Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1165938
27 Sports Il-Ħadd 15 ta' Settembru 2019 | illum 'Nemmnu li jekk toħlom, xejn mhu impossibbli' JACOB u Omar El Aida - tewmin żgħażagħ ta' 18-il sena li għamlu ġieħ u unur kbir lil pajjiżna fi tlielaq internazzjonali ferm importanti u prestiġjużi. Nitkellmu dwar l-isport li intom tipprattikaw jiġifieri l-atletika. Bħalissa qed tagħmlu unur lil pajjiżna fid-diversi kompetizzjonijiet li qed tieħdu sehem. Xi tħossu meta tkunu qed tikkompetu għal art twelidkom? Hija emozzjoni li diffiċli nispjegawha. Aħna qed nirrappreżentaw lil Malta u nista' ngħidlek li nagħtu l-mija fil-mija tagħna sabiex inżommu isem pajjiżna fil-għoli. Inħossuna veru kburin meta jkollna l-bandiera Maltija f 'idejna u nkunu qed inġorruha speċjalment wara li nkunu rbaħna xi midalja jew inkunu tejjibna l-ħin tagħna. Peress li intom tewmin ġieli jitfixklukom meta tiġu biex tikkompetu? Ifhem, mhux l-ewwel darba iżda li nista' ngħidlek hu li jien u ħija naqblu ħafna. It-tnejn li aħna għandna għan wieħed; dak li ntejbu l-livell tagħna fl-atletika. Qabel xi kompetizzjonijiet nitkellmu u fl-istess ħin nikkalmaw lil xulxin. Jien narah verament vantaġġ li aħna tewmin. B'hekk kapaċi nagħtu kuraġġ lil xulxin. Imma kif bdejtu titħarrġu fl- atletika? Aħna minn dejjem konna nħobbu l-isport. Bdejna nitħarrġu l-futbol u dak iż-żmien konna nilagħbu ma' Birżebbuġa Windmills. Wara ċertu żmien indunajna li konna tajbin ukoll fil-ġiri u bejna u bejn ruħna għedna li għandna nippruvaw ukoll l-atletika. Kien il-kowċ tagħna Mark Farrugia li introduċiena għal dan l-isport u minn hemm bdejna nitħarrġu fil-gym tiegħu. Minn dak iż-żmien 'l hawn, qatt ma ħarisna lura u bqajna nikkompetu f 'dan l-isport. Liema huma d-dixxiplini tal- atletika li normalment tieħdu sehem fihom? Tista' tgħid li għandna varjetà sabiħa ta' dixxiplini li nipparteċipaw fihom. Fl-istaġun li għadda ħadna sehem fit-tiġrijiet tal-100 metru 200 metru u 400 metru. Bdejna wkoll it-tlielaq indoor tas- 60 metru u tista' tgħid li nippruvaw inġibu l-inqas ħin possibbli sabiex ikollna l-aqwa ħin possibbli. Liema kienet dik il-kompetizzjoni li tibqgħu tiftakru l-aktar? Naħseb li l-iktar kompetizzjoni li niftakru kien il-Kampjonat Dinji Indoor. Jien, Omar irnexxieli nasal sa din il-kompetizzjoni u kelli x-xorti nikkompeti kontra r-rebbieħ tas-sena preċedenti. Għalija din kienet xi ħaġa eċċezzjonali. Imbagħad niftakar li fil-kampjonat ta' taħt it-18-il sena konna kkwalifikajna t-tnejn li aħna. Ħija Jacob kien ukoll għamilha għall- Youth Olympic Games. Imbagħad morna wkoll f 'kompetizzjonijiet żgħar bħal dawk ta' Sheffield u fil-Belġju. F'isem il-Kumitat Olimpiku Malti ġibna wkoll ħafna midalji tad-deheb speċjalment fil-kompetizzjoni li saret fil-belt Spanjola ta' Gijon. Konna kkwalifikajna wkoll għas- semi-finali u wettaqna ħinijiet mill- aqwa li kompla jkabbrilna l-ħiliet tagħna fl-atletika. F'kull kompetizzjoni li ħadna sehem fiha, kien hemm memorja partikolari. Kemm għandkom żmien? Għandna 18-il sena. Kif jirnexxielkom tlaħħqu mal- istudju u mal-atletika? Mhux faċli iżda bil-perseveranza, paċenzja, dixxiplina u dedikazzjoni kapaċi nlaħħqu ma' kollox. Aħna għandna l-vantaġġ li nistudjaw l-istess suġġetti minħabba li ħadna l-Pure Maths, l-Intermediate tal-Ingliż, il- Filosofija u l-Edukazzjoni Fiżika. B'hekk għedtlek li kapaċi ngħinu lil xulxin f 'kollox u din hi xi ħaġa unika fl-opinjoni tiegħi. Xi tgħiduli fuq il-kowċ tagħkom Mark Farrugia? Mark Farrugia huwa l-persuna li ressaqna lejn id-dixxiplina tant sabiħa tal-atletika. Hu speċjalizzat f 'diversi oqsma relatati ma' dan l-isport fejn fost l-oħrajn jaħdem ukoll fuq ix-xjenza sportiva. Hu tella' ħafna atleti li bil-mod bdew ikabbru l-ħiliet tagħhom fosthom Diane Borg, Thomas Farrugia, Nicole Gatt u Josanne Attard Pulis. Niddeskrivi lil Mark bħala bniedem dedikat. Bħala atleti x'inhuma x-xewqat li tixtiequ li jseħħu? It-tnejn li aħna nixtiequ nikkwalifikaw għal-Logħob Olimpiku. Nafu li mhux faċli minħabba li hemm kompetizzjoni kbira iżda nemmnu li jekk toħlom xejn mhu impossibbli. Finalment, nixtieqkom tkompluli din is-sentenza: L-atletika huwa sport sabiħ għax.. L-atletika huwa sport sabiħ għax jiddixxiplinak u jġiegħlek tkun aktar responsabbli. Inqisu li dan l-isport jagħtik ċerta direzzjoni filwaqt li jbiegħdek minn kull vizzju possibbli. Aħna nqisu ruħna li sirna qisna rġiel kbar minn issa. Noqogħdu ħafna attenti x'nieklu u anke xi stil ta' ħajja jkollna. Kuntenti b'dak li rnexxielna niksbu s'issa u ninsabu ħerqana li nkomplu nħaddnu dawn il-valuri tant sbieħ. Fl-aħħar nett nista' ngħidlek li fl-atletika għandek wirja personali li fiha hemm ir-riżultat li tkun ġibt u li bih int tkun tista' tibni fuqu filwaqt li tkompli ttejjeb il-ħin tiegħek. minn Cristian Antony Muscat L-aħwa Jacob u Omar El Aida L-atletika huwa sport sabiħ għax jiddixxiplinak u jġiegħlek tkun aktar responsabbli