Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1151504
19 Il-Ħadd 4 ta' Awwissu 2019 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Editur: Albert Gauci Cunningham L -ambjent qed isir, dejjem aktar, suġġett li qed iqajjem ħafna emozzjoni, diskussjoni u kontroversja li minnha nnisha hija pożittiva għax turi illi l-ambjent qiegħed dejjem isir aktar importanti l-lista ta' prijoritajiet għal pajjiżna. Imma rridu mmorru lil hinn mill- protesti u messaġġi fuq Facebook, anke jekk li toħloq pressjoni hija xi ħaġa pożittiva u leġittima f 'demokrazija. Irridu nkunu aħna wkoll li nbiddlu d-dinja u mhux nistennew lid-dinja tinbidel waħedha. Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nagħmlu jew ma nagħmlux biex nieħdu ħsieb l-ambjent. L-ewwel nett, huwa importanti li nibżgħu għall-ambjent madwarna billi ma nħammġux u ma narmux barra, xi ħaġa li għandha tkun diċenza bażika. It-tieni nett, inutli noqogħdu ngergru fuq it-traffiku u kemm qed iħammġu l-arja l-karozzi jekk imbagħad nużaw il-karozza u speċjalment jekk nużaw il-karozza għal distanzi qosra. Ngħiduha kif inhi, minkejja li għad hemm nuqqasijiet fis- sistema u għad hemm fejn tal-linja ma tkunx puntwali, it-trasport pubbliku pprogressa bil-kbir. lllum tkun taf xħin ġejja tal-linja u iktar iva milli le tkun puntwali, taf li se titla' fuq tal-linja u se ssib l-arja kkundizzjonata u ħafna drabi (għalkemm mhux dejjem) issib xufiera li jgħinuk fejn hemm bżonn u li jġibu ruħhom ta' nies. Il-lussu tat-trasport pubbliku huwa li tista' tpoġġi bilqiegħda bla stress u inkwiet, taqra ktieb jew tagħmel xi xogħol sakemm tasal fid- destinazzjoni tiegħek. U jekk id-distanzi huma qosra ħafna (biex tmur sas-supermarket jew it-tabib) għalfejn taqbad karozza meta tista' timxi; tajjeb għas-saħħa fiżika u mentali kif ukoll għall-figura. Hemm affarijiet oħrajn li nistgħu nagħmlu. Nirriċiklaw, ma narmux skart goff barra meta hemm servizz ta' ġbir b'xejn, ma nużawx plastik fejn possibbli, ma naħlux riżorsi u r-riżorsa li se nieħdu min-natura neħduha b'mod sostenibbli. Nistgħu nħawlu siġar jekk għandna ġnien jew pjanti jekk gallarija, nistgħu nitgħallmu napprezzaw dejjem aktar is-siġar billi nqattgħu l-ħin tagħna fosthom/ taħthom. Nistgħu wkoll nagħżlu dak kollu li huwa Malti; frott, ħaxix u laħam ta' Malta, sabiex nagħtu daqqa ta' id lill-bdiewa u r-raħħala u minflok inkomplu nitilfu, nibdew inżommu u nżidu l-art agrikola. Irridu naraw iktar x'nistgħu nagħmlu aħna u kif nistgħu nbiddluhom aħna l-affarijiet, mhux nistennew lil ħaddieħor. Minkejja dan, inkunu qed inqarrqu jekk nieqfu hemm. Huwa vera li kulħadd għandu r-responsabilità li jibża' għall-wirt naturali, imma huwa veru wkoll li l-eżempju tal-Gvern ikaxkar u allura dak li jagħmel gvern ikollu effett qawwi. Sfortunatament bħalissa ħafna qed iħossu li Malta saret qisha sit ta' kostruzzjoni; kullimkien krejns u bini u skużi biex inkomplu nibnu kullimkien. Waqt li gżejjer madwarna, bħal Sardinja u Sqallija, iżommu l-karattru tagħhom, anzi jgħolluh bħala preġju, aħna qed neqirduh biċċa biċċa biex minfloku ntellgħu kaxxi, fuq kaxxi, fuq kaxxi ta' appartamenti. Dak wirt lil uliedna u wlied uliedna! Imkien m'għadu sagru u kullimkien qed isir opportunità ta' flus. U parti mit-tort tmur għall- Gvernijiet Nazzjonalisti ta' qabel u l-Gvern Laburista tal-lum, bl-agħar deċiżjoni tkun dik tal-eks Ministru George Pullicino li żied iż-żoni ta' żvilupp. Illum Il-PL u l-PN iktar ħsiebhom fil-flus u l-ġid li jistgħu jakkumulaw mingħand sinjuruni bħal kuntratturi. U ċ-ċirku jibqa' jdur u jdur u fil-proċess tinqered iktar art, jibnew aktar blokok ta' appartamenti u jitkisser aktar mill- patrimonju Malti. Irridu nkunu aħna li filwaqt li ngħixu dak li nippriedkaw, nagħmlu pressjoni kbira fuq il- politiċi u nuruhom li jekk jinjoraw l-ambjent, aħna ninjorawhom meta jiġu għall-vot. L-ambjent: huwa xogħolna wkoll li nieħdu ħsiebu