart organiku kif ukoll l-iskart elettriku u elettroniku. Imma meta ser nibdew nindirizzaw il-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni bis-serjetà u nirriċiklawh? Qatt kellek bżonn xi xorok tal-franka biex tibdel oħrajn li kienu maqsumin? Mhux qed nirreferi biss għal dawk ta' daqs żgħir li nsibu f 'uħud minn djarna imma wkoll għal dawk ferm ikbar fid- daqs li fl-industrija nirreferu għalihom bħala xorok tal- qasba li ħafna drabi ssibhom f 'bini qadim, inkluż irziezet, u li għalihom tħallas minn imnieħrek. Ma nafx jekk qattx rajtu reklami ta' bejgħ ta' garigor tal-ġebel żarmat li jkun ġie salvat minn bini, x'aktarx qadim, li jkun twaqqa'? Għax bħala fatt ir-riċiklar ta' dak li wħud iqisu bħala skart tal-kostruzzjoni diġà qiegħed isir, avolja fuq skala żgħira. Ir-realtà hi li dan hu mod prattiku kif tista' tkun indirizzata din il-materja b'mod sostenibbli. Irridu nsibu użu għal dak kollu li llum inqisuh bħala skart sostenibbli. L-Istrateġija dwar l-Immaniġjar tal-Iskart għall-Gżejjer Maltin addottata fl-2014 għandha sotto-titlu li jemfasizza l-ħtieġa li din l-istrateġija twassal għall-immaniġjar aħjar tar-riżorsi. B'referenza għall-iskart tal-kostruzzjoni dan ifisser li titwal il- ħajja utli tar-riżorsi u bħala riżultat ta' dan il-ġebla tintuża aħjar. Din hi opportunità biex nissalvagwardjaw ir-riżorsi limitati ta' pajjiżna. Li nżidu l-barrieri biex fihom jitqiegħed l-iskart tal- kostruzzjoni mhu ser isolvi xejn. It-tħabbira riċenti dwar il-ħlas miżjud ta' €8 għal kull tunellata ta' skart tal-kostruzzjoni li jinġabar fil-barrieri huwa baxx. Il-piz fuq il-pajjiż bħala riżultat tal-iskart tal-kostruzzjoni hu ferm iktar minn miżerja ta' €8-il tunellata. Fil-prattika dan ifisser li l-industrija tal- kostruzzjoni hi ssussidjata. Lura fl-2012 kien irrapportat fil-midja lokali li l-Wasteserve kienet qed titlob ħlas ta' €20 għal kull tunellata ta' skart mingħand il-Gvern. Il-parti l-kbira ta' dan il-ħlas dakinhar kien issussidjat u mħallas minn fondi pubbliċi. Flok rata ta' €8-il tunellata l-iskart tal-kostruzzjoni għandu jkun soġġett għall- ħlas ferm ogħla ta', ngħidu aħna €100-il tunellata: €8 jkunu ħlas għall-operaturi tal-barriera u l-bqija taxxa ambjentali. Dan jassigura li l-industrija tal-kostruzzjoni tagħmel tajjeb għall-ħsara li qed tikkawża. Ħlas sostanzjali jkun ukoll xprun biex l-industrija tal-kostruzzjoni tibda tipprattika r-riċiklaġġ fuq skala kbira. Dak li llum inqisuh skart tal-kostruzzjoni jista' jinstablu użu divers. Ikun ifisser imma li t-twaqqigħ tal-bini, meta dan ikun neċessarju, isir b'mod ordnat li jassigura l-inqas ħsara possibli fl-elementi tal-bini li jkun ser jitwaqqa' biex ikun assigurat l-użu mill- ġdid tagħhom. Għax il-parti l-kbira tal-materjali li nsibu fil-bini li jitwaqqa' jista' jerġa' jintuża. L-industrija tal- kostruzzjoni teħtieġ li taġixxi b'mod responsabbli u dan billi terfa' b'mod dirett ir-responsabbiltà għall-impatti ambjentali tagħha. Huwa b'dan il- mod li nistgħu nindirizzaw bis-serjetà l-kostruzzjoni u mhux bis-"servizzi soċjali" għall-iżviluppaturi, permezz ta' tariffi baxxi jew issussidjati. Servizz Soċjali għall-iżviluppaturi CARMEL CACOPARDO carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com DUN ANG SEYCHELL Meta Obama talab l-għajnuna ta' dawk li jmorru l-knisja

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 17.02.19