Illum previous editions

ILLUM 24 March 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1096090

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

17 17 Il-Ħadd 24 ta' Marzu 2019 | illum Opinjoni E lf jum għadda mill-24 ta' Ġunju 2016 meta r-Renju Unit b'maġġoranza żgħira vvota li jitlaq mill-Unjoni Ewropea. U l-pajjiż progressivament spiċċa fil-kaos u ħadd għadu ma jaf kif ser tispiċċa din l-avventura. L-unika ċertezza li għandna hi illi l-Brexit żgur mhux ser isseħħ nhar il-Ġimgħa, 29 ta' Marzu imma ġiet posposta b'tal- anqas ħmistax, sat-12 t'April. Dan jekk il-Parlament tar-Renju Unit jibqa' ma jirrattifikax il- ftehim ta' tluq li l-Gvern u l-UE ffirmaw. Jekk din ir-ratifika b'xi miraklu sseħħ, id-data tat-tluq titmexxa għat-22 ta' Mejju 2019. B'hekk, ir-Renju Unit ikollu aktar ħin jgħaddi l-leġiżlazzjoni meħtieġa minħabba t-tluq. Dawn l-iskadenzi ġew iffissati wara laqgħa mqanqla tal-Kunsill Ewropew nhar il-Ħamis li għadda li damet ferm aktar milli mistenni. Dana minħabba differenzi notevoli li kien hemm bejn il-pajjiżi membri u anke l-istess president tal-Kunsill, Donald Tusk. Imma fl-aħħar, l-ekwilibriju ntlaħaq u l-kummentaturi Ewropej kienu unanimi fit-tifħir tagħhom għal dawn il-konklużjonijiet li jikkuntrastaw sew mal- qagħda mħawda fir-Renju Unit. Dawn il-jiem ma ntgħażlux bl-addoċċ: sat-12 ta' April, il-pajjiżi membri jridu jiddeċiedu jekk humiex ser iżommu l-elezzjonijiet Ewropej li jibdew isiru fit-23 ta' Mejju. Jekk ir-Renju Unit irid jibqa' membru wara din id-data, bilfors irid iżomm l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew għaliex altrimenti jitqanqlu dubji serji dwar il- legalità tal-istess Parlament u d-deċiżjonijiet li jieħu. It-talba li ironikament l-Prim Ministru May għamlet fl-anniversarju tal-elf jum nhar l-Erbgħa li għadda kienet għal estensjoni sal- aħħar ta' Ġunju, jum qabel ma tinżamm l-ewwel seduta tal-Parlament Ewropew. Donald Tusk ma kienx kontra l-idea. Tusk kien anke pprospetta l-idea ta' estensjoni itwal sabiex ir- Renju Unit jiddeċiedi eżatt xi jrid. U fil-fond ta' qalbu għadu jittama li Brexit tiġi rtirata. Imma l-Kummissjoni u speċjalment is-segretarju ġenerali potenti tagħha Martin Selmayr ħadet pożizzjoni aktar iebsa u bl-ebda mod ma riedet tikkomprometti l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. Nhar il-Ħamis, il-laqgħa bdiet b'diskors ta' Theresa May ta' siegħa u nofs. Skont dak li ħareġ mil-laqgħa, dan id-diskors intlaqa' ħażin ħafna mill-mexxejja Ewropej għaliex May ma kinetx f 'pożizzjoni illi turi biċ-ċar x'ser tagħmel jekk il-Parlament jibqa' ma jaċċettax il-ftehim ta' tluq. Kien hemm min qal li kienu siegħa u nofs ta' baħħ. Intqal ukoll illi l-President Franċiż Macron stqarr li qabel id- diskors ta' May, kien jaħseb illi kien hemm ċans ta' 10% illi l-ftehim jiġi aċċettat mill- House of Commons imma wara d-diskors patetiku tagħha, irreveda l-istima tiegħu għal 5%. Donald Tusk mid-dehra qallu illi kien qed ikun ġeneruż iżżejjed. Jidher ċar illi l-mexxejja Ewropej ftit għandhom tama illi dan il-ftehim ser jiġi approvat fil- Parlament tar-Renju Unit. Theresa May ħarġet 'il barra mil-laqgħa wara d-diskors tagħha u għamlet sigħat tistenna d-deċiżjoni tas- 27 mexxej l-ieħor. Peress illi din id-deċiżjoni riedet tkun unanima, kull pajjiż membru, inkluż Malta, seta' jopponi għall-estensjoni. Fil-fatt, Franza u l-Belġju fil-laqgħa tal-Ħamis ħadu pożizzjoni aktar iebsa u riedu li Brexit iseħħ sas-7 ta' Mejju. Jidher ukoll illi Macron ma tantx qed jiddejjaq illi ma jintlaħaqx ftehim imma Merkel trid illi jsiru l-isforzi kollha sabiex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE bl-aktar mod ordnat possibbli. Jidher illi l-klima ġenerali fi Brussell hi illi fil-waqt illi l-Kummissjoni hija mxebba' sa ruħ ommha bl-inċertezzi li jeżistu f 'Londra, il-mexxejja Ewropej għad għandhom riserva ta' paċenzja illi qed titbattal b'rata mgħaġġla. Fil-fatt, f 'mossa mhux tas- soltu, dawn il-mexxejja ma adottawx il-konklużjonijiet li kienu laħqu x-sherpas tagħhom lejliet u fasslu d-deċiżjoni tagħhom waqt il-laqgħa. Li hu wkoll tassew ċar hu li kulħadd donnu għandu ġenn biex jeħles minn din il-problema sabiex l-Ewropa tikkonċentra fuq il-problemi reali tagħha. Għal ħafna Brexit hi problema artifiċjali li ġabuha nies eżaltati li għadhom joħolmu b'imperu li ilu li għadda żmienu. Ftit huma dawk li għad għandhom xi rimorsi nostalġiċi għax ser jitlaq ir- Renju Unit jew li għadhom jittamaw illi d-deċiżjoni tal- Brexit b'xi mod tiġi rtirata. Madankollu, f 'dan l-istadju bl-inċertezzi li jeżistu f 'Londra kollox għadu possibbli. Kif qal kummentatur prominenti, Robert Peston, probabilment l-anqas Alla stess ma jaf x'ser jiġri. Dak li rajna f 'dawn l-aħħar ġimgħat f 'Westminster hu tassew inkredibbli. Barra mill-fatt illi l-ftehim tat-tluq ma ġiex aċċettat mill-Parlament darba darbtejn b'marġni enormi ta' 230 u 149 vot rispettivament, kien hemm affarijiet straordinarji oħra. Is-segretarju tal- istat għal Brexit, Stephen Barclay għalaq id-diskors ta' mozzjoni biex ir-Renju Unit ma joħroġx mill-UE bla ftehim u tkellem ovvjament favuriha u appella sabiex id- deputati jħarsu lejn l-interess nazzjonali. Imbagħad ivvota kontriha fil-waqt illi ċ-chief whip astjena. Kellek anke okkażjoni fejn ministri astjenew minkejja li l-whip qallhom biex jivvutaw favur. U f 'okkażjoni oħra, mozzjoni tal-Gvern ġiet emendata u l-Gvern spiċċa jħeġġeġ lid-deputati sabiex jivvutaw kontriha. Theresa May prattikament tilfet l-awtorità kollha tagħha u kulħadd qed jistenna illi jgħaddi jew ma jgħaddix il-ftehim, ikollha twarrab. Għandha tort kbir għall- qagħda preżenti li jinsab fih ir-Renju Unit. Kienet hi illi mingħajr konsultazzjoni ta' xejn, l-anqas fil-kabinett tagħha, iddeċidiet illi l-vot tal-Brexit ifisser illi r-Renju Unit joħroġ mill-għaqda doganali u mis-suq waħdieni. Mexxiet in-negozjati mal- Unjoni Ewropea mingħajr l-ebda sforz illi ssib kunsens mal-partiti tal-oppożizzjoni. L-unika ħaġa li kien jimpurtaha kien illi jkollha l-appoġġ tal-Brexiteers estremisti tal-European Research Group u illi l-partit konservattiv ma jinqasamx. Madankollu, xorta mhux jirnexxilha ġġib l-appoġġ tad-deputati tal-ERG u tal-Unjonisti Demokratiċi tal-Irlanda ta' Fuq li qed iżommu ħaj il-Gvern tagħha. Il-Brexiteers huma bħal xitan li titimgħu kemm titimgħu ma jixba' qatt. May dan ma rrealizzatux imma l-mexxejja Ewropej jafuh u għalhekk baqgħu intransiġenti u ma jridux jerġgħu jiddiskutu mill-ġdid il-ftehim tat-tluq illi ntlaħaq. Dan il-ftehim hu l-unika ftehim possibbli meta wieħed jikkunsidra l-linji ħomor taż-żewġ naħat. Id-diskors li tat May lin- nazzjon nhar l-Erbgħa mhuwiex denju ta' Prim Ministru, ta' omm id- demokrazija imma ta' dittatur ta' xi repubblika tal-banana. Minkejja li m'għandhiex il- kariżma ta' mexxejja populisti oħra, ippruvat tisfrutta vena populista u tefgħet il-ħtija fuq id-deputati għall- impasse attwali. Hi arroganti wisq biex tirrikonoxxi n-nuqqasijiet tagħha. Kien diskors tassew inċendjarju u perikoluż speċjalment meta bosta deputati qegħdin regolarment jirċievu theddid ta' mewt. Ħafna jaħsbu illi wara dan id-diskors iċ-ċans illi l-Parlament japprova l-ftehim tat-tluq naqas sew. Bosta jiddeskrivu wkoll l-atmosfera f '10 Downing Street bħala simili għal dik ta' bunker. Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-mexxej tal-Partit Laburista, Jeremy Corbyn għadu mitluf f 'tattiċismi illi ftit li xejn jagħmlulu ġieħ. Il-proposta tal-Labour illi r-Renju Unit jibqa' fl-għaqda doganali imma mbagħad ikollu influwenza fuq it-trattati ta' kummerċ ħieles li tinnegozja l-UE qajla tagħmel sens. U t-titubanza tiegħu fuq referendum ġdid dwar il- ftehim aħħari kif qed jitolbu bosta mhix tinżel sew ma' bosta mis-sostenituri tiegħu. Kif stqarr Tony Blair din il-ġimgħa mal-ambaxxaturi tal-membri tal-UE, il-partiti l-kbar huma mingħajr mexxejja ta' kalibru. U għalhekk qegħdin fejn qegħdin. Fortunatament, mhux kollox hu mitluf u l-istituzzjonijiet Brittaniċi illi evolvew matul is-snin qed jirreżistu t-tentazzjonijiet awtoritarji tal-Prim Ministru May. Wieħed irid ifakkar illi l-problemi illi għandha May twieldu wara sentenza tal-qorti illi ddeċidiet illi l-Gvern Ingliż irid l-approvazzjoni tal- Parlament sabiex jinvoka l-artiklu 50 tat-Trattat ta' Lisbona. U din il-ġimgħa l-ispeaker tal-Kamra, li bl-interventi tiegħu qed jikkundizzjona sew id- dibattitu li hu għaddej, ta ruling illi l-Gvern ma jistax jerġa' jipproponi mozzjoni sabiex jiġi approvat il-ftehim tat-tluq illi ma ġiex aċċettat mill-Parlament sakemm ma jkunx hemm tibdil sostanzjali. Intant, petizzjoni sabiex jiġi revokat l-artiklu 50 laħqet tliet miljun firma fi ftit jiem u anke saret dimostrazzjoni imponenti f 'Londra kontra l-Brexit. Kif qal Macron din il-ġimgħa, il-kriżi fir-Renju Unit hija l-frott tal-konflitt bejn id-demokrazija rappreżentattiva u dik parteċipattiva u anke frott il-gideb u l-manipulazzjoni tal-kampanja tal-Leave. L-aktar soluzzjoni loġika kellha tkun illi May taċċetta illi jsir referendum jekk il- poplu jridx il-ftehim li laħqet hi jew illi l-pajjiż jibqa' fl-UE. Hemm proposta ta' żewġ backbenchers Laburisti illi jidher illi qed takkwista momentum illi l-Partit Laburista jivvota favur il- ftehim tat-tluq basta dan jiġi kkonfermat f 'referendum populari. Imma May hija mara intransiġenti għall-aħħar u għadha tirreżisti illi jsir referendum ġdid għalkemm probabilment din hi l-aħjar soluzzjoni. Ir-ras iebsa tagħha ġabet lill-pajjiż f 'xifer il-kaos u xi ħaġa trid iċċedi fil-ġimgħat li ġejjin. Ibda mis-siġġu tagħha. Joe Ellis huwa avukat u opinjonista tal-gazzetta ILLUM Ix-xifer tal-irdum JOE ELLIS Theresa May prattikament tilfet l-awtorità kollha tagħha u kulħadd qed jistenna illi jgħaddi jew ma jgħaddix il-ftehim, ikollha twarrab. " "

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 March 2019