Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1133770
12 Intervista illum | Il-Ħadd 23 ta' Ġunju 2019 " Il-logħob minn dejjem kien realtà fil-pajjiż, iżda llum sar aktar aċċessibbli anke minħabba l-evolviment tat-teknoloġija. Għalhekk għandna nitkellmu u nindirizzaw bis-serjetà l-vizzju tal- logħob ukoll." Hekk stqarr mal-gazzetta ILLUM Kayne Said, l-Uffiċjal Eżekuttiv għall- Promozzjoni tal-Fondazzjoni Logħob Responsabbli, Fondazzjoni li twaqqfet lura fl-2014 bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar logħob responsabbli u tgħin lil dawk il-vittmi li jbatu mill-vizzju. Fl-intervista li għamlet mas-Sur Said, il-gazzetta ILLUM tkellmet dwar dan il- vizzju, kif jiżviluppa, għal xiex iwassal u jekk hux qed jiżdied jew inkella jonqos. "Permezz tat-teknoloġija li dejjem qiegħda tiżviluppa matul iż-żmien, il-logħob sar aktar aċċessibbli. Persuna m'hemmx għalfejn tmur tilgħab fil- ħwienet tal-logħob, fil-każinos jew inkella fis-swali tat-tombla. Persuna tista' tilgħab il-logħob tal-azzard onlajn fil-kumdità ta' darha," saħaq Said biex jenfasizza kemm hu aktar faċli l-aċċessibbiltà u l-possibililità li persuna taqa' f 'dan il-vizzju. M'hemmx għalfejn ngħidu. Ma jfissirx li kull persuna li tmur każinò, tmur tilgħab it-tombla jew inkella tilgħab logħob tal-azzard onlajn tkun qed tbati mill-vizzju tal-logħob. "Aħna mhux kontra l-logħob rikreattiv jew inkella ta' divertiment, sakemm persuna żżomm ma' dik li aħna nsejħulha l-linja tal-kontroll. Kull persuna, mit-tfal, għall-adulti u l-anzjani għandhom kull dritt li jilagħbu u għandhom kull dritt li jistrieħu u jieħdu pjaċir," saħaq Said. Persuna meta taqbeż il-linja tal- kontroll? Staqsejna lil Said xi tfisser din il- linja tal-kontroll. Hemm xi ammont partikolari kemm wieħed għandu jilgħab flus? L-ewwel u qabel kollox, jispjegalna l-uffiċjal tal-Fondazzjoni, il-linja tal- kontroll għandha tkun kemm waħda finanzjarja, iżda anke ta' ħin. "Il-linja tal-kontroll tiegħi hija differenti minn tiegħek. Il-paga tiegħi hija differenti minn tiegħek," spegalna Said. Għalhekk il-parir tiegħu huwa li persuna taqbad biċċa karta u fuqha tikteb il-paga tagħha u r-responsabbilitajiet tagħha x'inhuma. Hawnhekk il-persuna għandha tniżżel kemm tista' tħalli ammont mill-paga għad-delizzji tagħha u timxi ma' dak il-kontroll. Kulħadd huwa differenti. Min hu single, min hu f 'relazzjoni jew miżżewweġ, min għandu loan mal-bank, min għandu t-tfal. "Importanti li tagħmel il-baġit tiegħek ta' kull xahar. Mhux qed ngħidu li persuna ma għandhiex tilgħab. Jekk jiena niflaħ li mmur fi tmiem il-ġimgħa, nagħmel siegħa jew sagħtejn u nilgħab €200, hemm qed nimxi mal-linja tal- kontroll. Tlifthom jew erbaħthom jiena niflaħ noħroġhom. Ħaddieħor jista' jaffordja siegħa fil-ġimgħa u jilgħab €50. L-ammonti jvarjaw," spjega Kayne Said. Innotajna li kien qed jagħmel enfasi kbira fuq il-ħin ukoll u mhux fuq sempliċiment il-flus, b'Said jispjegalna li l-persuna bil-vizzju tal-logħob mhuwiex biss dak li jilgħab il-flus bla kontroll, iżda anke min qed jinqata' mill-ħajja soċjali tiegħu għax il-logħob biss ikun qed jagħtih pjaċir. Kif jiżviluppa l-vizzju? Staqsejna lil Said biex, mill-esperjenzi li jiltaqgħu magħhom, jispjegalna kif jiżviluppa dan il-vizzju tal-logħob. Fi kliemu, normalment, persuna li tkun waqgħet fil-vizzju, tkun bdiet timxi mal- linja tal-kontroll, iżda f 'dak il-mument ta' eċċitament, tibda tiżgarra ftit ftit. "Li tiżgarra darba b'ammonti żgħar ma jkun ġara xejn ħażin. Iżda meta tiżgarra t-tieni darba u t-tielet darba u l-ammonti jibdew telgħin, persuna tibda tiġi daharha mal-ħajt kemm finanzjarjament u anke soċjalment," spjega Said. "Ikun hemm min jilgħab l-ewwel darba u jiżgarra mill-ewwel iżda normalment il-proċess jibda b'mod gradwali." Mistoqsi jekk dan ifissirx li kull min se jmiss ma' kaxxa tal-logħob jew jixref f 'każinò eventwalment se jaqa' fil- vizzju, Said saħaq li wieħed ma jista' qatt jiġġeneralizza. "Hemm dak il-1% jew 2% tal-persuni li jħallsu biex jilagħbu li jirrapportaw vizzju tal-logħob," kompla jispjega. Jispiċċaw jissograw anke d-dar u l-karozza… Dħalna aktar fid-dettall ta' dak li jissejjaħ il-logħob tal-azzard, jiġifieri dak il-logħob fejn persuna tilgħab u tissogra l-flus tagħha. Said kompla jispjega mal-ILLUM li jkun hemm min apparti l-flus, tant jiġi dahru mal-ħajt li jispiċċa jissogra affarijiet oħra li f 'ħajtu huma importanti. "Ir-riskju jvarja. Ikun hemm min jaqbeż il-baġit tiegħu b'mod perikoluż, anke jasal biex jitfa' d-dar u l-karozza tiegħu fuq il-mejda tal-logħob," qalilna Said. "Il-vittmi jispiċċaw jaqgħu f 'nasba ta' gideb għax problema ġġib lill-oħra." L-uffiċjal qalilna kif ta' spiss jisimgħu b'każijiet ta' persuni li jispiċċaw midjuna u jduru fuq il-ġenituri tagħhom meta jkun tard wisq. "Ġenituri joffru għajnuna sa fejn jistgħu. Nisimgħu mbagħad stejjer ta' persuni fejn il-flus li jingħataw mill- ġenituri jispiċċaw ukoll jonfquhom fil-logħob. Huwa ċirku vizzjuż." Is-Sur Kayne Said semma każ ta' persuna partikolari li spiċċat tkeċċiet minn darha mill-ġenituri tagħha stess minħabba l-gideb, dejn esaġerat u l-vizzju u marret l-Isptar f 'lejla partikolari biex toqgħod bilqiegħda u tqatta' l-lejl hemmhekk peress li spiċċat bla saqaf fuq rasha. Kemm hawn persuni bil-vizzju tal- logħob f 'Malta? Hija l-istatistika li qed juru kif il-qasam tal-gaming qiegħed jimbotta 'l quddiem l-ekonomija Maltija b'mod tajjeb ħafna. Said fakkarna kif skont il-magażin iGaming Capital, fl-2017, dan is-settur fisser €1.1 biljun aktar għall-ekonomija u ħolqien ta' 10,000 impjieg ġdid. "Jiena nikkwota lis-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Silvio Schembri, fejn dejjem isostni li wara kull numru hemm storja li s-soċjetà huwa d-dmir tagħha li tismagħha u toffri l-għajnuna. Hemm fejn nidħlu aħna bħala Fondazzjoni," insista Said. Fil-fatt, il-Fondazzjoni taħdem biex toħloq kuxjenza u għarfien dwar kif persuna tista' tilgħab b'responsabbilità u mhux biex il-logħob jinqata'. Mistoqsi jekk in-numru ta' persuni bil-vizzju tal-logħob f 'Malta huwiex allarmanti, Said wieġeb fin-negattiv anke għax jidher li r-rata ta' persuni bil- vizzju tal-logħob hija madwar il-medja Ewropea. Semma kif skont studji ta' Dr Gordin Cordina, ikkummissjonat mill-Awtorità Maltija għal-Logħob, jirriżulta li fl- 2017, il-poplu Malti nefaq €128 miljun f 'logħob. 53% tal-Maltin nefqu l-flus biex jilagħbu. "Minn dawk li nefqu l-flus għal- logħob, għandek madwar 1% jew 2% li rrapportaw vizzju. Jiġifieri bejn 1,900 u 3,800 persuna," saħaq Said. "Il-problema ma tistax tintefa' taħt it-tapit'' Anke jekk mhux allarmanti, Said saħaq li l-problema ma tistax tintefa' taħt it-tapit. "Dan huwa vizzju. Ma nistgħux nibqgħu niffokaw biss fuq il-vizzju tad-droga, tal-alkoħol jew tat-tipjip, iżda għandna nieħdu bis-serjetà dan il-vizzju wkoll." 'Bla saqaf fuq rasha minħabba Ma nistgħux nibqgħu niffokaw biss fuq il- vizzju tad-droga, tal-alkoħol jew tat-tipjip, iżda għandna nieħdu bis-serjetà dan il-vizzju wkoll Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Uffiċjal Eżekuttiv għall- Promozzjoni tal-Fondazzjoni għal Logħob Responsabbli Kayne Said dwar il-vizzju tal-logħob tal-azzard. Kemm hawn Maltin vittmi ta' dan il-vizzju? Imma l-logħob kollu ħażin? Persuna kif tinduna li l-logħob ikun qed jirkibha? X'tista' tagħmel? " ycioffi@mediatoday.com.mt Yendrick Cioffi