Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1170306
Aħbarijiet 6 illum | Il-Ħadd 22 ta' Settembru 2019 Mill-kontraċettivi sa panadol: Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-ispiżjara Claire Shoemake dwar il-bejgħ tal-Morning After Pill f'Malta. L-ispiżjara għandhom joqogħdu jistaqsu? Għalfejn ġieli ma jbigħuhiex? Lill-irġiel ma jistgħux jagħtuhielhom? Minn Yendrick Cioffi LISPIŻJARA Claire Schoemake, li hija wkoll membru tal-Kunsill tal-Kamra tal-Ispiżjara saħqet mal- gazzetta ILLUM li għall-kuntrarju ta' dak li qalet id-Deputata Rosianne Cutajar, l-ebda mediċina, inkluż kontraċettivi orali, ma jistgħu jitqiesu bħala "dritt bażiku," ġaladarba dawn jistgħu jikkawżaw ħsara. B'referenza għall-artiklu li ppubblikat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda, dwar l-ispiżeriji li jbiegħu l-Morning After Pill, Rosianne Cutajar saħqet li l-ispiżjara għandhom iwarrbu fil-ġenb "il-preġudizzji," li jista' jkun għad hemm fuq il-ħajja sesswali tal-mara u jibdew iħarsu lejn il-kontraċettivi bħala dritt bażiku ta' kulħadd, inkluż fil-bejgħ tal-Morning After Pill. Madanakollu, f 'kummenti mal- ILLUM, l-ispiżjara Claire Shoemake, li hija wkoll lettur tal-farmaċewtika fl-Università ta' Malta saħqet bil- kontra u nsistiet li pillola li tista' tagħmillek id-deni, "minn kontraċettiv sa paracetamol," ma tista' qatt titqies bħala dritt bażiku, fejn persuna tħoss li għandha kull jedd li titlobha u tingħatalha. "Ħadd ma għandu dritt fundamentali jew bażiku li jkollu dritt fuq mediċina," insistiet Shoemake waqt li saħqet li l-ebda spiżjar ma jista' qatt ikun sfurzat jagħti mediċina. 'Anke min jiġi quddiemna b'riċetta nistaqsuh, aħseb u ara...' Fakkret li l-ispiżjar għandu d-dmir li dejjem jistaqsi l-mistoqsijiet lill- pazjent, anke jekk dan imur quddiemu b'riċetta ta' tabib. Spjegat kif meta pazjent imur quddiem l-ispiżjara b'riċetta, dawn ikollhom ċertezza li l-mistoqsijiet neċessarji jkun diġà għamilhom it-tabib u għalhekk, il-pazjent ikun eliġibbli, iżda xorta waħda jistaqsu u joffru gwida. Fi kliemha, dan minħabba l-fatt li "l-ispiżjara huma l-aħħar bastjun protettiv bejn il-pazjent u l-mediċina." Kompliet tinsisti li fil-każ tal- Morning After Pill, dan id-dmir tal- ispiżjara huwa akbar għax din tinbiegħ mingħajr il-bżonn tar-riċetta tat-tabib. Għalhekk, kompliet tispjega l-ispiżjara, il-mistoqsijiet qabel tinbiegħ il-Morning After Pill huma ħafna aktar "rilevanti u mandatorji." 'Mhux nirrifjutaw imma nkunu qed nagħmlu ġudizzju kliniku...' Nhar il-Ħadd li għadda, wara diskussjoni li qamet dwar il-bejgħ tal- Morning After Pill, il-gazzetta ILLUM ippubblikat eżerċizzju li għamlet matul dik il-ġimgħa u li wera kif minkejja li 70% tal-ispiżeriji (minn kampjun ta' 70 spiżeriji mifruxa fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex) ibigħu l-Morning After Pill, għad hemm għadd ta' spiżeriji li ma jbigħuhiex. Apparti minn hekk, id-diskussjoni, li bdiet minn fuq il-grupp Women for Women, kienet titratta wkoll mistoqsijiet li qed jistaqsu spiżjara lin-nisa li jmorru jixtru l-Morning After Pill, b'uħud saħansitra jisħqu li ħassewhom iġġudikati b'mistoqsijiet intiżi biex iġegħluhom jistħu. L-amministratur ta' dan il-grupp ta' Facebook, Francesca Fenech Conti, saħansitra qalet li ma tarax il-bżonn li n-nisa jkunu mistoqsija, għax, fi kliemha, kull meta marret tixtri mediċini li jinbiegħu bla riċetta, ħadd qatt ma staqsieha xejn. Dwan dan kollu, tkellimna mal- ispiżjara Claire Shoemake li kompliet ma' dak li qalet qabel u nsistiet li l-ispiżjara, meta jkunu qed jitkellmu mal-pazjent, ikunu qed jagħmlu ġudizzju favur il-pazjent u s-saħħa tiegħu. Insistiet għal aktar minn darba, li meta l-ispiżjara jieħdu l-liċenzja, iwiegħdu li ma jagħmlu xejn li jista' jkun ta' dannu għas-saħħa tal-pazjent jew il-klijent li jmur għandhom. Kien għalhekk li saħqet li meta spiżjar, wara li jkun għamel mistoqsijiet, jagħżel li ma jagħtix il- Morning After Pill, ma jkunx qiegħed jirrifjuta li jagħti l-pillola, imma "jkun sempliċiment qed jagħmel ġudizzju kliniku favur il-pazjent abbażi tal- informazzjoni li jieħdu mingħand il-pazjent waqt li jitkellmu miegħu u jistaqsuh domandi pertinenti u relevanti." Imma la legali għalfejn hawn min iħalli l-ġudizzji morali jirbħu? Madanakollu, hemm spiżeriji li lanqas biss jistaqsu mistoqsijiet iżda jagħżlu minn qabel li ma jistokkjawx il-Morning After Pill. Staqsejna lil Claire Shoemake jekk dan hux ġust, bl-ispiżjara tisħaq li ma jagħmilx sens li l-Morning After Pill tkun stokkjata jekk l-ispiżjar, minħabba l-ġudizzju morali tiegħu, jagħżel li ma jbigħhiex. Mistoqsija jekk jagħmilx sens li spiżjar iħalli ġudizzji morali jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tiegħu dwar mediċina, Claire Shoemake wieġbet li dak huwa dritt fundamentali ta' kull professjoni. X'jista' jżomm l-ispiżjara milli jbigħu l-MAP? Komplejna nitkellmu mal-ispiżjara dwar x'jista' jwassal biex spiżjar jew spiżjara jagħżlu li ma jbigħux il-