Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1107748
19 Il-Ħadd 21 ta' April 2019 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Il-libertà tal-istampa u l-midja f 'Malta NHAR il-Ħamis filgħodu kienet ippubblikata storja fuq il-portals kollha tal- pajjiż, jew kważi kollha nsomma, dwar il-libertà tal-istampa. Jirriżulta li Malta wara li niżlet 18-il post fl-2018, din is-sena diġà reġgħet niżlet 12-il post fil-lista ta' pajjiżi skont Reporters Without Borders. Dan il-fatt huwa inkwetanti, m'hemmx dubju. Però tajjeb illi qabel naslu għall-konklużjonijiet partiġġjani, nipprovaw naraw kemm jista' jkun oġġettivament x'jistgħu jkunu r-raġunijiet għal dan ir-riżultat. L-ewwel u qabel kollox ir-raġuni ewlenija għalfejn isem pajjiżna qed ibati tant, speċjalment fost ċrieki ġurnalistiċi internazzjonali, huwa l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u dan għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, kellek eluf jekk mhux miljuni ta' nies, minn naħa sa oħra tad-dinja li qatt ma kienu semgħu b'Malta, imbagħad f 'daqqa waħda semgħu biha f 'konnessjoni ma' assassinju tal-akbar kritika tal-Gvern u lejn l-aħħar tal-Oppożizzjoni wkoll. Dan huwa fatt li ma jistax ikun innegat, ikkontrollat jew mogħti kwalunkwe kulur u li weġġa' mhux ftit lil Malta tagħna. Fil-fatt naslu ngħidu li l-qtil ta' Caruana Galizia huwa l-aktar fattur, li waħdu, tappan isem pajjiżna. Il-fatt li l-qbid tal- moħħ wara dan l-assassinju jidher li għadu tant 'il bogħod qed jgħarraq mhux ftit is- sitwazzjoni hekk kif qed iħalli l-avvenimenti miftuħin għall- interpretazzjoni. Kulħadd jgħid li jrid, kif irid, fejn u meta jrid. Min iwaħħal fil- Gvern jew saħansitra fil-PM ma jistax ikun ikkuntrarjat bil-fatti, imma biss bil-fiduċja. Dan qed jitfa' dawl ikrah fuq il-mexxejja ta' pajjiżna, anke fuq Adrian Delia, għax fin- nuqqas ta' prova ta' min kien il-moħħ wara l-assassinju, il-mexxejja kollha tal-pajjiż, li Caruana Galizia għajret, offendiet u kixfet, isiru suspettati. Lil pajjiżna dan qed jagħmillu ħsara kbira u kieku nindunaw kemm qed issir ħsara sakemm jinstab min kien il-moħħ (speċjalment issa li l-qattiel ta' Jan Kuciak instab u se ssir ġustizzja) ilkoll nibdew ninsitu aktar biex issir ġustizzja malajr kemm jista' jkun. It-tieni raġuni hija li għandek diversi persuni, fosthom Matthew Caruana Galizia, li quddiem udjenza ta' ġuranalisti internazzjonali qed ipinġi stampa ta' pajjiż f 'dittatorjat. Issa aħna nifhmu li Caruana Galizia, mill- angolu tiegħu ta' iben omm maqtula, hekk qed jifhem l-affarijiet. Però Malta mhix pajjiż dittatorjat, għallinqas mhux sakemm ma jkunx ippruvat mod ieħor bis-sejba ta' min qatel lil Caruana Galizia. Imma sa issa dittatura żgur li m'aħniex u kif jaf kulħadd, saret kritika kbira kontra dan il-Gvern, xi kultant mill-aktar ħarxa fuq il-mezzi kollha tax-xandir li mhumiex tal-PL. Għal darb'oħra hawnhekk wieħed ma jistax jinnega illi stqarrijiet bħal dawn qed ikomplu jikkonkretizzaw il-perċezzjoni illi Malta hija t-Turkija tal-Mediterran. It-tielet raġuni hija l-qagħda finanzjarja tal-midja bħalissa. Illum kważi l-kmamar tal- aħbarijiet kollha kellhom jew għandhom problema finanzjarja, qed jaraw il-bejgħ tal-gazzetti nieżel u qed jaraw ukoll il-bejgħ tar-riklami mill-privat jonqos. Dan ifisser illi aktar u aktar gazzetti qed jispiċċaw parzjalment (jew saħansitra kompletament) dipendenti fuq il-Gvern. Dan ifisser illi huwa l-Gvern li qed jiffinanzjak. Il-qerda tal-ġurnaliżmu indipendenti hija kull darba li dak il-ġurnalist jispiċċa jiddependi fuq il-politiku għall-paga tiegħu, għax meta jiġri hekk tkun fgata l-oġġettività u l-ġurnalist isir ilsir ta' dik l-id li qed titimgħu. Il-prinċipji jintremew mar- riħ u ġurnalist isir pupazz u merċenarju li jimbotta l-gidba jew il-verità alternattiva li jrid min qed iħallaslek il-paga. Ir-raba'. L-Istitut tal- Ġurnalisti f 'dan il-pajjiż huwa ineffettiv u irrelevanti. Anke jekk nafu li kien hemm attentati biex dan jibda jiġri, nafu wkoll bħala fatt li dan mhux qed jiġri. Dan qed joħloq ambjent fejn kulħadd jagħmel li jrid u r-regoli jsiru 'as we go along'. Kulħadd jiddeċiedi x'inhu etiku hu, kulħadd jiddeċiedi x'inhu sew jew le hu, insomma ġungla. Din il-gazzetta mhix se tinħebha wara subgħajha, żbalji għamlet, mela! Minkejja dan ma kienx hemm qafas li qed jgħidlek x'missek għamilt jew m'għandekx tagħmel. Ma wasalx iż-żmien li kull kamra tal-aħbarijiet tagħti sehemha biex l-Istitut tal-Ġurnalisti jkun iffinanzjat kif suppost, b'chairman li qed jitħallas u li huwa kontabbli għal dawk l-kmamar tal-aħbarijiet kollha li qed iħallsulu l-paga? Il-ġurnaliżmu huwa karriera, ma jistax ikun ikollna l-għassies tagħha jopera bil- volontarjat. Għandu jkun hemm qafas ta' regolamenti ċari, ċerifikazzjoni universali u etika komuni għall- ġurnalisti kollha. Ħadd ma jkun ogħla mill-istitut, u dan ikollu d-dritt jagħti imma wkoll jieħu l-liċenzja ta' ġurnalist. Jew irridu nimxu 'l quddiem u nikkoperaw jew se nibqgħu niġġieldu għar-roqgħa tagħna (minn roqgħa li dejjem qed tiċkien) u negħrqu flimkien. Il-midja hija l-għassies u t-torċa ta' fejn hemm id-dlam. Anke jekk ħafna madwar id-dinja abbandunawha għal politiċi pwerili u foloz, trid tibqa' tħaddan is-sens komun fejn m'hemmx, tippromovi l-ġustizzja soċjali fejn hemm ir-rgħiba u tkun is-suldat li tiġġieled il-forzi korrotti tal-ħażen, jekk tagħmel hekk tgħix. Jekk se tbigħ ruħha, tmut! Editur: Albert Gauci Cunningham