Illum previous editions

ILLUM 29 September 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1172202

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

F l-aħħar jiem żgur li smajt dwar il- miljuni li ngħaqdu fi strajk globali favur azzjoni biex niġġieldu l-impatt tat-tibdil fil-klima. Huwa żvilupp pożittiv li mexxejja ta' pajjiżi differenti qed jgħidu li jridu jindirizzaw it-Tibdil fil-Klima. Kont fi New York għas-summit dwar it-Tibdil fil-Klima, niddiskuti u nipparteċipa f 'dibattiti differenti dwar x'qed jiġri u x'nistgħu nagħmlu. Imma li l-mexxejja jitkellmu biss mhux biżżejjed. Ma fadlilniex aktar ħin x'naħlu. Għandna 10 snin ċans biex nikkontrollaw il-klima u nevitaw effetti diżastrużi. Bħala Membru Parlamentari Ewropew ħdimt - u se nkompli naħdem - fuq politika li tindirizza l-ambjent kemm fiżiku u dak naturali. L-Unjoni Ewropea trid tieħu t-tmun f 'idejha fil-qasam tal-klima. Dan aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Istati Uniti, l-iżviluppi fil-Brażil u aktar. L-Istati Membri kollha kemm huma, inkluż pajjiżna jridu jagħmlu l-parti tagħhom. L-emissjonijiet fl-Ewropa jridu jonqsu b'55% sal-2030 biex ikollna ekonomija newtrali f 'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju qabel l-2050. Din se tkun trasformazzjoni kbira għas- soċjetà tagħna u għalhekk trid issir b'mod ġust u sostenibbli. Il-Maltin u l-Għawdxin huma kkonċernati biż-żieda fit-temperatura tal-klima. Stħarriġ tal-Euro Barometer juri li l-maġġoranza assoluta ta' dawk li pparteċipaw jqisu din bħala problema 'serja ħafna'. Jidher ukoll li l-għarfien qalb il-Maltin qed ikompli jiżdied meta mqabbel mas-snin ta' qabel. Bir-raġun: it-tibdil fil-klima jaffettwa ħafna oqsma oħra. Problemi bħalma huma temperaturi estremi, nuqqas ta' riżorsi ta' ilma u għarar fost oħrajn, jippreżentaw lill- gżejjer Maltin u Għawdxin bi sfidi differenti, anke fejn jidħlu l-agrikoltura, is-saħħa, it-turiżmu u l-ekonomija. Biex nindirizzaw dan irridu nibdlu u ninbidlu biex minn ekonomija tradizzjonali mmorru għal waħda aktar sostenibbli. Irridu ninċentivaw imġiba sostenibbli li twassal biex nilħqu miri stabbiliti, inkluż trasport aktar nadif fis-setturi kollha; fit-toroq, fl-avjazzjoni u fis-settur marittimu. Għandhom l-irwol importanti li l-intrapriżi żgħar u medji, anke permezz ta' servizzi u prodotti li jipprovdu u li jkunu aktar ekoloġiċi. Jien nemmen li biex nindirizzaw problemi kbar jagħmlu differenza kbira soluzzjonjiet żgħar li ġejjin mill-għeruq. Hemm min iħares lejn it- tibdil li għandu jsir bħala piż finanzjarju. Jien nemmen li din hi opportunità għal mudell ekonomiku ġdid li jinċentiva komunitajiet sostenibbli, l-innovazzjoni, industrija aktar nadifa u infrastruttura aħjar. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, f 'Malta l-aktar żewġ oqsma li jikkontribwixxu għall-emissjonijiet huma s-settur tal-enerġija u t-trasport. Iżda l-istatistika turi wkoll li, tul perjodu ta' 10 snin, l-emissjonijiet mill- industriji tal-enerġija naqsu b'aktar min-nofs. Dan grazzi għall-bidla li saret mill-heavy fuel oil għall-gass, u l-użu tal- interconnector. Irrid inkomplu nibnu fuq din il-mentalità ta' sostenibbiltà. Irridu nimbuttaw impenji ambizzjużi dwar infrastruttura li tilqa' għat-tibdil fil-klima u li ma tiġġenerax aktar ħsara, b'mod partikolari t-trasport fit-toroq tagħna, il-bini, l-ilma u s-sistemi tal-iskart. Irridu nħarsu lejn l-ekosistemi naturali, naħsbu f 'agrikoltura intelliġenti u sistemi tal-ikel sostenibbli. F'pajjiżna ta' spiss ikollna konferenzi internazzjonali li jiffukaw fuq it-teknoloġija, l-ekonomija diġitali u kif din tista' tiġi applikata f 'oqsma u setturi differenti. It-teknoloġija qiegħda hemm: qed tiġi studjata u qed tiġi żviluppata b'mod mgħaġġel. Din hija opportunità li ma nistgħux nitilfu. Għalhekk nisħaq dwar bidla fil-ħsieb: jekk qed inħarsu lejn trasport aktar nadif, irid ikollna s-sistema li tappoġġja dan; jekk it-temperaturi qegħdin jinbidlu, irridu naħsbu għal dan anke billi jkollna aktar afforestazzjoni, irridu niffrankaw fil-konsum tal-enerġija, irridu noqogħdu attenti kif nibnu u x'materjal jintuża. Waqt li kont qed naqra d-dokument maħruġ mill- Gvern dwar il-Baġit 2020 għal konsultazzjoni, ħadt gost nara li l-Gvern qiegħed jagħti kas l-ambjent. Il- Gvern Laburista qed jisħaq li l-politika fis-snin li ġejjin se tkun immirata lejn il-bilanċ bejn il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku. Dan huwa importanti. L-ambjent u l-ekonomija għandhom ikunu żewġ ħoloq tal-istess katina. Fix-xhur li ġejjin u fil-futur qrib, il-Gvern qed jimpenja ruħu li jmexxi b'mod attiv fil- kisba ta' standards ambjentali ogħla u aħjar. Dwar is-sostenibbiltà fl- immaniġġjar tal-enerġija u l-ilma, il-Gvern qed jgħid li se jkompli jappoġġja lil dawk li jinvestu f 'sistemi effiċjenti u enerġija rinnovabbli. Fl-istess ħin se titkompla l-ħidma biex l-ilma tal-vit ikun ta' kwalità. Dan id-dokument jindika li l-Gvern irid li t-tkabbir ekonomiku jkun inklussiv, fejn il-gwadann ekonomiku jitqassam b'mod ġust fost setturi differenti bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali u l-ambjent. Dan kollu, flimkien mal-iżviluppi teknoloġiċi, it-tibdil fil-klima, u l-bidliet demografiċi, jitolbu li nkomplu nsostnu riformi strutturali. L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huwa neċessarju. Għalija t-Tibdil fil-Kilma hija l-akbar sfida quddiema. Taffettwa l-ambjent, l-agrikolutra, l-ilma, is-saħħa, l-ikel, l-ekonomija, l-industrija, it-turiżmu u l-ugwaljanza. Żieda fit-temperatura tista' twassal għal bidliet fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-ispeċi tal-baħar. Il-preżenza ta' speċi tal-baħar li mhumiex indiġeni Maltin diġà ġew identifikati fl- ilmijiet lokali u ġiet attribwita l-aktar għax-xejra ġenerali fiż-żieda tat-temperatura tal-Mediterran, għal żieda fit- traffiku fil-baħar u attivitajiet tal-akkwakultura. Iż-żieda fil-livell tal-baħar jista' jkollha konsegwenzi koroh għall-kosta Maltija. Ma nistax nisħaq biżżejjed kemm huwa importanti li l-azzjoni politika fil-qasam tal-bidla fil-klima ma titqies biss bħala mezz biex tiġi indirizzata problema, iżda pjuttost, l-azzjoni dwar il- klima għandha titqies bħala opportunità biex intejbu u saħansitra nsalvaw il- qasam soċjali, ekonomiku u ambjentali u l-impjiegi tagħna bħala Maltin, Ewropej u ċittadini ta' din id-dinja. Miriam Dalli hija l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew illum | Il-Ħadd 29 ta' Settembru 2019 Opinjoni 20 10 snin ċans Il-Gvern Laburista qed jisħaq li l-politika fis-snin li ġejjin se tkun immirata lejn il-bilanċ bejn il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku MIRIAM DALLI L-Unjoni Ewropea trid tieħu t- tmun f 'idejha fil-qasam tal-klima

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 September 2019