Illum previous editions

ILLUM 17 March 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1093351

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 31

Opinjoni 14 illum | Il-Ħadd 17 ta' Marzu 2019 M a niddejjaqx nirrepeti kemm hija importanti l-kultura fil-ħajja tagħna. Hija importanti għal diversi raġunijiet. Nemmen li l-kultura hija d-demm ta' soċjetà vibranti, u hija espressa b'ħafna modi; kif niċċelebraw, kif niftakru l-imgħoddi, kif nirrakkontaw l-istejjer ta' missirijietna, kif ningħaqdu flimkien biex niffesteġġjaw waqtiet importanti mill- istorja tagħna bħala poplu... u wkoll kif nimmaġinaw il- futur tagħna. L-espressjoni kreattiva tagħna tgħin biex tiddefinixxi min aħna. Minbarra l-valur intrinsiku tagħha, il-kultura tipprovdi benefiċċji soċjali u ekonomiċi importanti filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna u żżid il- benesseri ġenerali kemm għall-individwi kif ukoll għall-komunitajiet. It-tradizzjonijiet kulturali huma importanti għaliex jittrasmettu valuri, stejjer u miri komuni minn ġenerazzjoni għal oħra. U dik li rridu aħna. Nittrasmettu l-valuri kulturali lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin, b'mod li jkunu magħġuna b'element frisk li jattiraw lit-tfal tagħna li tilgħin f 'dinja li kulma jmur qed tiġġedded u timmodernizza ruħha. Eżatt bħal nhar il-Ġimgħa 100 jum ilu, konna varajna dak li jissejjaħ il-Heritage Passport. Mezz interessanti li permezz tiegħu ħajjarna lill-istudenti biex b'mod ġdid jersqu lejn id-dinja kulturali Maltija. B'wiċċi minn quddiem u bi pjaċir ngħid li dan il-passaport kien suċċess kbir - grazzi għal din l-iskema, 7,000 student ġabru l-passaport u diġà żaru s-siti ta' Heritage Malta – f '100 jum – 31,000 adult u student. Dawn ċertament huma sinjali qawwija ta' poplu li japprezza l-kultura tiegħu u li huwa kburi b'pajjiżu! Għalhekk intenni li permezz ta' dawn l-inizjattivi, qegħdin inkomplu nipprovdu aktar modijiet biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa jkollha aktar aċċess għall-wirt u l-kultura tagħna, b'mod li japprezzaw aktar l-istorja ta' pajjiżna, u s-siti numerużi li jirrappreżentawha fi ħdan pajjiżna. Ninsabu impenjati biex inkomplu nsaħħu l-wirt lokali tagħna, li jifforma parti importanti mill- identità nazzjonali tagħna, biex verament kulħadd japprezzaha. Tajjeb li nfakkar li l-Passaport ta' Heritage Malta huwa opportunità unika għal dawk l-istudenti li għandhom għal qalbhom il-kultura u jipprovdilhom u lil żewġ adulti magħhom, aċċess bla ħlas u bla limitu fil-mużewijiet u s-siti kollha tal-Aġenzija (eskluż l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni). Din l-inizjattiva kienet saħansitra mfaħħra ferm mill-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni u Kultura, Żgħażagħ u Sport Tibor Navracsics, meta propju f 'Malta konna qed niltaqgħu fil-MUŻA għall-konferenza annwali tan-Network of European Museum Organisations. Il-passaport ta' Heritage Malta huwa mmirat għall-istudenti kollha li jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji, kemm jekk huma tal-Istat, indipendenti jew tal-Knisja, f 'Malta u Għawdex. Il-passaport jinġabar meta wieħed iżur xi sit jew mużew tal-Aġenzija, wara li jippreżenta l-card ta' Heritage Malta, li tqassmet lit-tfal kollha mill-iskejjel tagħhom. Minn żmien għal żmien, Heritage Malta qiegħda żżid mal-inċentivi relatati ma' dan il-passaport. Waħda minnhom hija li dawk l-istudenti kollha li se jżuru l-mużewijiet u s-siti kollha ta' Heritage Malta li jinsabu r-Rabat u l-Imdina waqt ix- xahar ta' Marzu, jingħataw basket bir-rigali, filwaqt li l-istudenti kollha li se jmorru jiġbru l-passaport tagħhom għall-ewwel darba waqt ix-xhur ta' Marzu u April se jingħataw ktieb sabiħ. Dan huwa l-mod ġdid kif qed niżirgħu l-imħabba tal-kultura fit-tfal tagħna. Għandhom jgħożżuha għaliex hija parti mill- identità tagħhom. Inħajjar u nħeġġeġ aktar studenti jsiefru fid-dinja kulturali permezz ta' dan il- passaport! *** Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed inkomplu nimirħu f 'oqsma kulturali li jinsabu madwarna u li s'issa forsi ftit li xejn sar dwarhom. Fil-jiem li għaddew ħriġna wkoll b'innovità fid-dinja kulturali – din id-darba d-dinja meraviljuża u eċitanti ta' taħt il-baħar. Ħadd ma jargumenta li pajjiżna huwa rikk f 'dawk li huma siti storiċi. U l-istess għandna din ir-rikkezza taħt wiċċ l-ilma li jdawru l-gżejjer Maltin. Kif nikteb hekk niftakar mal-ewwel fi ftit tas-snin ilu, eżattament fl-2017, meta kont ħabbart li kien instab ġifen Feniċju li jmur lura 700 sena qabel Kristu. Skoperta t'importanza kbira għaliex saħansitra ġibed attenzjoni dinjija minħabba li huwa l-eqdem xini mgħerreq li nstab f 'dan ir-reġjun. Juri wkoll l-importanza ta' pajjiżna fir-rotot tal-qedem u jitfa' aktar dawl fuq Malta bħala ċentru sa minn dawk iż-żminijiet. Ġieli tkellimt ma' għaddasa u jgħiduli kemm għandna biex niftaħru l-Maltin għaliex is-sbuħija naturali ta' taħt il-baħar marbuta ma' relitti mill-qedem sa oħrajn mill-istorja moderna – relitti tal-gwerra – qed jagħmlu minn dan is-settur niċċa turistika oħra – għal dawk li jħobbu l-istorja u wkoll jipprattikaw dan l-isport. Fuq kollox l-kultura huwa wkoll settur li aktar ma jmur, aktar qed jikber fl-importanza tiegħu u qed jgħin tajjeb ħafna lill- ekonomija Maltija. B'dan kollu f 'moħħna, din il-ġimgħa wkoll nedejna l-ewwel Dipartiment tal-Wirt Kulturali ta' Taħt il-Baħar, għall- amministrazzjoni u l-ħarsien tal-patrimonju kulturali ta' taħt il-baħar – fi ħdan il- Heritage Malta. Bażikament dan se jħares il-patrimonju kulturali ta' taħt il-baħar. Għalhekk b'din l-inizjattiva se naraw it- twaqqif ta' parks arkeoloġiċi taħt il-baħar li se jġibu numru ta' benefiċċji, primarjament il-protezzjoni tar-riżorsa prezzjuża u unika tal-patrimonju kulturali ta' pajjiżna li tinsab taħt il- baħar. Bi studji li saru nafu u rridu napprezzaw li numru sinifikanti ta' nazzjonijiet u kulturi – kemm mill-passat u mill-preżent – huma rrappreżentati f 'qiegħ il- baħar 'il barra mill-gżejjer Maltin. Din il-varjetà wasslet biex Malta titqies bħala kuratur ta' riżorsa kulturali unika b'valur globali, li għadha fi stat tajjeb ta' preservazzjoni, u li tappartjeni lill-umanità kollha. Responsabiltà mhix żgħira! Imma aħna nħarsu 'l quddiem u lesti li negħlbu kull sfida. Għalhekk il-ħolqien ta' dan id- dipartiment. Tajjeb li ngħid – u żgur li l-għaddasa li niltaqa' magħhom se tinżel tajjeb magħhom, imma mhux biss – li se noħolqu aċċessibilità għal siti ġodda kemm minn għaddasa u kif ukoll permezz ta' mezzi virtwali, se jagħti valur miżjud lill-pakkett tat-turiżmu tal-għaddasa li jista' jiġi offrut mill-gżejjer Maltin. Huwa mistenni li madwar 10 siti storiċi se jinfetħu din is-sena u Heritage Malta għandha l-għan li tiftaħ bejn tliet u ħames siti ġodda fl-2020 u 2021. Aċċess għar-relitti se jkun immexxi permezz ta' sistema ta' online booking li se tkun amministrata minn Heritage Malta. Eventwalment, huwa mistenni li dan iwassal biex il-gżejjer Maltin isiru mexxejja ewlenin fil-qasam tal-għadis fil-fond għal relitti ta' taħt il-baħar. Dan id-dipartiment se jkun qed jorganizza wkoll kampanji informattivi bl-għan li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-importanza tal-patrimonju kulturali Malti li jinsab taħt il-baħar, biex inkomplu nsaħħu l-istrateġija kulturali tagħna biex niżguraw li dan is-settur ikun aktar aċċessibbli. Tajjeb li ngħid li dan id- Dipartiment se jitmexxa minn l-arkeologu ta' taħt il-baħar, il-Professur Timmy Gambin, marbut sew mar- relitt tal-Feniċi li semmejt qabel. *** Xtaqt nagħlaq dawn il-ħsibijiet b'xi ħaġa li ma tantx insemmu imma hija importanti wkoll biex tgħin ir-rikkezza tal-kollezzjonijiet li jinsabu fil-mużewijiet tagħna. Hemm kollezzjonijiet li minn żmien għal żmien jingħataw b'self lill- mużewijiet tagħna biex permezz tagħhom il-poplu Malti jkompli jagħraf l-importanza tal-kultura. Qed nirreferi pereżempju għal parti mill-kollezzjoni tal-famuż Jacques Cousteau li se tkun esebita fil-Mużew Marittimu fiż-żmien li ġej. Umbgħad hemm għotjiet li jsiru minn persuni li jagħrfu li dak li jkollhom wara li jkunu għożżewh għal snin kbar – ikun tajjeb li jkompli jitgawda mill-poplu kollu. X'ġest nobbli! Minn żmien għal żmien ikollna minn dawn l-għotjiet. Tiġini f 'moħħi l-pittura tal-famuż artist Ingliż George Large, li ngħatat lill-Mużew Marittimu s-sena li għaddiet u li turi sajjieda f 'Marsaxlokk. Tiġini f 'moħħi wkoll l-għotja li saret sentejn ilu mingħand il-familja Dacoutros ta' madwar 50 oġġett marbuta mall-kummerċ tal-inbid u t-tbaħħir f 'Malta lejn is- seklu 20. Hemm oħrajn. Din il-ġimgħa kien hemm l-aħbar tal-għotja ta' volum storiku rari li jmur lura għall-1728 u li ngħata lil Heritage Malta minn Patrick u Anne Hegarty. Il-ktieb huwa traduzzjoni bl-Ingliż tal-ewwel volum tas-serje "Histoire des Chevaliers Hospitaliers Saint-Jean de Jérusalem" u li kien oriġinarjament ippubblikat mill-Abbé René Aubert de Vertot fl-1726. Min meta ġie pprojbit mill-Vatikan, fiċ- ċirkolazzjoni nsibu ftit kopji biss ta' dan il-volum. Interessanti ferm dak li qal Patrick Hegarty meta ppreżenta dan il-volum lill-Heritage Malta – "Iddeċidejt li nagħti dan il-ktieb lil Heritage Malta għax nemmen li postu huwa hawnhekk f 'Malta. Nemmen li Malta hija d-dar tiegħu. M'hemm l-ebda skop li dan il-ktieb inżommu f 'dar fl- Irlanda fejn ħadd ma jarah jew igawdih. Għall-inqas b'dan il-mod, jista' jgawdih il-poplu Malti u dawk kollha li jiġu jżuru dan il-mużew." Għan altruwistiku ta' koppja Ingliża li permezz tal-għotja hekk importanti tagħha, il-Mużew Marittimu sar aktar għani u minnu se jgawdu dawk kollha interessati fil-kultura. Għotjiet bħal dawn huma apprezzati ferm mill-poplu Malti kollu. Ikun ħafna aħjar milli jispiċċaw magħluqa minn għajnejn id-dinja. Dan huwa s-sabiħ tal- kultura. Kif dejjem ngħid, settur li jgħaqqad lil kulħadd. Permezz ta' innovazzjonijiet u wkoll passaporti kulturali, ejja flimkien inkomplu ngħożżu, nitgħallmu u nħarsu dak kollu li writna minn missirijietna u wkoll dak kollu li l-artist modern qed ikompli jikkontribwixxi għall-ġid kulturali tagħna lkoll. Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali OWEN BONNICI Passaporti għall-kultura

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 17 March 2019