Illum previous editions

ILLUM 3 March 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1088105

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 3 ta' Marzu 2019 20 Opinjoni Q ed jiġru ħafna affarijiet strambi f 'din id-dinja. Din il-ġimgħa smajna illi n-numru ta' każijiet ta' ħożba fid-dinja żdied bi 48% bejn l-2017 u l-2018. Fost il-pajjiżi fejn l-aktar żdied in-numru ta' tfal bil-ħożba wieħed isib ħafna pajjiżi fqar. Imma fost l-għaxar pajjiżi fejn l-aktar żdiedet il-ħożba nsibu lil Franza fejn hemm tradizzjoni qawwija ta' nies li qed jirresistu illi jlaqqmu lit-tfal tagħhom. L-hekk imsejjaħ moviment anti-vax illum infirex sew u minħabba din l-idea xejn xjentifika illi t-tilqim tat-tfal jagħmel ħsara lit-tfal, in-numru ta' każijiet ta' ħożba li m'għandha l-ebda kura stabbilità u l-mwiet minnha qed jiżdied sew. It- tixrid ta' aħbarijiet foloz fuq Facebook bħal post ta' wieħed Malti li rajt din il-ġimgħa dwar l-allegat mewt ta' tifel li kienu mlaqqam qed iġġiegħel ħafna nies sabiex ma jlaqqmux lit-tfal tagħhom. Dawn jemmnu illi qed jiġu mġiegħla jlaqqmu lil uliedhom minħabba pressjoni kummerċjali tal-kumpaniji farmaċewtiċi kbar. U minħabba f 'hekk, in-numru ta' każijiet ta' ħożba madwar id-dinja s-sena l-oħra tela' għal 300,000 u qed anke jiżdiedu n-numru ta' mwiet. Ħaġa stramba oħra hija ż-żieda kbira ta' nies illi bdew jemmnu illi d-dinja hija ċatta. Riċerka riċenti wriet illi ż-żieda fenomenali tal-hekk imsejħa flatearthers hija dovuta għall- filmati li wieħed isib fuq YouTube illi jikkonvinċu lil min jarahom illi mhux vera illi d-dinja hija tonda imma fil-fatt hija ċatta! Ir-riċerka sabet ukoll illi min spiċċa jemmen din iċ-ċuċata, Manjahu Propens, illi jemmen konfoffi oħra bħal pereżempju mhux minnu illi n-Nasa llandjat fuq il-qamar jew illi l-attakk ta' 9/11 hu finta u l-WTC inqered bil-ġelatina! Naf wieħed illi jqatta' l-parti l-kbira tal-jum tiegħu jippostja fuq Facebook illi l-WTC ma setax jinqered bl-ajruplani li kkraxxjaw ġo fih. X'inhi l-problema bil-media soċjali bħal Facebook u YouTube? Meta sebħet l-epoka tal-internet, it-tama kienet illi l-internet ser teħles in-nies mill-kontroll taċ-ċensura u b'hekk, ikollhom aktar aċċess għall-informazzjoni objettiva. It-tama kienet illi ħadd ma jibqa' ostaġġ taċ-ċensura ta' reġimi repressivi, illi kulħadd ikun jista' jkun jaf xi jkun għaddej mingħajr il-filtri tal-gvernijiet awtoritarji. Sa ċertu punt, hekk jiġri. Iż-żmien meta gvern kien jikkontrolla l-uniku stazzjon tat- televiżjoni ta' pajjiż ilu li spiċċa. Il-pluraliżmu fix-xandir jiżgura illi kulħadd għandu aċċess għal veduti differenti u għaldaqstant, inutli li wieħed joqgħod jiċċensura. Imma sfortunatament, l-era tal-internet u tal-media soċjali Meta s-sena l-oħra l-president Taljan Sergio Mattarella ma approvax il-ħatra ta' Paolo Savona bħala ministru tal- finanzi, immidjatament beda jiġi attakkat fuq Twitter minn kontijiet anonimi li tfaċċaw ħabta u sabta mir-Russja. L-indħil Russu fl-aħħar elezzjoni presidenzjali Amerikana qed dejjem isir aktar ċar u għadu mhux ċar x'indħil Russu kien hemm fir-referendum dwar il- Brexit minkejja li jeżistu suspetti kbar. Imma wieħed ma għandux biss iwaħħal fir-Russi. Hu magħruf illi fil-persekuzzjoni tal-minoranza musulmana magħrufa bħala r-Rohingya fil-Myanmar kien hemm ħafna tkeskis tal-maġġoranza buddista tal-pajjiż. Każ ieħor li qed jiġini f 'moħħi hija l-propaganda bla waqfien illi tiġi ppostjata fuq il-Facebook minn Malti ieħor illi dejjem jippostja stejjer dwar reati illi allegatament jitwettqu minn immigranti llegali. Spiss dawn l-istejjer ikunu esaġerati jew tingħata l-impressjoni li għadhom kemm ġraw meta fil-fatt kien ilhom snin li ġraw. L-istrateġija hi illi l-immigrazzjoni llegali tiġi mpinġija bħala l-akbar pjaga li għandha l-Ewropa llum meta r-realtà hija ferm differenti. Sena ilu l-ġurnal Igliż The Observer kien żvela kif il- kumpanija ta' konsulenza diġitali Cambridge Analytica ngħatat aċċess illegali minn Facebook għad-data ta' miljuni ta' nies li jużawh. Din id-data ntużat sabiex Cambridge Analytica żviluppat profili ta' nies li lejhom ġew immirati riklami politiċi intiżi sabiex jikkundizzjonaw l-għażliet elettorali tagħhom. Cambridge Analytica kienet tbigħ dan is-servizz tagħha u ġie allegat li anke kellha kuntatti mal-Partit Laburista Malti, liema allegazzjoni ġiet immidjatament miċħuda. Illum din il-kumpanija qiegħda tiġi llikwidata imma min kien jaħdem magħha għadu attiv. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joħroġ ċar illi l-midja soċjali qed thedded is-sisien demokratiċi. L-idea illi midja soċjali bħal Facebook ma hi xejn ħlief pjattaforma newtrali li fuqha kulħadd jista' jpoġġi li jrid m'għadhiex tagħmel sens. Kumpaniji bħal Facebook ma jistgħux ikomplu jaħslu jdejhom mill-għażliet editorjali li messhom qed jagħmlu għax huma ma jippubblikawx. Il-midja soċjali ma tistax tabdika r-responsabbilità tagħha u tagħlaq għajnejha quddiem it-tixrid ta' aħbarijiet foloz u sovversivi. U l-midja soċjali ma tistax tibqa' topera f 'vojt regulatorju u għandu jispiċċa ż-żmien tal- awtoregolamentazzjoni. Din hi l-konklużjoni ta' rapport li ffinalizza l-ġimgħa l-oħra il-Kumitat Magħżul tal-House of Commons dwar id-Diġitali, il-Kultura, il-Media u l-Isports li investiga għal tmintax-il xahar it-tixrid ta' disinformazzjoni u aħbarijiet foloż. Dan ir-rapport finali ta' 108 paġni, li skont l-istess kumitat mhuwiex l-aħħar kelma dwar dan is-suġġett, jakkuża lil Facebook illi jagħmel minn kollox biex tagħmel qligħ mid- data ta' min jużaha waqt illi tinganna u tfixkel min jipprova jeżamina l-attivatijiet tagħha. Verament illi għalkemm dan il-kumitat ma kellux jeżamina biss l-operat ta' Facebook din il-kumpanija spiċċat il-mira prinċipali tiegħu. Skont dan ir-rapport, Facebook tikser minn jeddha l-liġijiet dwar il-privatezza u l-konkorrenza u tirrifjuta li tieħu azzjoni fir-rigward ta' min juża b'mod abusiv l-Facebook. Akkuża oħra hi illi l-impjegati ta' Facebook għamlu minn kollox biex ifixklu jew jiżvijaw il-ħidma tal-kumitat. Il-kap eżekuttiv ta' Facebook, Mark Zuckenberg, ġie akkużat li wera disprezz lejn l-istess kumitat meta rrifjuta tliet stediniet illi jixhed, anke permezz ta' video link. Dan anke meta ntalab li jagħmel hekk minn Kumitat Kbir magħmul minn disa' parlamenti. Zuckenberg minflok xehed quddiem il-Kungress Amerikan u l-Parlament Ewropew. Il-kumitat parlamentari akkuża lil Facebook illi apposta ma tax biżżejjed informazzjoni lil dawk l-impjegati tagħha illi xehdu quddiemu. Akkuża oħra serja hija illi Facebook jagħmel minn kollox biex joħnoq il- konkorrenza sabiex isaħħaħ id-dominanza tiegħu fis-settur. Fost ħafna affarijiet oħra, il- Kumitat semma r-rabtiet bejn il- kumpanija tal-passporti Henley & Partners li hawn Malta nafuha sew u Cambridge Analytica. Fost l-oħrajn, ġie allegat illi dawn iż-żewġ kumpaniji ffinanzjaw elezzjoni fil-gżejjer Karabijiċi ta' St. Kitts & Nevis illi wara bdew joħorġu l-'passaporti tad-deheb'. Dan ir-rapport jikkonkludi illi issa teżisti "ħtieġa urġenti li tiġi stabbilità regolamentazzjoni" ta' kumpaniji tat-teknoloġiji bħal Google u tal-midja soċjali bħal Facebook u Twitter. Jipproponi wkoll "kodiċi ta' etika" li jiġi infurzat minn regulatur indipendenti bħalma jiġri fil-qasam tax-xandir. Dawn il-kumpaniji għandhom jinżammu responsabbli għall-kontenut li ma jneħħux minkejja li jkun ta' ħsara kbira. Dan diġà qed isir fil-Ġermanja fejn dawn il-kumpaniji jistgħu jiġu mmultati sa €20 miljun jekk ma jneħħux kontenut falz u sovversiv fi żmien 24 siegħa. Ir-rapport ikkonkluda wkoll illi l-liġi elettorali hija inadekwata quddiem l-abbużi li seħħew fil-kampanja referendarja dwar il-Brexit u wara. Bosta kienu l-istanzi ta' reklamar anonimu fuq Facebook sabiex jikkundizzjona d-dibattitu dwar il-Brexit illi Facebook baqa' ma żvelax min ħallas għalih. Mhux ta' b'xejn il-kumitat akkuża lil Facebook u kumpaniji oħra li qed jaġixxu bħala "gangsters diġitali" li moħħhom biss fil-flus li jagħmlu u jiġu jaqgħu u jqumu minn min jużahom. Dan ir-rapport ġie ppubblikat minn dan il-Kumitat Magħżul tal-Parlament tar-Renju Unit mingħajr ma ngħata wisq importanza hawn Malta. Ma jfissirx illi hawn Malta m'għandniex l-istess problemi illi jeżistu fir-Renju Unit u fid-dinja demokratika kollha. Nafu kemm Cambridge Analytica żviluppat eluf ta' profili hawn Malta u nafu wkoll il-konċessjoni sinjura li ngħatat Henley & Partners. Tajjeb li nisimgħu mingħajr dewmien x'qed jipproponu l-politiċi Maltin sabiex jikkontrollaw l-abbużi fil-midja soċjali sabiex ma ssirx manipulazzjoni tal- proċess demokratiku kif ħadd ma jista' jeskludi illi sar fil-passat riċenti. Il-gangsters diġitali JOE ELLIS Tajjeb li nisimgħu mingħajr dewmien x'qed jipproponu l-politiċi Maltin sabiex jikkontrollaw l-abbużi l- midja soċjali sabiex ma ssirx manipulazzjoni tal-proċess demokratiku kif ħadd ma jista' jeskludi illi sar l-passat riċenti. " " Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joħroġ ċar illi l-midja soċjali qed thedded is-sisien demokratiċi. " "

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 March 2019