Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1098847
15 Il-Ħadd 31 ta' Marzu 2019 | illum Opinjoni K ien unur u privileġġ għalija li tul dawn il- ħames snin kelli l-opportunità li naqsam magħkom, bħala waħda minnkom, din l-esperjenza bħala l-President ta' Malta. Tul dan iż-żmien ħdimt qatigħ sabiex naqdi d-dmirijiet kostituzzjonali tiegħi, għaliex jien nemmen li d-demokrazija hija l-aqwa għodda li preżentement għandna biex niċċelebraw id-dinjità umana u nħarsu d-drittijiet umani u l-paċi fil-komunitajiet tagħna u fis- soċjetà tagħna. Kien privileġġ għalija li nservi bħala l-President tagħkom u jien tassew grata lejn ir-rappreżentanti tal- poplu fil-Parlament, fejn għall-ewwel darba n-nomina tal-President ta' Malta kien hemm qbil unanimu dwarha, kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni, minkejja li kont ġejja min-naħa tal- Gvern. Jalla dan il-qbil unanimu jkompli jirrenja għas- suċċessuri tiegħi, għaliex il-President ta' pajjiżna m'għandux ikollu partiti iżda jrid jaqdi lill-poplu b'lealtà u b'kuxjenza u mhux biex jingħoġob. Għaldaqstant, fi tmiem it-terminu tiegħi, irrid nagħti ħajr lill-Gvern u lill- Oppożizzjoni li, minkejja li mhux l-ewwel darba kont kritika, aċċettaw b'rispett dak li għedt, u apprezzajt li kien hemm anke suġġerimenti li ttieħdu. Irrid nagħti ħajr, fuq kollox, lill-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu għar-rispett u l-appoġġ li tani. Nagħti ħajr ukoll lil dawk fostna li anke kkritikawni, forsi kultant b'għaġla u mhux bil-ħsieb, għaliex tgħallimt ħafna mingħandhom ukoll. Tgħallimt minn kulħadd, speċjalment meta ġejt fostkom. Tgħallimt mit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Tgħallimt l-aktar fuq kemm aħna kapaċi individwalment, iżda aktar u aktar kemm aħna kapaċi meta nkunu magħqudin u nieqfu ma' xulxin. Illum, aktar minn qatt qabel, nemmen li għandna l-abbiltà li nkunu uniċi. Għandna l-abbiltà li, jekk irridu, ħadd fostna ma jħossu waħdu. Għandna l-abbiltà li nsaħħu l-għaqda u saħansitra nġibu l-paċi fost il-ġnus. Uliedna jixtiquna magħqudin u jridu minn Malta pajjiż fejn ħadd ma jbati u jkun eskluż. Uliedna jriduna li nirrispettaw lil xulxin. Uliedna ma jridux ġlied, iżda jridu li Malta tagħna tilqagħhom u tagħtihom is-serenità f 'qalbhom u f 'moħħhom. Għeżież żgħażagħ Maltin u Għawdxin, inħeġġiġkom biex tkunu l-attivisti ta' Malta ivvalutata għal ħidmietha ġenwina favur poplu inklużiv u reżiljenti biex, jekk Alla jrid, għada tkunu l-mexxeja denji u etiċi ta' pajjiżna. Għeżież ħuti Maltin u Għawdxin, nassigurakom li l-esperjenzi kollha li għaddejna flimkien ser jibqgħu minquxin f 'qalbi bi mħabba u b'għożża. Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex nawgura lil Dott. George Vella kull suċċess fir-rwol ġdid tiegħu bħala l-President ta' Malta Minn qalbi nawgura li, f 'kapaċità ġdida, inkompli nkun ta' servizz sabiex ikollna paċi sostenibbli, prosperità inklużiva, u wellbeing ħolistiku fostna bħala l-poplu tal-Gżejjer Maltin, fir-Reġjun Ewro-Mediterran u lil hinn. Grazzi minn qalbi. ...Ara paġna 19 Marie Louise Coleiro Preca fil-ġurnata tal-ħatra tagħha I l-Gvern kontinwament jibgħat sinjali kontra xulxin fuq kulma għandu x'jaqsam mal-politika dwar it-trasport. Sinjali li jvarjaw skont min ikun qiegħed jisma'. Lura f 'Settembru 2017 Joseph Muscat kien iddikjara li kienet il-politika tal-Gvern immexxi minnu li f 'data fil-viċin kien ser jieħu passi biex fil-pajjiż ma jibqgħux jiġu impurtati karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diżil. Price Waterhouse Coopers jidher li ġew imqabbda biex iħejju rapport dettaljat dwar dan. Minn dan is-sinjal ċar tistenna li toħroġ konklużjoni loġika. Għax jekk ser jibda l-proċess biex fit-toroq tagħna ma jkollniex iktar karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diżil, xi bżonn għandna tal-pompi tal- petrol u d-diżil iktar milli diġà għandna? Il-logika twasslek biex tikkonkludi li tal-inqas ikollna waqfien immedjat u allura ma joħorġux permessi iktar għal pompi ġodda. Minflok dan, iżda, ġara eżattament bil-maqlub. F'daqqa waħda kellna attività bla preċedent b'numru ta' applikazzjonijiet għal pompi tal-petrol u d-diżil iktar minn qatt qabel. L-applikanti, bla ebda dubju huma konxji minn dak li qal il-Gvern dwar fejn irid jasal. Għalfejn jissugraw investiment kapitali sostanzjali biex jiżviluppaw pompa li għaliha ma jkun hemm l-ebda użu hekk kif il-miri tal-Gvern jintlaħqu? Il-Pjan Nazzjonali għat- Trasport 2025 kien imfassal għall-amministrazzjoni preżenti mill-konsorzju Italo- Spanjol Ineco-Systematica u ġie ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dan il-pjan jenfasizza li l-politika dwar it-trasport f 'Malta u l-ippjanar konness magħha ma tħarisx fit- tul. Biex ikun ċar daqs il-kristall il-pjan jgħid hekk: "In-nuqqas ta' importanza li ngħata lill- ippjanar fit-tul ifisser li ma hemmx pjan integrat ibbażat fuq analiżi b'miri ċari. Dan wassal f 'nuqqas ta' direzzjoni strateġika kif ukoll fin-nuqqas ta' kapaċità li jkunu indirizzati materji diffiċli bħal dik dwar il-kontroll tal-użu ta' karozzi privati." Biex jassigura ruħu li dan il-messaġġ jasal, il-Pjan Nazzjonali dwar it-Trasport jenfasizza li "Hemm reżistenza qawwija għall-bidla fis-soċjetà Maltija. Dan jikkuntrasta b'mod qawwi mal-ħtieġa li tinħass fil- komunità biex ikunu indirizzati l-problemi tat-traffiku, kemm dawk tal-lum kif ukoll dawk ta' għada. Dan iwassal biex is-sewwieq Malti jippretendi li ħaddieħor jibdel l-attitudnijiet tiegħu ħalli hu jew hi tkun tista' tibqa' ssuq il-karozza." Il-Pjan Nazzjonali tat- Trasport imbagħad jidħol fid-dettall fuq il-miri operattivi dwar it-trasport fuq l-art, bl-ewwel mira tkun biex tkun ipprovduta alternattiva għall- karozzi privati ħalli b'hekk tkun inkoraġġita l-mobilità sostenibbli u allura tonqos id-domanda għall-karozzi privati fiz-zona madwar il-port li hi suġġett għal konġestjoni sostanzjali. Għalfejn il-Pjan Nazzjonali jidentifika dan l-oġġettiv speċifiku? Dan qed isir biex ma jkun hemm l-ebda ambigwità. Il-Pjan Nazzjonali nnifsu jispjega dan kollu b'mod mill- iktar ċar, iswed fuq l-abjad. "Dan l-oġġettiv ġie żviluppat minħabba li l-informazzjoni miġbura turi li madwar ħamsin fil-mija tal-vjaġġi jdumu inqas minn kwarta, li jindika li l-mobilità hi waħda lokali u fuq distanzi qosra. Dan joħloq il-possibilità li tiġi inkoraġġuta ż-żieda fil-mixi u l-użu tar- rota." L-affarijiet ma jistgħux ikunu ċari iktar minn hekk. Id-distanzi qosra biex naslu prattikament kullimkien hi element bażiku li fuqha u madwarha għandha tinbena l-politika tat-trasport f 'Malta. Jekk dan ninjorawh nibqgħu nagħmlu l-ħsara lilna nfusna. Jekk verament irridu nnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna, is-soluzzjoni hi waħda ċara: għandna nindirizzaw il-kawża ta' dan kollu u nnaqqsu l-użu tal- karozzi privati għax għad- distanzi żgħar li għandna f 'pajjiżna, fir-realtà ftit li xejn għandna bżonnhom. Imma flok ma jaħdem biex inaqqas il-karozzi mit-toroq, il-Gvern għaddej bi programm biex jinkoraġixxi l-oppost: twessigħ ta' toroq, flyovers u eżerċizzju sfrenat biex it-toroq tiżdidilhom il-kapaċità li jifilħu iktar u iktar karozzi. Għafejn? X'inhi l-aġenda moħbija? Carmel Cacopardo huwa Chairman tal-Alternattiva Demokratika CARMEL CACOPARDO MILLPRESIDENT TAR REPUBBLIKA MARIE LOUISE COLEIRO PRECA Il-politika dwar it-trasport: aġenda moħbija? 'Grazzi minn qalbi'