Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1176244
I l-biċċa tal-għeluq ta' numru ta' fergħat tal-bank HSBC ma tistax ma tħassibx. L-ewwel nett nibda billi nuri solidarjetà mal- ħaddiema ssensjati (dik hi l-kelma propja) u mal-familji tagħhom. Ninkorla mbagħad meta naqra dwar r-reazzjoni moqżieża tal-Ministru li miegħu l-banek għandhom x'jaqsmu. It-tieni: il-biċċa titfa' dawl fuq l-istat u l-bixra tal- ekonomija tagħna. Hu forsi dan sintomu ta' ekonomija li mhix (jew m'għadhiex) tikber kif kienet qed tiġi pinġuta li qed tikber? U anke jekk il-biċċa tal-HSBC ma tfissirx li l-ekonomija (kif tiġi kklakulata) ma qabditx tmajna, xorti turi li l-fasla ekonomika tagħna hi waħda ħażina. Għax jekk bank li mhux għaddej minn kriżi jaqbad u jqaċċat servizzi u ħaddiema sempliċiment biex iħaxxen id-dħul, u jista' jagħmel dan mingħajr ma jiqaflu ħadd u à-skapitu tan-nies, tassew is-sitwazzjoni hi waħda tal- biża'. Hi tal-biża' għal numru ta' fatturi li jmorru lil hinn mill-għeluq ta' dawn il- fergħat. Tgħajjatx għax tqajjem l-Unions? L-ewwel nett is-sitwazzjoni turi kif spiċċaw ix-xrieki tal-ħaddiema. Fil-passat; fis- snin sebgħin u anke disgħin taħt gvernijiet differenti, meta bankijiet riedu jagħmlu miżuri li lill-ħaddiema m'għoġbuhomx sabu xrieki militanti, u solidarjetà anke ta' ħaddiema f 'setturi oħra. Illum l-HSBC għadda romblu minn fuq kulħadd. U din mhix ħaġa li ġrat hemm biss. U x-xrieki tal- ħaddiema spiċċaw xejn jew kważi. Aktar qegħdin hemm biex isiefru f 'kungressi, jimmarċjaw fil-gay pride qishom f 'xalata, jew jagħmlu inizjattivi bħal dawn, milli jaqbżu għall-faxex tas- soċjetà li għalihom jeżistu. Biss, biss kemm ilu ma jsir strajk sura? Xjuħ imbarazz Apparti l-ħaddiema, dawk li ser jintlaqtu l-agħar huma x-xjuħ u l-anzjani. Għal bosta minn dawn it-teknoloġija elettronika, inkluża dik tal-banek, hi xi ħaġa barranija u diffiċli jadattaw għalija (anke nies iżgħar spiss isibuha diffiċli jadattaw mal-bidliet u innovazzjonijiet). Li xi ħadd jaqdihom fiżikament kien għalihom sombor. Issa jridu joqogħdu fuq xi qarib (min għandu) jew xi ħadd ieħor li joħdilhom ħsieb hu. Spiċċaw aktar dipendenti. Spiċċaw mingħajr ħila (allura diżabbli) jagħmlu xi ħaġa li qabel kienu jistgħu jagħmlu. Din hi waħda mal-ħafna affarijiet li fihom is-soċjetà tagħna, lil din il-faxxa ta' nies qed tgħidlhom 'intom imbarazz u xkiel'. F'soċjetà li tiftaħar bl- inklużjoni dawn spiċċaw emarġinati. Ibda minn servizzi fejn ma jinqdewx sew għax min jagħtihom ma jafx jikkomunika magħhom sew, sa ċertu marġinalizzazzjoni f 'istituzzjonijiet fejn huma sempliċiment ipparkjati qabel imutu. Issa ħadu daqqa oħra. Tassew imissna nistħu. Privat żvijat Ħaġa oħra li l-biċċa tal-HSBC turi hi kemm il-privitizzazzjonijiet u d-dħul ta' kumpaniji kbar privati biex jagħtu servizz li qabel kien mogħti mill- istat jew regolat minnu; politika introdotti mill- Partit Nazzjonalista (li tant hu arroganti li ma jridx jammetti li hi ħażina) u li llum aċċettati u mseddqa mill-Partit Laburista; fallew. Meta l-Partit Nazzjonalista u l-Ministru ta' dak iż-żmien biegħ il-Mid Med, konna mwiegħda titjib fis-servizzi u mhux tnaqqir. U dan deher f 'bosta setturi oħra. Ħu t-trasport pubbliku; minn mindu flok bosta sidien żgħar regolati mill- Gvern, għaddejna għal żewġ kumpaniji multinazzjonali. F'bosta rotot is-servizz mar lura, b'riżultat ta' dan aktar nies qed jużaw il-karozza privata (u allura aktar traffiku). Fi żmien fejn suppost m'għadx hawn dommi u tabujiet, din ta' jekk jagħmilx sens li l-Gvern jgħaddi f 'idejn il-privat, jew inkella jekk ċerti setturi għandux jerġa' jinnazzjonalizzahom hi ħaġa li l-ebda ħassieb ħieles jew kważi ma jiddiskuti (l-aktar wara li ħalliena l-mibki Charles Miceli li kien wieħed mill-ftit li ma kien jara xejn sagru f 'dawn il-baqar.) Tikxef li l-'kontroversji' li jqumu, huma kollha maħluqa minn min għandu s-setgħa, u li dawn jaraw li d-diskussjoni pubblika ma tmissx affarjiet konkreti u li jistgħu jwasslu biex in-nies jaħsbu jekk il-fasla ekonomika li hawn tistax jew jeħtieġx tinbidel. Fid-dlam U la qed insemmu n-nuqqas ta' diskussjoni fuq baqar sagri ġodda, il-biċċa tat-tnaqqis ħabta u sabta tas-servizzi ta' wieħed mill- akbar bankijiet f 'pajjiżna turi kemm aħna Ċikku l-poplu ma nafu xejn dwar dak li verament ikun għaddej f 'pajjiżna. Kif ma jkollna ebda ħjiel dwar is-saħħa jew fejn sejrin istituzzjonijiet bħal dawn li tajjeb jew ħażin huma ewlenin fl-ekonomija tagħna? Ta' min hu tort? Hi l-media li ma jinteressahiex? Huma l-ekonomisti li jafu b'ċerti affarijiet imma ma jridux ixandruhom? Hu l-Gvern li jostor? Hi l-oppożizzjoni li mhux qed tagħmel xogħolha? X'garanzija għanda li għada mhux ser inqumu u jkollna xi sopriża ħażina oħra? Il-veru għadu Għal min għandu għajnejh f 'wiċċu, il-biċċa tal-HSBC turi li l-vera theddida għall- għixien tagħna mhix ġejja mill-barranin li jiġu hawn u jispiċċaw jikinsu t-toroq, jaħdmu b'theddid għal ħajjithom fil-bini, u jduru bina fl-isptarijiet tagħna. Dawn, li wħud minnhom huma mħallsa biċ-ċiċri, huma sfruttati daqs numru ta' Maltin fl-iskaluni t'isfel u stamti anqas mix-xejn. Hi vera vili li twaħħal f 'dawn għall-għelt tal-pajjiż. Il-vera theddida ġejja minn barranin li jigu fuq jets privati u li qed joħdulna d-deheb u l-fidda ta' pajjiżna, u minn dawn il-Maltin li huma mxierka magħhom. Lil dawk il-barranin minn dawn li serqulna dan id-deheb, jista' jkun lill-istess HSBC, għandna ngħidu go back to your country. Michael Grech huwa opinjonista illum | Il-Ħadd 13 ta' Ottubru 2019 16 Opinjoni It-traġedja tal-HSBC L-HSBC għadda romblu minn fuq kulħadd. U din mhix ħaġa li ġrat hemm biss. U x-xrieki tal-ħaddiema spiċċaw xejn jew kważi MICHAEL GRECH