Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1098847
illum | Il-Ħadd 31 ta' Marzu 2019 20 Opinjoni R esaq lejn il-bieb mingħajr kulur. Mingħajr żebgħa. Imqaxxar u mgerrem mill- kantunieri kollha. Għajnejh infetħu beraħ, kważi jħossu stordut kemm kien ilu jfittex din id-dar, f 'dawn l-akwati. In-numru ħamsin kien jidher miżbugħ b'żebgħa sewda, eżatt biswit il-bieb, fuq ħajt qadim pariġġ il-bieb. Xi ftit beżgħan għolla ħarstu 'l fuq lejn il-bini u ħass dehxa bard nieżla bil-mod minn ma' għonqu lejn in-naħa t'isfel. Twieqi mtappnin bil-ħmieġ, gallariji li donnhom kienu kkundannati u ħadid nofsu żarmat. Qatt ma kien ħolom li kellu xi darba jiġi f 'post żdingat hekk! Għafas il-pakkett ta' ritratti li kellu f 'idu, bela' r-rieq li kien tela' f 'ħalqu, radd is-salib u ħabbat fuq il-bieb. Ma kellux triq oħra. Bilfors kellu jiġi hawn. Ma kien jaf b'ħadd iżjed li seta' jsiblu soluzzjoni għall- problema li kienet inqalgħatlu. Imbagħad sema' l-passi resqin lejn il-bieb minn ġewwa. Dehxa oħra. Aktar kesħa fl-għadam ta' ġismu. Ix-xemx daħlet wara sħaba. Il-bieb tad-dar qadima tbexxaq biż-żaqżiq u ra par għajnejn skuri jifluħ sew minn ġewwa. "Jien dak li ċempiltlek..." qalilha b'leħen kemxejn maħnuq, jagħfas aktar il- pakkett ta' ritratti li kellu f 'idu, hekk kif l-għaraq beda jxoqq għalih. Il-bieb infetaħ bil-mod u ħallietu jidħol ġewwa. Ingħalaq b'tisbita. Rudy kien daħal ġewwa. U hekk malli bdew għaddejjin minn kuritur mudlam, jisma' l-passi ta' saqajn is-saħħara jikkompetu mal-ħoss qawwi li kienet qiegħda tagħmel qalbu, hekk kif it-tferfir kien ħa kontroll ta' ġismu, waslu f 'kamra enormi. Mejda u żewġ siġġijiet. Ir-riħa ta' inċens immuffat imlietlu l-pulmun. Daret tħares lejh. Xwejħa b'għajnejn kbar suwed, wiċċ abjad karti, libsa skura u xufftejn miżbugħin ħomor nar. "Poġġi hemm," qaltlu. Leħinha kien jinstema' ħelu u mieles. Kważi ħassu xi ftit aħjar hekk kif raha tpoġġi bilqiegħda quddiemu, in-naħa l-oħra tal- mejda. "X'għandek bżonn?" staqsietu. "Kont tinstema' xi ftit eċitat fuq it-telefon..." "Qalli bik ħabib tiegħi. It- tfajla ma tafx li jien ġejt hawn. Ma tafx." U ħass leħnu jitilqu. Kellu jieqaf jieħu pawża. U eżatt dak il-ħin, il-memorji reġgħu ġew quddiem għajnejh. Is-safra. It-tfajla. Suppost kellha tkun l-isbaħ vaganza ta' ħajjithom. Infatti kienet. Dak li ra wara. Dak li ra wara, bidel kollox. U ma kellux risposti. Ma kienx jaf x'kellu jaqbad jagħmel! Hu u Lena kienu ilhom ma' xulxin għal dawn l-aħħar sentejn. Qatt ma kienu siefru flimkien qabel. L-idea li jmorru flimkien iċ-Ċina, kienet ilha sew tberren f 'moħħu. Hu kien iħobb ħafna l-pajjiżi eżotiċi u Lena mhux b'inqas minnu! Fil-fatt, it-tir tagħhom kien li għal li jmiss, kienu ser iżuru l-Ġappun. Kienu marru għal ħmistax. Żaru postijiet mill-isbaħ, xenarji li qatt f 'ħajtu ma kien ħolom li jesperjenza. Marru jaraw il-ħajt il-kbir, ġonna, villaġġi sbieħ u żgħar li kienu saħħruhom, tempji kbar u sbieħ, ikel mill-itjeb... Il-kultura kienet affaxinatu. "B'din ser nieħdu r-ritratti," kienet qaltlu Lena ftit qabel ma kienu marru l-vjaġġ tagħhom. Kienet ħarġet kamera tar- ritratti żgħira u wriethielu. "Din vera tieħu ritratti sbieħ!" "U mhux aħjar ma nitgħabbewx ħafna!" kien saħaq magħha. "Nieħdu r-ritratti bil-mowbajl." "Hux mwobajl! Taf kemm hemm postijiet sbieħ! Jekk neħduhom bil-mowbajl mhux ser jiġu ċari daqs b'din!" kienet qaltlu. "U la naslu lura, nagħtihomlok fuq ċippa, ara liema jogħġbuk u nipprintjawhom! Ħalli jibqgħu tifkira!" U bilfors kellu jaqbel magħha! Għax meta kienet iddaħħal xi fellus f 'rasha Lena, qajla kont toħroġulha! "Dejjem ħlomt li mmur hemm!" kien weġibha, qabadha f 'dirgħajh u dak il- mument nesa' dak kollu li kellu x'jaqsam maċ-Ċina u r-ritratti! "Imma xi trid tkun taf eżatt?" reġgħet staqsietu s-saħħara, hekk kif ħass saqajh jirtogħdu u reġa' ġie lura fil-preżent. Is-silenzju li kien hawn f 'din id-dar, kien kważi qed ibeżżgħu. U leħinha beda donnu jirbombja mal-ħitan tal-kamra fejn kienu qegħdin bilqiegħda. Dak il-ħin, għolla l-pakkett f 'idejh u tahulha. "Arahom," qalilha b'leħen miksur. Is-saħħara ħarset lejh, imbagħad niżlet ħarsitha lejn il-pakkett, xarrbet xofftejha b'ilsienha, tbissmitlu bilmod u ħadithom. Hekk malli bdiet tiftaħhom, għajnejh marru fuq iċ-ċurkett b'fossa ħamra kbira li kienet liebsa. Difrejha wkoll kienu miżbugħin l-istess kulur. Ipprova jħalli ġismu jirrilassa ftit aktar fuq is-siġġu skomdu li kien qiegħed bilqiegħda fuqu, hekk kif għajnejh telgħu lejn l-espressjoni ta' wiċċha hi u tqalleb fir-ritratti. Ir-ritratti tiegħu. Tiegħu u ta' Lena. Kemm kienu ħadu gost! Kif kellu jiġrilu hekk? Issa lil Lena x'kien ser jaqbad jgħidilha? Kienu ħadu r-ritratti kullimkien. Kull fejn kienu marru jżuru, kienu ħadu bosta ritratti. Kollha sbieħ, b'xi xenarju warajhom, jew postijiet ta' interess. Ġieli kienu jqabbdu lil xi ħadd li kien jinzerta għaddej jeħdilhom, ħalli jkollhom ritratti varjati. "Rajthom sew?" kiser is-silenzju tal-kamra, hekk f 'daqqa waħda. Għal mument, leħnu ħasad lilu stess ukoll. "Sbieħ," weġbitu, tqalleb aktar u aktar. Imma ma dehritx konvinċenti. Kienet innotat dak li kien ra hu wkoll. Bilfors. Hekk kif kienu miftehmin, eżatt malli kienu waslu lura lejn Malta, Lena kienet tatu ċ-ċippa tar-ritratti. U hu kien ħadha minnufih, mar iħaffef lejn daru, daħal f 'kamartu u daħħalha fil-kompjuter ħerqan ħalli jara liema kienu ser jipprintjaw. Iżda dak li ra f 'dawn ir- ritratti, kien ħasdu. F'kull ritratt. Kull wieħed minnhom. Kien qallibhom kollha. Wieħed, wieħed. Imbellah. Maħsud. Iċċassat. Kien hemm hi. Tfajla Ċiniża. F'kollha kemm huma! Ma kienx hemm ritratt li ma kinitx tidher fih hi! F'biċċa mir-ritratti kienet tidher donnha qiegħda fl- isfond, bilkemm tingħaraf. F'oħrajn kienet tidher eqreb. F'uħud minnhom kienet qiegħda saħansitra qiegħda tħares lejh. Imma kollha kemm huma kellhom dik ix-xi ħaġa komuni. Kienet l-istess tfajla. Tfajla Ċiniża. U kienet tidher imdejqa. F'uħud mir-ritratti, kienet saħansitra tidher li kellha d-dmugħ m'għajnejha! Imma kif seta' jkun? Hu qatt ma kien raha! Qatt ma kien innotaha! U din, ħaġa tal- iskantament, donnha kienet qagħdet issegwihom f 'kull post li marru! Lanqas ried jemmen. Ma setax. Għalfejn kienet qiegħda hemm? X'riedet minnu? Tgħid qagħdet issegwihom? Issa kif seta' jkun jaf min kienet? Issa li kienu ġew lura? X'kien ser jgħidilha lil Lena? Lanqas biss kien għadu qalilha li pprintjahom kollha, wieħed, wieħed. Ried ikun żgur. Ried jaċċerta ruħu. "Sinjura, naf li din tinstema' ftit stramba..." beda jgħidilha. "Indunajt li f 'dawn ir-ritratti kollha hemm tfajla? Tfajla Ċiniża? Rajtha?" "Xi trid minni?" staqsietu s-saħħara, tpoġġi r-ritratti lura fil-pakkett bil-herra u tressaqhom quddiemu biex jeħodhom lura. Donnha d-dehra ta' dik it-tfajla Ċiniża b'dehra mdejqa fuq ir-ritratti kienet stkerrħitha! "Jien irrid inkun naf dik it- tfajla min hi!" qalilha b'leħen għoli. "Jien ma nafx min hi," qaltlu b'leħen baxx. "Mela x'saħħara int?" staqsieha kemxejn nervuż. "Jekk ġejt hawn biex tkun taf min hi... ġejt għalxejn," weġbitu. Dak il-ħin, kellu aptit jobżqilha għal wiċċha. Imbasta, imbasta kienu qalulu li tajba! Riditx il-flus ukoll! Ħa r-ritratti bil-herra minn fuq il-mejda u qam bilwieqfa, kważi jaqleb is-siġġu mal-art bil-fixla. Kien ġie hawn għalxejn! Kien ħa triq bħal din għalxejn! "Għidli ħaġa waħda, mqar ħaġa waħda...fuqha..." qalilha. "Jekk jogħġbok!" Għalkemm kienet qiegħda tħares lejh, baqgħet siekta. "Skużani...ħtaftek. Mhux is-soltu tiegħi nkun hekk," qalilha. U dak il-ħin raha żżebbeġ għajnejha lejh. Donnha trid tgħidlu xi ħaġa, iżda ma setgħetx. "Rudy," imbagħad qaltlu minn taħt l-ilsien. "Ħaġa waħda nista' ngħidlek. Dik it- tfajla Ċiniża daħlet miegħek. U qiegħda hemm warajk." Editjat minn Sevaniah Calleja Sharon Calleja Tfajla Ċiniża