Illum previous editions

ILLUM 16 June 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1130626

Contents of this Issue

Navigation

Page 24 of 31

Sports 25 Il-Ħadd 16 ta' Ġunju 2019 | illum Samuel Bartolo jirbaħ is-sitt Kampjonat tiegħu ma' Valletta Subbuteo Club minn Cristian Antony Muscat SAMUEL Bartolo - fost l-aqwa plejers li pproduċa t-table football f 'pajjiżna f 'kull żmien u li huwa xprun ewlieni biex Valletta Subbuteo Club kisbu suċċess inkredibbli kemm f 'pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna f 'dawn l-aħħar snin. Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-table football? Kien fi żmien l-iskola meta kien għad kelli biss 12-il sena meta ħabib tiegħi kien ħajjarni mmur narahom jilagħbu, aktar u aktar meta l-post fejn kienu jiltaqgħu kien jieħu ħsiebu z-ziju tiegħi Nenu Debattista. Il-post kien is-supporters club tat-Tottenham Hostpur ġewwa l-Belt Valletta. Għalkemm jien mill- Furjana ġejt milqugħ tajjeb ħafna, kont ħadt pjaċir u bqajt immur u issa ilni 20 sena nimmilita f 'dan l-isport. X'emozzjoni ħassejt meta għal numru ta' drabi ġejt inkurunat champion tat-table football f 'Malta, fosthom riċentament? Dan kien is-sitt kampjonat mirbuħ tiegħi f 'dawn l-aħħar tmien snin. Ovvjament, l-ewwel darba tibqa' tiftakru l-aktar. Nibqa' niftakru aktar żgur għaliex f 'dik is-sena, l-2012 kienet is-sena li fiha tlift lil missieri u għamiltu kuntent ħafna meta għidtlu li kont sirt champion ta' Malta ftit qabel ma ħalliena. F'dawn l-aħħar żewġ kampjonati ma kontx megħlub jiġifieri spiċċajt dawn l-aħħar żewġ kampjonati bla telfa. Din is-sena rbaħt in-knock-out ta' Malta wkoll u b'hekk kisbt id-double, u kienet ukoll it-tieni sena konsekuttiva li rbaħt in-knock-out. Din is-sena sirt captain tat-tim tiegħi Valletta Subbuteo Club u qiegħed inħares 'il quddiem biex inkomplu nġibu l-unuri. Irbaħt il- Valletta Cup ukoll li ġiet organizzata ġewwa l-Kunsill tal-Belt Valletta minn Ray Azzopardi. Barra dawn l-esperjenzi, irrakkonta l-esperjenzi li kellek sa issa fit-table football barra minn Malta. Barra minn Malta kelli diversi esperjenzi sbieħ. Bdejt fil-kategorija ta' taħt il-15-il sena meta fl-2001 fl-ewwel tournament tiegħi barra minn xtutna rnexxieli nirbaħ il-major ta' Sucy en brie ġewwa Franza. Fl-istess sena spiċċajt it-tieni fit-Tazza tad-Dinja fl-istess kategorija li saret ġewwa l-Portugall. Meta qlibt għall-kategorija ta' taħt id-19-il sena fl-2003, kienet ġiet organizzata it-Tazza tad-Dinja ġewwa pajjiżna u bħala tim Malti rnexxielna nsiru champions tad-dinja. Individwalment kont irbaħt ukoll il-Major ta' Mons ġewwa l-Belġju fis-sena 2005 u f 'dik l-istess sena kont spiċċajt it-tieni fit-Tazza tad- Dinja li saret ġewwa Tournai fil-Belġju. Fil-kategorija Open, irbaħt diversi Grand Prix u International Opens ta' Malta, u ġewwa Wales. Bla dubju l-akbar unur li rbaħt individwalment kien dak fl- 2012 meta rbaħt il-Major ta' Bologna li fih jipparteċipaw l-aqwa plejers tat-table football u jieħdu sehem fih 'il fuq minn 100 ruħ. Ma ninsa qatt ukoll meta bħala tim nazzjonali fis-sena 2010 ġewwa l-Ġermanja sirna champions tad-dinja. Bla dubju dan kien wieħed mill-isbaħ unuri fil-karriera tiegħi s'issa! Minn mindu bdejt f 'dan l-isport dejjem lgħabt għal Valletta Subbuteo Club ħlief għall-esperjenzi li kelli barra minn Malta mat-tim Grieg ta' Atlas li magħhom domt staġun u mat-tim Taljan ta' CCT Roma li magħhom għamilt ħames staġuni. Int tifforma parti importanti mit-tim ta' Valletta. Tina iktar dettalji rigward dan il-klabb u x'inhuma l-aspettattivi tagħkom għall-istaġun li ġej. Bħala klabb irbaħna l-unuri kollha hawn Malta. 15-il darba champions ta' Malta, dawn l-aħħar tmienja konsekuttivi. Irbaħna diversi drabi l-Grand Prix internazzjonali li jsir ġewwa pajjiżna, wieħed ġewwa Franza u ieħor ġewwa Wales. L-objettivi tagħna huma li nirbħu tournament maġġuri barra minn xtutna u l-akbar unur li joffri dan l-isport fuq skala ta' timijiet li hija ċ-Champions League. X'tikkummenta fuq l-operat tal-MTFSA? Naħseb illi hemm nies li jridu jaħdmu u qed jippruvaw jgħinu biex dan l-isport jimxi 'l quddiem u jerġa' jikseb il-popolarità li kellu fil-passat. Nittamaw li jkun hemm aktar għajnuna mill-awtoritajiet biex almenu jkollna post fiss fejn niltaqgħu u nżommu l-imwejjed tal-MTFSA dejjem armati hemm. X'sagrifiċċji jinvolvi t-table football? Bħal kull sport ieħor, it-table football jirrikjedi sagrifiċċju wkoll. Biex dejjem tgħolli l-livell tiegħek u tikkompeti mal-barranin dejjem trid titħarreġ. Dan ifisser li tkun qed tnaqqas il-ħin minn mal-familja. Ovvjament għall-kuntrarju ta' ħafna pajjiżi oħra, aħna l-Maltin dejjem irridu naqbdu l-ajruplan u nivvjaġġaw biex immorru nikkompetu. Fatt ieħor huwa wkoll li ma tantx insibu sponsors, allura biex tikkompeti barra minn Malta jirrikjedi wkoll sagrifiċċju mill-aspett finanzjarju. X'tikkummenta fuq il-fatt li wħud ma jqisux it-table football bħala sport? Għalkemm it-table football mhuwiex sport fiżiku, xorta waħda għandek bżonn ċerti kapaċitajiet. Trid tuża ħafna moħħok u tipprepara ċerti tattiċi kontra kull plejer. Barra minn hekk li tifflikja plejer u tibqa' tolqot il-ballun minn kullimkien mhux faċli bħalma forsi wieħed jaħseb. Jekk ma tkunx fiżikament tajjeb, tbati wkoll peress li tournament idum sigħat twal, normalment nibdew mit-8 ta' filgħodu sas-7 ta' filgħaxija u jkun ibbażat fuq jumejn sħaħ. Nistieden lil min ma jaħsibx li għandu jitqies bħala sport li jiġi jipprova u jipprattika magħna! Kif tqis il-livell tat-table football f 'Malta meta kkumparat ma' dak li nsibu barra minn Malta fosthom fl-Italja? Il-livell tal-Maltin huwa tajjeb ħafna meta kkumparat mal-barranin. Klabbs Ewropej fosthom klabbs Taljani li huma l-aqwa f 'dan l-isport kemm-il darba xtaqu li plejers Maltin jilagħbu magħhom u bosta plejers Maltin kienu jew għadhom jilagħbu ma' dawn il-klabbs. Ovvjament, imbagħad kien hemm min ħass illi kellna ningħaqdu u nirrappreżentaw tim Malti minflok barrani bħalma qed nagħmlu l-klabb tal-Valletta Subbuteo Club u niġġieldu għall-unuri b'isem ta' klabb Malti. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-table football? Fil-futur nittama li nżomm u nkompli ngħolli l-livell tiegħi biex inkun nista' nibqa' nikkompeti barra minn xtutna. Il-ħolma tiegħi individwalment hija li nsir champion mondjali. Bħala klabb nittama li nkun nista' ngħin lil Valletta Subbuteo Club jirbaħ l-akbar unur għat-timijiet li huwa ċ-Champions League. Samuel Bartolo

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 16 June 2019