Illum previous editions

ILLUM 15 September 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1165938

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

N har il-Ġimgħa taħt il- patronċinju tal-President tar-Repubblika attendejt għal serata vera ħelwa imma sinifikanti li saret biswit is-Santwarju tal-Madonna tal- Ħlas f 'Ħal Qormi. Matul is- serata r-Reġjun ta' Nofsinhar nieda l-ktieb "Id-Devozzjoni u l-Kult Marjan fir-Reġjun tan- Nofsinhar", stedina li aċċettajt bil-qalb. Għaliex din hija wkoll parti minna, parti mit- tradizzjonijiet tagħna l-Maltin – it-tradizzjonijiet reliġjużi li wkoll jarrekixxu l-kultura Maltija. Fil-fatt il-Kult Marjan f 'pajjiżna jmur lura sekli sħaħ. Bħala pajjiż insibu l-ewwel evidenza tal- Kristjaneżmu li teħodna lura għar-raba' seklu u tinsab fil-katakombi li għandna fil-pajjiż, filwaqt li l-ewwel evidenza tal-Kult Marjan imur lura għat-13-il seklu. Għalhekk ktieb bħal dan huwa mitqlu deheb għaliex jitfa' ħarsa lejn kultura reliġjuża li hija verament għall-qalb tal-poplu Malti u Għawdxi, u jħalli dokumentat dak li intrinsikament huwa parti minn dawk li għaddew lilna missirijietna. Din il-pubblikazzjoni se sservi ta' opportunità biex titfa' aktar dawl u tiskopri aktar il-kultura, tradizzjonijiet u storja tar-Reġjun Nofsinhar, biex inkomplu nżidu u naqsmu l-għarfien dwaru. L-għan ewlieni ta' dan il-ktieb huwa li kemm ir-residenti, u anki dawk li jżuru dawn l-irħula jsiru jafu dwar il-kultura ta' dawn l-irħula. Il-ktieb kien possibbli grazzi għall-Aġenzija LESA, li għaddiet fondi lill- Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li bħala għan prinċipali tagħhom għandhom li jagħtu l-opportunità lir-Reġjuni u l-Kunsilli Lokali biex dawn jintużaw għal inizjattivi kulturali bħalma hija din. Il-fondi nħarġu mill- kontravenzjonijiet li daħħlet l-Aġenzija. Huwa grazzi għal inizjattivi hekk li nkunu nistgħu nagħtu lura lill-komunitajiet tagħna, b'mod li nipprovdu l-appoġġ kontinwu tagħna u biex nilħqu aktar membri tas- soċjetà tagħna, li jwasslu għal żvilupp ta' udjenzi fis-settur kulturali. Huwa wkoll mod ideali biex nippromovu l-wirt u l-kultura lokali. Matul is-snin riċenti, dan il-Gvern investa bis- sħiħ fis-settur kulturali u ttrasformah f 'wieħed sostenibbli u aċċessibbli, li wassalna għal żieda fil- professjonalizzazzjoni. Dan il-proġett huwa mod ieħor kif nagħtu lura lill-komunità. * * * Semmejt il-katakombi, u għalhekk nieħu gost b'attivitajiet li jkomplu jitfgħu dawl fuq dak li huwa wirt storiku. Mid-9 ta' dalgħodu sat-3 ta' wara nofsinhar hemm attività vera interessanti minn Heritage Malta fil-Katakombi Ta' Bistra li jinsabu l-Mosta. Qabel xejn, bħala Ministeru investejna żewġ miljuni anki b'fondi tal-Unjoni Ewropea, għar-restawr u l-konservazzjoni ta' dawn il-katakombi. Fl-2016 meta inawgurajt il-proġett – xogħol ta' Heritage Malta – kont spjegajt li dan kien proġett li jikkontribwixxi għall- appoġġ u l-iżvilupp ta' dak li huwa mhux biss wirt storiku tal-lokal imma wkoll għal pajjiżna. Proġetti li permezz tagħhom tgawdi l-komunità, għaliex tkompli tikber l-identità tal-post, f 'dan il- każ, il-Mosta. Din hija waħda mill- missjonijiet tal-Ministeru. U fil-fatt hemm skemi miftuħa biex jgħinu l-lokalitajiet kollha ta' pajjiżna jieħdu fondi ħalli jkunu restawrati dawn il- wirt li għadna mxerrdin ma' Malta u Għawdex kollu. Ma niddejjaqx ngħid li bħala l-ministru responsabbli mill-kultura għażiża tagħna, mal-ewwel jiem li ngħatajt ir-responsabbiltà, bdejna ninvestu biex nirriġeneraw, nirrestawraw u wkoll f 'diversi każi nsalvaw dak li ħallew ta' qabilna bħala wirt storiku. Xogħol li għadu għaddej sal-lum u li jibqa' għaddej fis- snin li għandna quddiemna. Dawn il-katakombi Ta' Bistra għaddew minn diversi fażijiet. Huma meqjusa bħala l-iktar katakombi Paleo-Kristjani importanti li jinsabu 'l barra mir-Rabat u wkoll l-akbar. Dawn il-katakombi kienu rreġistrati għall-ewwel darba lejn l-aħħar tas-seklu 19. Imbgħad ġew investigati fl-ewwel nofs tas-seklu 20. Imbagħad intilfu. Kienu investigati mill-kaptan Charles Zammit fl-1933 minħabba l-bini tat-triq li twassal għal Burmarrad. Il- katakombi kellhom jinqerdu imma fil-fatt irriżulta li ma nqerdux u reġgħu tfaċċaw fl- 2004 meta kien qed jerġa' jsir xogħol fit-triq. Maż-żmien inbena razzett fuq is-sit u r-raħħal għamel xi tibdiliet biex jakkomodawh fl-użu tar-razzett. Kien hemm żvilupp ukoll fl- inħawi bil-bini ta' vilel u terġa bil-kostruzzjoni ta' triq maġġuri li twassal mill-Mosta għar-Rabat u l-katakombi huwa maħsub li servew ukoll bħala xelter matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Kienet ukoll irreġistrata ħsara minħabba qtugħ ta' ġebel minn barriera fil-qrib – qed insemmu lejn l-1833 – biex jintuża għall- bini tar-Rotunda. Minkejja din l-istorja kollha marbuta mal-Katakombi Ta' Bistra, dawn illum permezz tal-konservazzjoni u restawr li għamilna jinsabu hemm għat-tgawdija ta' dawk kollha li jżuruhom. U l-Mosta żdiditilha wkoll attrazzjoni turistika. Nistieden lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku ta' pajjiżna u wkoll li jista' jkollhom rakkonti li jistgħu jgħaddu dwar dan is-sit biex – bla ħlas – iżuru l-katakombi u jaraw mill-qrib dak li għandu x'joffri pajjiżna. * * * Dak li għandu x'joffri pajjiżna għadu jitfaċċa sal- ġurnata tal-lum. U hawnhekk tidħol entità oħra importanti li taqa' taħt il-ministeru – is-Sovraintendenza tal-Wirt Kulturali, li flimkien ma' entitajiet oħra qed taħdem b'mod tajjeb ferm biex tipproteġi dak li huwa l-wirt storiku. Konxji tal-importanza li għandha din l-entità, fix- xhur li għaddew ħsibna biex insaħħuha b'diversi modi. Is-Sovraintendenza, immexxija minn Joseph Magro Conti, żidna fiha ħaddiema professjonali, qed ikun hemm taħriġ speċifiku għall-ħaddiema u wkoll dawn igawdu minn benefiċċji li nkisbu mill-iffirmar ta' ftehim kollettiv ġdid. Dan kollu huwa parti mill- istrateġija tagħna li nsaħħu s-settur tal-kultura b'kull mezz possibbli. Is-Sovraintendenza hija responsabbli, fi kliem sempliċi, minn investigazzjoni xjentifika relatata ma' assi kulturali misjuba kemm fuq l-art u wkoll fl-ibħra li jdawru l-gżira Maltija. L-għan huwa li jkunu mħarsa fdalijiet misjuba waqt kull tip ta' xogħol infrastrutturali biex flimkien ma' min ikun qed jagħmel dan ix-xogħol tinstab l-aħjar soluzzjoni kemm biex ix-xogħol jibqa' għaddej, imma importanti wkoll li dak misjub u li jkollu valur arkeoloġiku, ikun protett. Hekk kif ġara dan l-aħħar waqt ix-xogħol li għaddej bħalissa f 'Santa Luċija. Tajjeb li jingħad li rappreżentanti professjonali tas-Sovraintendenza kienu fuq il-post hekk kif beda x-xogħol, konxji li s-sit huwa arkeoloġikament sensittiv. Dan il-moniteraġġ wassal biex instabu fdalijiet ta' wirt kulturali. Huwa għalhekk, kif hija l-missjoni tas- Sovraintendenza, li waqt ix-xogħol hemm moniteraġġ kontinwu minn arkeoloġisti kkwalifikati taħt is- superviżjoni u d-direzzjoni tas-Sovraintendenza. Din hija proċedura stabbilita u ssir kull fejn ikun hemm proġetti f 'postijiet meqjusa bħala sensittivi għal skop arkeoloġiku. Għaddejjin diskussjonijiet bejn is-Sovraintendenza u Transport Malta li hija responsabbli mix-xogħol infrastrutturali li qed isir, biex ikunu maqbula miżuri xierqa li għandhom jittieħdu ħalli jkunu protetti s-sejbiet u fl-istess ħin ix-xogħol jibqa' għaddej. Diskussjonijiet li qed isibu koperazzjoni sħiħa minn Transport Malta. Is-Sovraintendenza tagħmel ħafna xogħol f 'dan il-qasam, xogħol prezzjuż, xogħol delikat, li qed jirriżulta fil- protezzjoni tal-wirt storiku Malti. * * * Nagħlaq billi mil-ġdid nifraħ lill-kollega Helena Dalli għan-nominazzjoni tagħha bħala l-Kummissarju għall-Ugwaljanza mill- President elett Ursula von der Leyen, li ppreżentat it-tim tagħha u wkoll l-istruttura tal-Kummissjoni Ewropea ġdida nhar it-Tlieta li għaddiet. Hija nominazzjoni pożittiva ferm kemm għal Helena Dalli personali, imma wkoll għal pajjiżna. Huwa fatt li l-ħidma ta' Helena fil-qasam tal- Ugwaljanza għamlet differenza enormi f 'pajjiżna. Rajna riżultat fuq riżultat f 'dan il-qasam tant li għamilna fuq quddiem nett fl-Ewropa fejn jidħlu drittijiet ċivili. U ninsab persważ li Helena se tħalli l-marka tagħha f 'dan il-qasam anki fl-Ewropa. Interessanti wkoll u l-Partit Laburista kien fuq quddiem nett f 'dan li jmexxi l-mara 'l quddiem, li Helena Dalli se tkun l-ewwel mara Maltija li f 'isem pajjiżna se jkollha post fil-Kumissjoni Ewropea – li għall-ewwel darba wkoll se tkun immexxija minn mara. Owen Bonnici huwa l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali OWEN BONNICI illum | Il-Ħadd 15 ta' Settembru 2019 18 Opinjoni Ngħożżu u nipproteġu l-kultura Maltija

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 September 2019