Illum previous editions

ILLUM 21 July 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1146451

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

K armenu Vassallo, poeta li kien jgħożż lil raħal twelidu daqskemm kien jgħożż l-Ilsien Malti. Vassallo twieled is-Siġġiewi fit-18 ta' Marzu 1913. Meta kien żgħir kien imur l-iskola Primarja tal-Gvern f 'raħal twelidu. Aktar tard, studja fil-Kulleġġ San Alwiġi ġewwa Birkirkara bejn is-snin 1928 u 1932, u mbagħad fil-Kunvent ta' San Mark immexxi mill-Patrijiet Agostinjani ġewwa r-Rabat Malta. Hemmhekk tgħallem il- Latin, il-letteratura Taljana, il-filosofija u t-teoloġija. Bejn l-1928 u l-1935 insibuh membru tas-Soċjetà Missjunarja ta' San Pawl magħrufa bħala MSSP. Wara li ħass li din mhux is-sejħa tiegħu, huwa ħalla din is-Soċjetà u beda jaħdem bħala ġurnalist ma' Leħen is-Sewwa bejn l-1935 u l-1937. Hawnhekk kien jirrevedi l-ortografija kif ukoll kien kittieb regolari ta' din il- gazzetta. Bejn is-snin 1939 u 1941, ingħaqad mal-Berqa fejn kien editur tal-paġna letterarja. Kien ukoll għalliem tal-Malti, Taljan, l-Istorja ta' Malta u l-Ġeografija fil-Kulleġġ San Alwiġi. Fis-sena 1939, huwa żżewweġ lil Marija, u kellhom sebat itfal. Rożanna, Herman-Baruch, Oliver Paul, Toninu, Nicholas, Jane u Joe Silverius. Fl-1941 ingħaqad mal-King's Own Malta Regiment sas- sena 1944. Wara l-Gwerra sar skrivan mal-Gvern fir-reviżjoni tal-liġijiet ta' Malta, fejn inħatar fil-Kunsill tal-Gvern bejn Novembru tas-sena 1945 sa Settembru tas-sena 1946. Għallem il-Malti fil-Liċeo mis-sena 1947 sas-sena 1956. Vassallo kien 'scriptwriter' mad-Dipartiment tal- Informazzjoni bejn l-1956 u l-1961. Huwa kien ukoll 'School Broadcasting Officer' mal- grupp għax-xandir fl-iskejjel bejn l-1961 u l-1968. Wara marda twila, li ħallietu fis-sodda, Karmenu Vassallo għadda għall-ħajja ta' dejjem nhar is-7 ta' April 1987. Nhar it-28 ta' Jannar 2007 il-President tar-Repubblika Eddie Fenech Adami kixef monument tal-bronż f 'ġieħu fis-Siġġiewi. Ħatriet oħra li kellu Insibu lil Vassallo bħala membru tal-Akkademja tal- Malti, u membru tal-Kunsill governattiv fis-sena 1944. Kien segretarju tas-Soċjetà tal-Awturi Maltin bejn l-1950 u l-1957. Fost il-ħatriet li kellu minħabba s-sens qawwi tiegħu lejn id-dmirijiet ċiviċi u l-imħabba u d-dedikazzjoni ħerqana lejn is-Siġġiewi raħal twelidu, insibuh ukoll membru u fundatur tal-klabb tal-futbol tas-Siġġiewi fl-1945, fejn kien maħtur ukoll bħala president tal-klabb mill-1945 sa l-1953 u segretarju u president tal- banda San Nikola fl-istess raħal. Vassallo kien membru fuq il-bord drammatiku tar- Rediffusion bejn is-snin 1960 u l-1961, il-bord industrijali, il-bord tal-pubblikazzjonijiet kif ukoll kien fuq il-bord taċ-ċensura tal-films u produzzjonijiet tal-palk. Xogħlijiet tiegħu Karmenu Vassallo kien poeta rinomat u rebaħ bosta premjijiet għall-poeżiji tiegħu. Fost il-poeżiji tiegħu nsibu Nirien (1938) u Kwiekeb ta' Qalbi (1944). Tajjeb li wieħed jgħid li fl-1944, fl-aqwa tat- Tieni Gwerra Dinjija, Vassallo kiteb l-unika poeżija tiegħu bl-Ingliż li hu sejjaħ Victory. Dak iż-żmien huwa pprova jħeġġeġ lil J. Abela Scolaro biex il-kitba tiegħu jagħmilha mmużikata, iżda dan it- tentattiv ma rnexxiex. Fost poeżiji oħra li kiteb snin wara, insibu: Ħamiem u Sriep (1959), Twemmin (1970) u Bejn Qċaċet u Qigħan (1974). Bħala Proża nsibu li kiteb Alla taż-Żgħażagħ (1939), is- Salib Imqaddes fl-Arti (1957), Mill-Art sas-Sema (1960) u Għażiż Karmenu (1982). Vassallo kiteb ukoll kritika dwar l-Ilsien Malti fejn kiteb il-Metrika Maltija (1940), u l-Poeżija bil-Malti (1968). Huwa għamel ukoll diversi traduzzjonijiet fosthom Il-Ġrajja ta' Żewġt Ibliet (A Tale of Two Cities) ta' Charles Dickens (1950), Bufera ta' G. Curmi (1956), Sant'Injazju minn Loyola ta' A. Austin (1946), u l-ewwel tliet kotba tal-Istqarrijiet ta' Santu Wistin bejn is-sena 1956 u l-1963. Wieħed jista' jsemmi li t-traduzzjoni għall-Malti ta' Vassallo tal-istorja ta' Charles Dickens, kienet waħda tajba ħafna. Huwa interessanti li fid-daħla tal-ktieb, l-awtur innota kif beda x-xogħol tiegħu fl-ewwel jum tar-Randan, fil-11 ta' Frar, 1948, u li fi żmien xahar, huwa lesta l-ewwel sitt kapitli tal- ewwel ktieb. Huwa beda t-tieni ktieb, li kien jikkonsisti f '24 kapitlu, fid-19 ta' Marzu 1948, u spiċċah sena wara. L-aħħar 15- il kapitlu tat-tielet ktieb huwa bdiehom fit-3 ta' Settembru, 1949, u li tlestew u ġew ippubblikati fil-ħarifa tas-sena ta' wara. Nistgħu ngħidu li l-ktieb kien moqri fuq ir- rediffusion u bosta ħadu gost minħabba t-traduzzjoni tajba tiegħu. Vassallo ppubblika kotba bil-Malti, bit-Taljan u bl-Ingliż u saru traduzzjonijiet għall-Franċiż minn Laurent Ropa u għat-Taljan minn Vincenzo Maria Pellegrini. Fis-sena 1972 Karmenu Vassallo rebaħ il-medalja tad-deheb ta' Ġużè Muscat Azzopardi flimkien ma' Dott. Anton Buttigieg għas-sehem tiegħu fil-letteratura Maltija. Fil-poeżija tiegħu naraw l-uġigħ uman u spiritwali li qanqlu diskussjoni fl-oqsma filosofiċi. Vassallo dejjem ra l-Alla fl- esperjenza umana. Huwa kellu moħħ attiv ħafna. Il-kitbiet u l-versi tiegħu qatt ma kienu joskuraw fil-messaġġ tagħhom imma kienu trasparenti u immedjati fil-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħu, bħalma kienu wkoll il-konverżazzjonijiet tiegħu tul ħajtu. Huwa ma kellu l-ebda ħażen imma abbundanza ta' tjubija u qatt ma waħħal f 'Alla minħabba l-mard u d-dgħufija tal-bniedem. illum | Il-Ħadd 21 ta' Lulju 2019 16 Kultura Karmenu Vassallo: poeta u ġurnalist li ħabb il- Malti u raħal twelidu minn Patri Hermann Duncan O.Carm Il-Poeta Karmenu Vassallo Is-Siġġiewi, ir-raħal li tant ħabb Vassallo

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 July 2019