Illum previous editions

ILLUM 28 July 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1148953

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 31

19 Il-Ħadd 28 ta' Lulju 2019 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Editur: Albert Gauci Cunningham Ir-riżultat tal-bieraħ fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ma jneħħi xejn mill-fatt li dalgħodu l-PN qam iktar mifrud u b'inqas ċans li jirbaħ il-gvern, propju għax għandu inqas appoġġ. Għaliex? Għax jekk Delia lbieraħ tilef se jkollok sezzjoni kbira ta' votanti li se jżarmaw mill-partit u jekk rebaħ Delia se jkollok minoranza żgħira imma sostanzjali ta' Nazzjonalisti li se jħossuhom minsija mill-partit u li se jaraw din bħala l-aħħar daqqa fit-tama tagħhom fil-PN. Ħarsa ħafifa lejn il-kummenti fuq il-midja soċjali jikkonfermaw kemm hi fonda ix-xiżma f 'dan il-partit, fonda tant li s-sitwazzjoni hija kważi rrimedjabbli. Dik tal-bieraħ hija sitwazzjoni lose-lose, li minnha l-PN ma jista' jiggwadanja xejn jekk il-lezzjonijiet ma jitteħdux u ma jitteħidx kont tas- sitwazzjoni. Ilbieraħ, fil-verità, ma kien hemm l-ebda rebbieħ, imma biss għażla li trid tiġi aċċettata u użata biex is- sitwazzjoni mwiegħra li fiha jinsab il-Partit Nazzjonalista tibda tiġi msewwija. Dan l-editorjal dejjem saħaq illi l-għaqda u r-responsabilità ta' din l-għaqda taqa' fuq riġlejn Delia, għax hu l-Kap. Hekk kienet ilbieraħ u hekk għadha llum. L-ambjent fil-Partit Nazzjonalista huwa wieħed mifni b'nuqqas ta' fiduċja, żlealtà u paranoja, lkoll ingredjenti li qed joħolqu l-problemi kollha li qed jiffaċċja l-PN illum. U hija responsabilità ta' Delia li jindirizza dan. Nistgħu nagħmlu elf elezzjoni tat- tmexxija għax jekk il-PN mhux se jibda jindirizza din il-firda, mhux se jfieq. Ikun qed jitmejjel bih innifsu min fil-partit jaħseb li qatt jista' jerġa jkun fil-Gvern il-PN mingħajr sezzjoni kruċjali ta'votanti li f 'Ġunju baqgħu d-dar jew inkella li ħarġu jivvutaw biss lil żewġ kandidati (issa MEPs) li mhux xi sigriet li ma jarawx għajn m'għajn ma' Delia. Jekk il-PN qed jaħseb li jista' jirbaħ mingħajr dawk li hemm min isejjaħ 'holier than thou', sejjer żball. Dawn huma nies, ħafna minnhom tal-klassi medja-għolja, li iffjorixxew l-aktar fi żmien gvernijiet Nazzjonalisti li fetħu l-bibien ta' ekonomija protezzjonista u tal-kapitaliżmu fid-90ijiet, li m'għandhom bżonn xejn mill- politiku, li jobgħodu l-adulazzjoni lejn politiku (jekk mhux għal Eddie!), li għandhom sens ta' superjorità, ġejja mill-istorja u ġeografija (fejn twieldu/ jgħixu) u li għandhom aspettativi ogħla mill-politiċi, ħafna drabi għax komdi biżżejjed li m'għandhomx għalfejn jinkwetaw fuq kwistjonijiet aktar bażiċi (pagi, kirjiet, għoli tal- ħajja, housing, servizzi soċjali...). Ħafna minnhom huma anti-dak kollu Laburist u wħud minnhom jaraw lill- Labour, inġustament u bi preġudizzju, bħala partit tal-baxxi u inqas edukati. Din hija waħda mill-ġenerazzjonijiet li nbnew taħt 25 sena ta' Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Ġenerazzjoni li trabbiet f 'ċerta żmien, pro-Unjoni Ewropea, anti-Mintoff/Karmenu, li tikkomunika aktar bl-Ingliż, finanzjarjament stabbli/komda u b'ċerta antipatija (ħafna drabi mhux ġustifikata u klassista) lejn dak kollu Laburist. Tħobbhom jew tobgħodhom, trid jew ma tridx dawn jiffurmaw sezzjoni ta' votanti "tradizzjonalment" Nazzjonalisti li għalihom Delia ma jappellax. Jekk dalgħodu Delia għadu l-Kap tal-PN, u kollox jidher li hekk se jiġri, irid ineżża lill-PN mill-antipatija li qed tikber fi ħdanu lejn dan is-settur ta' votanti. Eddie Fenech Adami, bħal Joseph Muscat illum, għamel suċċessi kbar għax taħt l-umbrella tiegħu tefa' lill- ħaddiem tal-id mal-avukat, lill-artist mal-illitterat, lill-fqir mas-sinjur, lill-ħaddiem mal-intraprenditur, lil min iħossu privileġġjat (jew min huwa privileġġjat) ma' min huwa emarġinat. L-ebda partit ma rebaħ meta warrab parti minn nies fi ħdanu, ġusifikat kemm seta' kien ġustifikat li jagħmel dan. Alfred Sant ġustifikat kien meta ħass li kien insteraqlu l-Gvern fl-1998, imma għax għajjar lil Mintoff traditur u warrbu, tilef. Kbir kemm seta' kien kbir il- persentaġġ ta' appoġġ lejn Delia lbieraħ, l-PN jinsab f 'nassa li qed tgħarqu u tniżlu. Delia jeħtieġ jaqbad il-barri minn qrunu u jiġġustifika l-eżistenza tiegħu bħala Kap, billi juża ż-żmien li ġej bħala wieħed illi fih jibni l-pontijiet ma' kulħadd, anka ma' min ma jridux. Naturalment minn naħa l-oħra jeħtieġ ikun hemm ir-rieda wkoll. Ma jistax ikun li erba' minn nies, li jekk ma tridx għamlu d-demokrazija bħala l-għajta prinċipali tagħhom, jibqgħu jġibu l-iskużi biex ma jaċċettawx ir- rieda tal-organi tal-partit. Anke jekk ma jaqblux mal- konklużjoni tal-Kunsilliera, jekk ilbieraħ 75%-80% u aktar qalu 'iva' mela imbagħad kulħadd irid jirrispetta dak il-vot demokratiku. Ma jistax ikun li nibqgħu nġebbdu u nbiddlu, basta tgħaddi tagħna. Dik la hi demokrazija, la hi rispett u wisq inqas hija s-servizz lejn in-nies, li Eddie Fenech Adami tant kien jgħid li hija l-politika. Ilbieraħ il-ġurnal The Times, fl- Editorjal tiegħu staqsa: 'Will it be the end of the PN crisis?' U t-tweġiba hija, bl-aktar mod ċert, le! it-triq għadha twila biex f 'dan il-pajjiż nerġgħu ngħidu li għandna oppożizzjoni li qed tiffunzjona u allura demokrazija li qed tiffunzjona. Il-vot tal-bieraħ huwa messaġġ mhux rebħa!

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 July 2019