Illum previous editions

ILLUM 28 April 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1110340

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 31

I ktar minn sentejn ilu, nhar l-20 ta' Marzu 2017, il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar irrifjuta applikazzjoni għall-kontroll tal-iżvilupp intenzjonata biex tistabilixxi x'jista' jinbena fuq art f 'Ta' Durumblat il-Mosta, b'kejl ta' 38,600 metru kwadru. Ma kinitx sorpriża meta iktar kmieni din il-ġimgħa din l-applikazzjoni reġgħet tfaċċat fil-forma ta' applikazzjoni ġdida fuq art ftit ikbar fid-daqs, din id-darba 40,500 metru kwadru. Il-proposta hi biex iż-żona kollha tkun żviluppata f 'waħda residenzjali b'binjiet ta' erba' sulari, b'waħda minnhom parzjalment taħt il-livell tat-triq. Il-ġlieda biex inħarsu l-ambjent jeħtieġ li nġedduha kuljum billi l-forzi tar-rebgħa qegħdin f 'pożizzjoni b'saħħitha li jibqgħu jippruvaw sakemm iġibuha żewġ. Għadna taħt l-effett tal-eżerċizzju ta' razzjonalizzazzjioni li kien implimentat taħt id-direzzjoni tal-eks Ministru tal-Ambjent tal-PN George Pullicino bir-riżultat li madwar żewġ miljun metru kwadru ta' art barra miż-żona tal- iżvilupp (ODZ) ingħataw għall-iżvilupp. Dakinhar, fl-2006, l-Oppożizzjoni Laburista kienet ivvutat kontra din l-inizjattiva, imma hekk kif ħadet is-setgħa, konvenjentement insiet kollox. Huwa biss issa li bosta qed jirrealizzaw kemm hi kbira l-ħsara ambjentali li ser tkun ikkawżata minn dan l-eżerċizzju ta' razzjonalizzazzjoni. Sfortunatament, ir-rimedji possibbli għal din il-ħsara huma limitati. Is-sitwazzjoni hi agħar minħabba li l-Gvern, bi strateġija ċara ma jaġixxix. Għax hu konvenjenti li jista' jwaħħal fil-Gvern ta' qablu għal din il-mandra. Il-punt hu li ma għandna l-ebda ħtieġa ta' żvilupp massiċċ fuq art verġni, bil- konsegwenza li tisparixxi iktar art agrikola fil-periferija taż-żoni urbani tagħna, bil-possibbiltà li jingħaqdu fiżikament il-lokalitajiet. Il- mistoqsijiet li qamu sentejn ilu meta konna ffaċċjati bl-applikazzjoni oriġinali għadhom hemm, mhux imwieġba. Dawn ġew injorati mill-iżviluppaturi u dan minħabba li l-applikazzjoni l-ġdida hi identika għal dik oriġinali. Għalfejn iridu żvilupp daqshekk intensiv? Xi studji hemm li jkejlu l-impatt tal-proposti ta' żvilupp fuq l-infrastruttura tal-inħawi? Iż-żona li hu propost li tkun żviluppata hi sostanzjali. Żona li kien jagħmel sens li tkun pulmun aħdar għall-Mosta ser tispiċċa mibnija b'mijiet ta' residenzi u garaxxijiet. Meta għandna Gvern li mhux kapaċi jieħu pożizzjoni ċara kontra żvilupp esaġerat, l-Awtorità tal-Ippjanar ma tantx għandha fejn tiċċaqlaq u dan billi d-deċiżjoni bażika favur l-iżvilupp esaġerat ilha li ttieħdet mill-Parlament sa mill-2006. Li baqa' li jkun deċiż huwa n-natura tal-iżvilupp permissibli, inkluż jekk ikunx permess bini intensiv inkella bini baxx b'ħafna spazji miftuħin madwaru. L-iżvilupp propost fil-Mosta mhuwiex sostenibbli għax ma nistgħux nibqgħu nitilfu iktar raba' bla bżonn. Alternattiva Demokratika hi l-uniku partit politiku li kontinwament oppona l-pjan ta' razzjonalizzazzjoni u emfasizza l-ħsara ambjentali li dan kien ser jikkawża fil-lokalitajiet tagħna. Dawk li jridu jħaxxnu bwiethom, ovvjament jaħsbuha mod ieħor. Dawk li jiddeċiedu, min- naħa l-oħra, b'mod konsistenti injoraw l-impatti ambjentali. Din il-problema mhix waħda limitata għall-Mosta, imma hi mifruxa ma' Malta u Għawdex. Kelli l-opportunità li niġbed l-attenzjoni għal diversi eżempji f 'lokalitajiet oħra bħal Marsaxlokk, il-Mellieħa, Ħ'Attard, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema u diversi lokalitajiet oħra, fejn ir-rgħiba tħalliet issaltan. Din hi kampanja favur is-sens komun, għax is-sens komun ambjentali hu aħdar. Huwa d-difiża tal-ġid komuni. Il- ħarsien tar-raba' minn żvilupp mhux neċessarju hu essenzjali għax ma nistgħux nibqgħu nitilfu iktar art fi ġlieda mar- rgħiba. Hu mod kif inqiegħdu fil-prattika dak li nipprietkaw dwar l-iżvilupp sostenibbli. Meta jkollok daqshekk politiċi jipprietkaw kemm jemmnu fil-prinċipji tal- iżvilupp sostenibbli diffiċli li wieħed jifhem kif Alternattiva Demokratika hi prattikament waħedha fuq il-front politiku li jopponi l-iżvilupp esaġerat. Il-ħarsien tal-ambjent hu ferm iktar minn eżerċizzju ta' tindif. Huwa dejjem tajjeb li jinġabar l-iskart mormi mal-kosta jew fil-kampanja. Li topponi l-iżvilupp esaġerat huwa tindif preventiv tal-periferiji urbani tagħna. Ir-residenti jeħtieġu l-appoġġ. Imma anke huma jeħtieġ li jifhmu li jekk ser jivvutaw bħas-soltu l-affarijiet mhux ser jinbidlu. Carmel Cacopardo huwa Chairman tal-Alternattiva Demokratika I l-gżejjer Maltin għandhom ħafna biex jiftaħru, b'patrimonju kulturali li ilu jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra għal ħafna żmien. Il-pożizzjoni tagħna fil- Mediterran tatna storja twila mimlija rikkezzi imprezzabbli – rikkezzi kemm tanġibbli kif ukoll oħrajn inqas tanġibbli. Rikkezzi li minn banda rridu nipproteġu, u minn oħra nagħtuhom ħajja u nifs ġdid. L-awtoritajiet u l-policy makers tagħna f 'hekk għandu jkun moħħhom – għalkemm sfortunatament, episodji riċenti li rajna juruna li l-awtoritajiet qajla jinteressahom mill-ħarsien ta' dak li hu l-patrimonju kulturali tagħna. Is-Sovrintendenza tal- Patrimonju Kultura li hekk kif mwaqqfa fl-2002 għandha l-missjoni li tipproteġi l-wirt kulturali Malti u żżid l-aċċessibbilità għal dan il-wirt. Madanakollu s-Sovrintendenza jidher li qed taffaċċja sfidi kbar biex twettaq il-missjoni tagħha. B'nuqqas ta' riżorsi umani u finanzjarji, is-Sovrintendenza ma tistax twettaq xogħlha sew – fosthom isegwi proġetti ta' żvilupp f 'żoni ta' importanza storika u arkeoloġika, rwol li kull ma jmur isir iktar meħtieġ fid-dawl taż-żieda qawwija fil- kostruzzjoni. Sitwazzjoni li titlob li jkun hemm iktar uffiċjali speċjalizzati jaħdmu mas- Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali – fosthom persuni li jaraw l-applikazzjonijiet għall-permessi, li jsegwu proġetti ta' konservazzjoni jew restorazzjoni, u uffiċjali li jiġbru l-informazzjoni u jirriċerkawha. Hu importanti li l-Gvern jagħti lis-Sovrintendenza tal- Patrimonju Kulturali l-għodda finanzjarji biex tkun tista' taqdi l-irwoli tagħha. Ir-rapport annwali jitkellem ukoll fuq nuqqasijiet tas-sistema tal-IT li hi kruċjali fl-operat tal-istess sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Is-Sovrintendenza tal- Patrimonju Kulturali minn dejjem kellha l-iskop li tagħmilha ta' gwardjan tal-wirt kulturali Malti minkejja li minn żmien għall-ieħor kien hemm deċiżjonijiet li ġew appellati mill-NGOs u r-residenti. Sfortunatament, kien hemm ħafna każijiet fejn is-Sovrintendenza lanqas biss ġiet ikkonsultata kif xieraq (bi ksur sfaċċat tal-Att dwar il-Wirt Kulturali). Din it-tip t'imġiba jista' jkollha konsegwenzi serji fuq il-wirt kulturali tagħna – speċjalment meta jkun hemm xi skopertà ta' valur storiku. Pereżempju f 'Santa Venera sar stħarriġ arkeoloġiku mingħajr ma ġiet ikkonsultata s-Sovrintendenza tal- Patrimonju Kulturali. Fil- każ tax-xogħlijiet (mhux awtorizzati) fin-Naxxar, l-opinjoni tas-sovrintendenza ma ġietx ikkunsidrata. Stħarriġ ieħor li sar b'konnessjoni mal-proġett tal-mina ta' Santa Luċija, sar mingħajr il-konsultazzjoni tas- sovrintendenza. Din l-attitudni ta' bullying minn Infrastructure Malta hija ta' min jistmerrha – għaliex hija imġieba li lanqas biss iġġib rispett lejn l-identità kulturali tagħna stess. Għalkemm ir-rapport annwali tas-Sovrintendenza tal- Patrimonju Kulturali juri li kien hemm xi titjib fl-allokazzjoni tar-riżorsi, b'mod ċar xorta għad fadal xi jsir. Iktar minn qatt qabel jeħtieġ sforz kollettiv biex nippreservaw dawk li għaddewlna missirijietna. Il- preservazzjoni tal-wirt kulturali minn dejjem kienet prijorità fl-impenn politiku tiegħi. Meta kont Ministru tal- Kultura, mexxejt 'il quddiem proġetti sħaħ ta' restawr ta' binjiet storiċi, fosthom restawr ta' ħafna kappelluni fil-Kon Katidral ta' San Ġwann. Is-sena 2018, li kienet is-sena ddedikata għall-wirt kulturali, kellha tkun sena opportuna biex nuru lill-Ewropa, u lid-dinja, is-saħħa, id-diversità, u l-valur intrinsiku tal-wirt kulturali tagħna. Sfortunatament, din l-opportunità ma ħtafnihiex. Fil-Parlament Ewropew, il- kultura baqgħet prijorità għalija u nħossni kburi li kelli sehem fil-ħolqiet tal-Aġenda l-Ġdida Ewropea għall-Kultura – sensiela ta' ħsibijiet u programm ta' ħidma li għalkemm miktub għall-Unjoni Ewropea kollha, iqis id-dimensjoni partikolari ta' Malta, din il-gżira-stat. Għandna wirt kulturali għani. Huwa d-dover tagħna li nippreservawh u nagħmluh iktar aċċessibbli għall- ġenerazzjonijiet futuri. Wasal iż-żmien li nimbottaw iktar minn qatt qabel l-interess nazzjonali. Wasal iż-żmien li l-interess nazzjonali jirbaħ fuq ir-regħba, l-ispekulazzjoni u l-impunità. Francis Zammit Dimech huwa MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew illum | Il-Ħadd 28 ta' April 2019 14 VotEWROPA 2019 Inħarsu l-wirt kulturali CARMEL CACOPARDO FRANCIS ZAMMIT DIMECH L-aħdar: sens komun ambjentali

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 April 2019