Illum previous editions

ILLUM 3 March 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1088105

Contents of this Issue

Navigation

Page 3 of 31

Aħbarijiet 4 illum | Il-Ħadd 3 ta' Marzu 2019 Minn Alber t Gauci Cunningham DIN il-ġimgħa ġie fit- tmiem tiegħu l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista (PN) b'diskors mill-Kap tal- istess partit Adrian Delia. Din il-gazzetta, apparti li rrapportat fuq is-sit illum. com.mt, illum qed tagħti ħarsa iktar analitika wkoll lejn id-diskors ta' Delia, mexxej li fi ftit ġimgħat oħra se jaffaċċja l-ewwel u l-eqqel test politiku tiegħu s'issa. Id-diskors ta' Delia jpinġi stampa iktar ċara tal-forma mentis tal-Kap tal-PN u allura dak li qed jaħseb, kif qed jaħseb dwar dawn il-kwistjonijiet u fejn irid imur. Din il-gazzetta ħarset lejn l-iktar użu frekwenti ta' suġġetti f 'diskors li dam siegħa u dan x'jista' jfisser. Il-gazzetta iżda tat ħarsa wkoll lejn dawk is-suġġetti li l-Kap tal-PN ma semmiex u allura dan jindika x'inhuma l-aktar suġġetti li probabilment jixtieq jevita. F'din l-analiżi naraw kif Delia jibqa' żvantaġġjat mill-kitbiet ta' Daphne Caruana Galizia fuq il- korruzzjoni u l-governanza meta mqabbel ma' Simon Busuttil, fuq l-għarfien ta' problema ta' ffullar u nuqqas ta' proposti fuq l-immigrazzjoni u finalment fuq is-saħħa tiegħu fil- qasam soċjali. F'kull suġġett nagħtu ħarsa lejn l-effett elettorali (jew in-nuqqas ta' effett) li jista' jkollu l-ħsieb wara d-diskors ta' Delia. Nhar l-Erbgħa, il-kap tal-PN Adrian Delia għalaq il-Kunsill Ġenerali b'diskors li ff oka l-aktar u b'tul fuq il- korruzzjoni u l-governanza, fuq ir-realtajiet soċjali u naturalment fuq il-barranin. X'jurina d-diskors ta' Delia dwar id-direzzjoni tal-PN? X'eff ett jista' jkollha din id-direzzjoni? U kemm qed jemmnuh in-Nazzjonalisti? Dan kien wieħed mill-aktar diskorsi illi fih Delia dam jitkellem fuq is-suġġetti tad-demokrazija, il-governanza u l-korruzzjoni. Dawn is-suġġetti ma twildux fil-PN ilbieraħ u allura sa ċerta punt Delia qed ikompli fejn ħalla Eddie Fenech Adami bl-għajta ta' Xogħol, Ġustizzja u Libertà, meta dak iż-żmien il-PN kien jgħid li qed jiġġieled Gvern korrott u kważi despotiku li għamel ħbieb mal-agħar dittaturi taż-żmien. Qed ikompli wkoll fejn ħalla Simon Busuttil bil-'Politika Onesta' u 'Nagħżel Malta' meta l-PN kien qed jgħid li qed jiġġieled 'l-aktar Gvern korrott fl-istorja' li għamel ħbieb ma' gvernijiet li xejn m'għandhom kredenzjali demokratiċi tajbin, primarjament l-Ażerbajġan. Allura wieħed kien jistenna li Delia, li hemm perċezzjoni fost sezzjoni ta' Nazzjonalisti li mhuwiex idoneu biex jiġġieled il-korruzzjoni, ikompli fejn ħalla ħaddieħor fl-oppożizzjoni. Delia tkellem dwar il-korruzzjoni u sostna li min hu korrott mhux denju jmexxi lil pajjiżna. Din l-istqarrija, filwaqt li ħadd ma jista' jikkontesta l-veraċità tagħha, hija 1) eku tal-kritika li kienet issir minn Simon Busuttil, bid-differenza li fuq Busuttil qatt ma kien hemm mistoqsijiet serji daqs kemm kien hemm jew jista' għad hemm fuq Delia (kontijiet f 'Jersey...). U fil-verità ladarba Delia (bħal Chris Cardona issa) waqqa' l-libelli kontra l-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia qatt mhu se nkunu nafu min qal il-verità u min gideb fil-każ ta' flus li kienu ġejjin minn racket ta' prostituzzjoni minn Jersey. Min-naħa l-oħra iżda Delia kien fuq quddiem biex jiġġieled il-korruzzjoni fil-futbol u nies f 'dan il-qasam jikkonferaw dan u aktar. Minħabba li l-akkużi dwar ċirku ta' prostituzzjoni huma aktar riċenti, ngħataw ħafna aktar spazju fil- midja u minħabba li l-akkużi li Delia u dawk ta' madwaru huma "korrotti" u "karattri ħżiena" kienu ġejjin minn Daphne Caruana Galizia, l-effett ta' stqarrijiet ta' Delia dwar il-korruzzjoni xorta m'għandhomx is-saħħa li suppost ikollhom man-Nazzjonalisti. It-tieni; l-istqarrija li min huwa korrott ma jistax imexxi lill-pajjiż ifisser li Delia għolla sew il-livell ta' politika mistennija minnu u mill-PN. Dan huwa pożittiv minnu nnifsu, għalkemm huwa tajjeb ukoll li wieħed iżomm f 'moħħu li Delia issa jrid ilaħħaq mal-livelli u aspettattiva li ħoloq hu stess. Ma jistax iġib skużi jekk ikollu każ ta' korruzzjoni jew ta' ħjiel ta' korruzzjoni jew allegata mġiba ħażina minn xi ħadd fil-PN stess. S'issa fil-fatt f 'kull każ ta' kritika serja jew allegazzjonijiet ta' abbuż ta' poter, Delia żamm sod mad-Deputati jew MEPs tiegħu. Quddiem ir-rapport tal-Awditur baqa' jappoġġja lil Jason Azzopardi fuq il-każ tal-art tal- Fekruna, fuq akkużi u allegazzjonijiet ta' teħid ta' kokaina waqt il-ħin tax- xogħol baqa' jappoġġja lil David Casa u meta l-Qorti qalet li Toni Bezzina kien abbuża mill-pożizzjoni tiegħu (bħala President tal-Kumitat Sezzjonali - PN Żurrieq) Delia qabeż għalih ukoll. L-unika riżenja li qatt talab s'issa Delia kienet ta' Simon Busuttil li la kellu investigazzjoni tal-awditur, la deċiżjoni tal-Qorti u lanqas allegazzjonijiet relatati mad-droga kontrih. Ħtif tal-istituzzjonijiet... Delia akkuża lill-Gvern bi ħtif tal-istituzzjonijiet filwaqt li qal illi l-Kummissarju tal-Pulizija huwa 'puppazz'. Huwa ċar illi f 'dan kollu Delia qed jimmira lejn appoġġ mingħand dawk in-nies li fuqhom ma jidhirx li qed iħalli l-effett mixtieq hu stess. Dawk in-Nazzjonalisti li għadhom jemmnu lil Caruana Galizia dwaru, dawk li jemmnu illi Delia huwa karattru 'dubjuż' (ikkonfermat fil- psike tagħhom bl-għajjat u t-tgħajjir li semgħu f 'rekordings dwaru) u dawk li għalihom il-korruzzjoni għandha tibqa' kwistjoni numru wieħed li l-PN jeħtieġ jiġġieled biex ikun jista' jirbaħ. Fil-fatt l-ewwel 20 minuta tad-diskors kienu xi ftit jew wisq marbutin ma' dan is-suġġett bi stqarrijiet bħal; 'il-Gvern qed jaħtaf l-istituzzjonijiet', 'l-istituzzjonijiet huma mġarrfa' u 'd-demokrazija hija mhedda'. Imma l-mistoqsija ċentrali tibqa' din: Kemm qed iħalli effett dan id-diskors? Kemm se jkun żiemel rebbieħ is-suġġett tal-governanza? Jista' bil-korruzzjoni u b'kwistjonijiet bħal tal-VGH jerġa' jġib in-nagħaġ mitlufin Delia u magħhom jgħaqqad lil dawk il-floaters li forsi mhumiex kuntenti bil-Gvern? Dawn il-mistoqsijiet ikunu mwieġba partikolarment f 'Mejju li ġej meta naraw jekk l-użu ta' dan is-suġġett, fil-fatt għenx biex dawk li ma jemmnux f 'Delia jerġgħu jarawh bħala bniedem integru u idoneu biex ikompli fejn ħalla Simon Busuttil fuq il-governanza u l-korruzzjoni. Naturalment wieħed irid iqis ukoll kemm Delia qed jattira lejh grupp ta' nies Nazzjonalisti li ma kinux jivvutaw qabel għax ma qablux ma' Busuttil u li issa qed jerġgħu jappoġġjaw lill-PN. Jekk imqar dan il-grupp jagħmel tajjeb għat-telf tal-PN (li jista' jlaħħaq l-eluf), Delia jkun jista' jiffoka aktar fuq kif il-partit se jsir attraenti għal dawk il-ħafna eks Nazzjonalisti li llum qed jivvutaw lill-Partit Labsurista. Madwar 20 minuta fuq id-demokrazija/governanza/korruzzjoni: tajjeb jew le? X'ma semmiex fid-diskors Delia? • X'jiġri wara l-elezzjonijiet tal-MEPs jekk il-PN jitlef bil-kbir • Id-differenzi u l-ġlied intern fil-Grupp Parlamentari • Ir-reklamazzjoni tal-art... favur jew kontra? • Mina: favur jew kontra? • L-insib: favur jew kontra? • Trattament ta' Mario Portelli u pazjenti tas-saħħa mentali • Egrant u l-Avukat Ġenerali • L-envelope bid-droga li rċieva Jason Azzopardi • 17 Black u Macbridge • L-akkużi kontrih ta' vjolenza domestika • Il-filmat tal-PM jaqbeż u jkanta flimkien ma' martu Michelle Diskors li jgħid ħafna u jħalli barra wkoll...

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 March 2019