Illum previous editions

ILLUM 15 September 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1165938

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

L -istat attwali tal-emerġenza klimatika li qed tiżviluppa madwarna hu l-effett akkumlat ta' snin ta' emissjonijiet ta' karbonju. Kontinwament qed inżidu ma' dawn l-impatti akkumulati tant li l-proġezzjonijiet tal- Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) jindikaw illi l-miri tas- Summit ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima li sar fl- 2015 mhumiex ser jintlaħqu bil-kbir. L-emissjonijiet globali tal- karbonju tant żdiedu li flok ser nillimitaw iż-żieda fit- temperatura għal grad u nofs Celsius fuq it-temperatura tal-era pre-industrijali, resqin lejn żieda ta' madwar id-doppju ta' dan sal-aħħar tas-seklu kurrenti: ċioè żieda ta' tliet gradi Celsius. L-istati ż-żgħar li huma ġżejjer joqogħdu fihom iktar minn 65 miljun persuna. Ilu ż-żmien issa li dawn ġew meqjusa bħala l-iktar vulnerabbli minħabba l-impatti tat-tibdil fil-klima. Kull stat gżira qiegħed fuq quddiem nett biex ikun minn tal-ewwel biex ilaqqat dawn l-impatti, u dan minkejja li storikament, fil-parti l-kbira tagħhom dawn kienu fost l-anqas li kkontribwew għat-tibdil fil-klima. Prinċipalment qed nirreferi għall-istati gżejjer żgħar li hemm fil-Paċifiku li ġeneralment mhumiex 'il fuq mil-livell tal-baħar. Bħala riżultat ta' dan il-fatt dawn ser ikunu fost tal-ewwel li jlaqqtu d-daqqa tal-għoli tal-livell tal-baħar, bla dubju wieħed mill-konsegwenzi ewlenin tat-tibdil fil-klima. Meta nitkellmu dwar l-għoli fil-livell tal-baħar ma nkunux qed nitkellmu b'mod teoretiku dwar il-futur. Fl-Oċean il-Paċifiku din hi r-realtà tal-lum. Ħarsu pereżempju lejn il- gżejjer Maldives, magħrufa għall-bajjiet ramlin bojod li ma jispiċċaw qatt u li matul l-2018 żaruhom miljun u nofs turist. Il-Maldives huma fost l-iktar pajjiżi ċatti fid-dinja. 80% tal-art mhix iktar minn metru 'l fuq mil- livell tal-baħar. L-ebda parti tal- gżejjer mhi iktar minn tliet metri mil-livell tal-baħar. L-istudji li saru jindikaw li sa mis-snin ħamsin il-baħar madwar il-gżejjer Maldives għola bejn 0.8 u 1.6 ta' millimetru fis-sena. B'din ir-rata hu stmat li sa tmiem dan is-seklu 77% tal-gżejjer Maldives ikunu taħt il-livell ta' wiċċ il-baħar. Il-ġzejjer Maldives, ċentru turistiku rinomat, jistgħu jkunu 'l bogħod wisq għal uħud biex jifhmu s-sinfikat ta' dak li qed iseħħ fil- preżent. Imma hi wkoll esperjenza li mhix ser iddum ma tinfirex mal-erbat irjieħ tad-dinja. It-tibdil fil-klima jeffettwa direttament lill- komunitajiet mal-kosta kif ukoll l-infrastruttura kollha żviluppata mat-tul kollu tal-kosta. Il-gżejjer kollha, waħda wara l-oħra, ser ilaqqtuha. Malta mhix ser tkun xi eċċezzjoni. Il-gżejjer Maltin, bħall-gżejjer kollha, ser jintlaqtu sewwa minn dawn l-impatti klimatiċi. Probabbilment li din hi r-raġuni għaliex, skont Eurobarometer, il-Maltin huma l-iktar imħassba fost l-Ewropej u jqisu t-tibdil fil-klima bħala materja ta' serjetà kbira. Naħseb li wasal iż-żmien li din li tidher li hi sensittività għall-impatti tat-tibdil fil-klima nittrasformawha f 'azzjoni konkreta. Nistgħu pereżempju nistabbilixxu l-mira li nnaqqsu nofs il-karozzi privati li għandna llum fit-toroq tagħna fi żmien għaxar snin? Ovvjament ma jkollniex bżonn it-toroq kollha li qed jippjanaw li jibnu kieku kellna nippruvaw inwettqu mira bħal din. Dan jistax isir bla wisq diffikultà meta nqisu li nofs il-vjaġġi li nagħmlu bil- karozzi tagħna fil-gżejjer Maltin huma vjaġġi għal distanzi qosra (twal inqas minn ħames kilometri) u li jdumu mhux iktar minn kwarta. Li jonqos hu ftit rieda politika. Flok ma noqogħdu nistennew lil ħaddieħor, f 'pajjiżi oħra 'l bogħod, biex jieħdu azzjoni ħalli jonqsu l-impatti fuq il-klima wasal iż-żmien li naħsbu ftit dwar dak li nistgħu nagħmlu aħna stess u ngħaddu biex nagħmluh. Il-problema tal-gżejjer Maldives hi l-problema tagħna wkoll. Konna fost dawk li taw kontribut biex inħolqot il-problema u jeħtieġ ukoll il-kontribut tagħna għas- soluzzjoni tagħha. Din hi t-triq li twassal lejn ġustizzja klimatika. Carmel Cacopardo hu ċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika illum | Il-Ħadd 15 ta' Settembru 2019 16 Opinjoni Ġustizzja klimatika: is-sehem tagħna Meta nitkellmu dwar l-għoli l- livell tal-baħar ma nkunux qed nitkellmu b'mod teoretiku dwar il-futur. Fl-Oċean il-Paċi ku din hi r-realtà tal-lum Il-gżejjer Maltin, bħall- gżejjer kollha, ser jintlaqtu sewwa minn dawn l-impatti klimatiċi CARMEL CACOPARDO Mary Robbinson Foundation

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 September 2019