Illum previous editions

ILLUM 8 December 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1190490

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

20 Rakkont Evidenza Sharon Calleja Ħ arist lura lejn il-kuritur l-abjad. Il-ħsejjes familjari. Ir-riħa li tant kont drajt. Il-passi taż-żraben tal- gwardjani jtektku ġo moħħi. Kien kollox għadu frisk ġo moħħi. Qisu lbieraħ. Qisu hawn ġew iż-żmien lanqas biss kien għadda. "Trevor! Mela trid tibqa' hawn ġew?" smajt leħen il-gwardjan ta' maġenbi, jaqtagħni minn ġewwa. Kienu għaddew ħamsa u għoxrin sena. Magħluq bejn dawn l-erba' ħitan. Kont għaddejt l-isbaħ żmien ta' ħajti hawn. Hawn ġew bħal eremit. Kienu ħammġuli unuri. Kienu ċaħħduni minn dak kollu li kont inħobb nagħmel. Minħabba lejl wieħed. Lejl li jiena lanqas biss kont naf eżatt x'kien ġara fih. Dak il-lejl misħut fejn kont ħriġt ma' ħija Jonas u l-oħrajn. U skont il-pulizija, dak il-lejl stess kien instab mejjet wieħed li jiena qajla kien jimpurtani minnu. Eżamijiet forensiċi. Dawk tossoloġiċi. Xhieda. Provi. Kollox kien ġie kontrija. Għadni niakar kollox qisu kien ilbieraħ. "Trevor, inti tinsab akkużat fuq il-qtil brutali ta' Kevin Gauci mill-Mosta..." leħen l-ispettur kien għadu frisk ġo moħħi qisu kien jiġi fiċ-ċella ħdejja u joqgħod jgħidhieli kuljum biex jinkini. Biex iweġġagħni. Imma kont naf... Kont naf li x'aktarx mhux jien kont. Ippruvajt infehmhom li jiena kont xurban. Li ma kont naf xejn x'kien ġara. Kont daħna. Żibel. Ma kontx rajt art dak il-lejl faħxi. "Għidilna fejn ħbejt l-affarijiet, Trevor," kienu komplew jinsistu l-pulizija hekk kif kont qiegħed f 'dik il-kmajra fejn kienu interrogaw lili, lil ħija u sħabi kollha. "X'affarijiet huma? Jiena lanqas biss m'għandi idea fuq dak li qegħdin tkellmuni fuqu!" kont stagħġibt b'leħen mitbuq. "U ejja Trevor. Wara li ħriġtu u wassluk id-dar, erġajt ħriġt bil-mazza u ġakketta safra. Mort għandu, ħabbattlu l-bieb u bdejt tagħtih id-daqqiet bl-addoċċ sa' xħin rajtu stendut mal-art f 'għadira demm!" kien poġġieli l-kliem il-pulizija. "Għandkom żball! Għandkom żball!" kont smajt leħni stess għadu jidwi f 'widnejja u issa donnu kien għadu jdur f 'dawk il-kurituri, madwar il-ħabs imdaqqas fejn kont qattajt żmieni, nistenna u nitherra waħdi. Imbagħad, donnu ħassejt ġismi jinħasad kollu f 'salt wieħed. Issa suppost kont ser nitlaq. Imma fil-verità kont qed nibża'. Mhux għax kont drajt hawn ġew. Xejn minn dan. Kif tista' tidra hawn ġew? Kif tista' tidra tgħix mingħajr il-libertà mċaħħad mid-dinjità unika tiegħek li tagħmlek individwu? Imma kont qed nibża' minn dak li kont ser insib quddiemi. Ħajti. X'sens kien fadlilha issa? Forsi kieku tawni ċans nagħżel jekk ridtx nibqa' hawn ġew jew noħroġx lura hemm barra kont nagħżel dik l-ewwel waħda. Li nkompli nitherra f 'kamarti. F'dik iċ- ċella fejn kont tant drajt il-ħajja. Iżda dawwart ħarsti 'l quddiem, għafast idejja ponnijiet u bil-basket żgħir li kelli mdendel ma' kusi, għamilt pass ieħor lejn il-bieb, ninduna li l-ħarsa tal-gwardjan biswiti, kienet qiegħda fuqi. Blajt ir-rieq li kien tela' fi griżmejja u b'kuraġġ ta' sur għamilt pass ieħor. Kont qed nara l-bieb minn fejn kienu joħorġu barra. Min jaf kemm kont ilni noħlom din il-ġurnata! U ejja Trevor, it kuraġġ oħra u tasal hemm barra! Iżda saqajja kont qed inħosshom wisq tqal u ġismu kien qed jiġbidni lura. Ħassejt idejn il-gwardjan fuq spallti. Ħarist lejh u rajtu jagħmilli mossa ta' kuraġġ. Forsi kulħadd bħali kien jagħmel. Forsi kulħadd kien jibża' xi it wara dawk is-snin kollha hemm ġew. Ħadt nifs profond, poġġejt idi fuq sidri, sellimt lill-gwardjan u bdejt miexi b'mod aktar prattikabbli lejn il-bieb prinċipali. Smajt il-ħoss tal-bieb jinfetaħ b'mod aktar qawwi milli kien suppost. Daħal raġġ ta' dawl minn bejn il-bexqa tal-bieb kbir magħmul minn injam mastizz u oħxon. Bexxaqt għajnejja għax tant kemm kienu draw id-dawl fittizju ta' hawn ġew, li kienu diġà bdew jaħarquni. U ħassejtni liberu. Iva, liberu. Dak il-ħin. Dak il-propju mument qabel ħriġt bilmod 'il barra. U għamilt l-arja. Ersaqt lejn il-bieb u ħriġt hemm barra fix-xemx, inħoss iż-żiffa fietla tas-sajf, tmellisli wiċċi u twennisni. U rajt persuna bilwieqfa tħares lejja eżatt minn quddiem il-kanċell tan-naħa ta' barra. "Jonas?" ħarġitli b'mod sorpriż, hekk kif indunajt li ħija kien ġie għalija! Ħarist lura lejn il-gwardjan li kien għadu jsegwini eżatt mal-kanċell, fetaħuli u reġa' għalqu warajja biż-żaqżiq. Mort inħaffef ngħannaq lil ħija, li dawn l-aħħar sentejn kien reġa' beda jiġi jżurni. Kont għamilt żmien twil, lanqas biss nisma' b'aħbaru. Imma donnu dan l-aħħar kien ħafirli ta' dak li kont wettaqt. "Int ħammiġtilna unurna!" kien akkużani Jonas, meta kien ġie jarani l-ewwel darba. Jonas kien it-tewmi tiegħi. Ħija. L-unika familja li kelli. "Aħfirli Jonas, inti kont miegħi dakinhar. Taf li konna xrobna!" kont krabtlu, qabel kont ġejt eskortat mill-pulizija. U issa kont qed nistħi minnu. Ħija t-tewmi. X'differenza kien hemm bejnietna! Jien kelli xagħri nofsu mwaqqa' bl- inkwiet kollu li kien għadda mingħalija, wiċċi mimli tikmix u linji ta' maturità esaġerata. Kont liebes biċċa flokk iffejdjat u xi it mikul. Qalziet li kien kiber miegħi, leħja mtefa u kont ġejt niexef għuda. Filwaqt li Jonas kien liebes pulit, xagħru mimxut lura b'mod eleganti, b'dehra impekkabbli, wiċċ donnu dak ta' żagħżugħ, ġisem imlaħħam sew u maġenb karozza sabiħa lussuża u skura. Kont qed inħoss il-piż tal-kuxjenza tniggiżni, hekk kif għaffiġt il-basket li kelli mdendel miegħi, taħt idejja b'mod aġitat. "Ġejt għalija?" staqsejtu b'leħen baxx, nipprova ma nħarisx f 'għajnejn ħija. "U ma tafx li niġi għalik. Issa ejja oqgħod għandi fil-bidu sakemm issib xi mkien ieħor. Jien waħdi ngħix," qalli Jonas. U ħadni miegħu d-dar. L-ewwel it jiem ma stajtx nidra l-ħajja normali. Għalkemm kont naf li ma kinitx ħaġa faċli, bdejt nerġa' nfittex xogħol. U wara kont beħsiebni nfittex appartament żgħir. Ħajja ġdida. Libera. Iżda kont qed inħossni xi it imbarazzat minn ħija. Kien iħares lejja b'mod stramb. Ftit diskors. Mill-inqas. Sa dakinhar. Dakinhar li Jonas kien mar lejn ix- xogħol u bħas-soltu kien ħallieni waħdi d-dar. Ħarist barra lejn il-ġnien. U lmaħt l-għeruq tas-siġra l-kbira fil-ġnien ħerġin minn hemm taħt b'mod mhux normali. U kien propju dak il-ħin li ddeċidejt li nirranġalha l-għeruq. Hekk jew hekk, ma kelli xejn x'nagħmel! Sibt pala u bdejt nipprova naqla' it il- ħamrija li kien hemm fil-wiċċ. Wara li kont tellajt ammont ta' ħamrija ġmielha 'l fuq, sibt kaxxa tal-ħadid midfuna hemm taħt. Tgħid din x'kienet? Tħassibt! Kienet imdaqqsa. Ħriġtha. Ftaħtha. Qalbi għamlet tikk. Ġakketta safra. U mazza. Kieku flejtha aħjar, kont ninduna. Kienet imtebba' bid-demm niexef ta' ħamsa u għoxrin sena ilu! U jien... Jien kont servejt is-sentenza ta' ħija! Ħija t-tewmi. Ħija Jonas. Li kien iħarisli b'mod stramb. Min jaf għalfejn hux? U din... Din kienet l-evidenza! IL-ĦADD 8 TA' DIĊEMBRU 2019 • illum

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 December 2019