Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1151504
29 Il-Ħadd 4 ta' Awwissu 2019 | illum Sports NIALL Saliba - plejer ta' Sliema ASC li iżda matul dan l-istaġu jinsab misluf ma' Ta' Xbiex. Huwa talent żagħżugħ li għandu futur mill-isbaħ quddiemu fil-waterpolo. Niall tana iktar dettalji f 'dan l-artiklu: "Bdejt immur fil-pitch ta' Sliema flimkien mal-familja tiegħi sa minn meta kont għadni tifel żgħir u kien hemmhekk li ġejt introdott għal-logħba tal-waterpolo sa minn età żgħira. Barra minn hekk kont immur mal-ġenituri tiegħi kull meta kienu jilagħbu s-Sliema speċjalment meta dan it-tim kien qed jikkompeti għall-unuri maġġuri sena wara l-oħra. Jien kont inkun parti minn dak il-briju u l-istorbju li kienu jafu jagħmlu l-partitarji Slimiżi fil- pixxina nazzjonali. Bdejt nilgħab il-waterpolo meta kelli tmien snin u dak iż-żmien kont qed nipprattika sport ieħor differenti, l-aktar basketball u futbol. Minkejja kollox, xorta kont qed inħoss li l-waterpolo kien dak l-isport favorit tiegħi u eventwalment waqqaft kull dixxiplina oħra sabiex niffoka fuqu biss. Ninsab fit-tieni sena tiegħi ma' Ta' Xbiex. Il-fatt li kelli l-opportunità li nilgħab magħhom fit-tieni diviżjoni qed tgħinni sabiex inkompli niżviluppa l-ħiliet tiegħi f 'dan l-isport. Peress li l-ambizzjoni tiegħi hi dik li xi darba nifforma parti mit-tim tal-kbar ta' Sliema ASC, l-esperjenza f 'Ta' Xbiex tatni opportunitajiet kbar mhux biss li nilgħab aktar minuti iżda wkoll li nkun parti minn tim tal-waterpolo tal-kbar. Hemm differenza kbira bejn dak il-livell u l-kompetizzjonijiet taż- żgħażagħ. Onestament ngħidlek li meta qed nilgħab kontra plejers stabbiliti qed jgħinni nadatta aħjar għal-lat fiżiku tal-logħba. Għalhekk m'hemmx dubju li l-esperjenza tiegħi ma' Ta' Xbiex għandha tkompli tgħinni sabiex inwettaq il-ħolm li għandi. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-kumitat, plejers u diriġenti ta' Ta' Xbiex li qed ituni dawn l-opportunitajiet kollha. Il-fatt li tkun atleta jfisser dedikazzjoni, xogħol u ħafna sagrifiċċju u l-logħba tal-waterpolo m'hemm xejn differenti. It-taħriġ isir darba jew darbtejn kuljum għalkemm minħabba nuqqas ta' riżorsi, il-ħinijiet jafu jvarjaw xi ftit. Dan ma tantx hu fattur tajjeb għall-plejer tal-waterpolo għax ma tantx jista' jippjana sew il-ġimgħa tiegħu. Minkejja li nagħmlu taħriġ kważi s-sena kollha, il-kompetizzjonijiet ewlenin isiru waqt ix-xhur sħan tas-sajf u hawn ikollok bżonn konċentrazzjoni kbira fi żmien relattivament qasir. Dan kollu jaf ikun ta' diffikultà u jgħejjik speċjalment meta tilgħab xi logħob wara xulxin. F'dan il-mument huwa importanti li tistrieħ iżda fl-istess ħin tirkupra sew. Hawnhekk il-ħajja soċjali tal- atleta tiġi effettwata minħabba li ma tkunx tista' toħroġ ma' sħabek u fuq kollox tkun trid aktar ħin ta' mistrieħ. Meta int imbagħad trid toħloq bilanċ bejn ix-xogħol, il-waterpolo u l-istudju, il-biċċa tax-xogħol xejn ma tkun faċli. Dan kollu jista' jintlaħaq billi tkun organizzat u tqassam ħinek mill-aħjar li tista' filwaqt li tkun lest għal ħafna sagrifiċċji. Meta qed ngħid hekk mhux darba jew tnejn li tispiċċa tistudja tard billejl u twarrab xi safar jew xi ljieli barra mal-ħbieb. Mill-banda l-oħra trid issib xogħol li jkun flessibbli għall- bżonnijiet tiegħek ta' atleta minħabba l-ħinijiet tat-taħriġ u tal-logħob li dejjem ivarja. Personalment jien dejjem żammejt l-edukazzjoni personali tiegħi bħala prijorità għalkemm il-waterpolo tajtu dejjem l-importanza meħtieġa. Bħal kull regola oħra, is-sistema tal-play-offs fiha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha. Il-vantaġġ prinċipali hu dak li tiggarantixxi li l-kampjonat jiġi deċiż fl-aħħar ġurnata tal-istaġun u għalhekk ikun hemm ħafna eċitament, inċertezza fejn ser imorru l-unuri finali u fuq kollox jiġġenera dħul tajjeb bl-attendenzi li jkun hemm. Madankollu m'hemmx dubju li r-rebbieħ tal-kampjonat jaf ma jkunx it-tim li jkun ħaqqu jieħu t-tazza. Żvantaġġ ieħor li nara hu li waqt l-istaġun normali, ċerti logħbiet jafu jnaqqsu mill-importanza tagħhom għalkemm wieħed jista' jagħmel xi ħaġa biex jegħleb din il-problema. Personalment nippreferi sistema tal-play-offs minħabba l-eċitament li jkun hemm. Ovvjament bħal kull żagħżugħ Slimiż, jien naspira li nkun parti mit-tim tal-kbar u fuq kollox li nkun fit-tim li nerġgħu nġibu l-unur lejn Għar id- Dud. Sadanittant, qed niffoka prinċipalment biex niżviluppa lili nnifsi kemm maż-żgħażagħ ta' Sliema kif ukoll ma' Ta' Xbiex. Matul din ix-xitwa ddeċidejt li nieħu sena għalija sabiex niffoka fl-istudji tiegħi fil-belt Ġermaniża ta' Berlin u fl-istess ħin ningħaqad maċ-champions Ġermaniżi Spandau 04. Din il-mossa tatni l-opportunità li nesperjenza kif ikunu qed jitħarrġu l-plejers b'mod professjonali u fl-istess ħin nittrenja kuljum ma' stilel fix-xena tal-waterpolo internazzjonali bħal Nikola Dedovic. Din l-esperjenza għenitni sabiex intejjeb il-livell tal-logħob tiegħi. Is-sessjonijiet ta' taħriġ isiru darbtejn kuljum f 'faċilitajiet mill-aqwa. It-tim għandu diversi speċjalisti fi ħdanu bħal physical trainer, nutritionist u psikologu sportiv. Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex nirringrazzja lil Sliema ASC u anke lill-ġenituri tiegħi talli tawni din l-opportunità li għenitni sabiex nikber bħala plejer u anke bħala persuna. Il-messaġġ finali tiegħi liż- żgħażagħ kollha hu li jipprattikaw xi tip ta' sport għax benefiċċji biss tista' tieħu. Mhux sigriet li l-attività fiżika importanti ferm għal saħħitna f 'kull livell li jista' jkun fiżiku, mentali, soċjali u stil ta' ħajja. Il-parir tiegħi għal dawk li jixtiequ jieħdu l-isport fuq livell kompetittiv hu li dejjem jemmnu fihom infushom u ma jaqtgħux qalbhom minkejja li jkollok il- mewġ kontrik. Ftakar li iktar ma tkun qawwija l-isfida, iktar ser tkun sodisfatt." 'Ftakar li iktar ma tkun qawwija l-isda, iktar ser tkun sodisfatt' It-tim ta' Blackbacks Netball Club Niall Saliba