Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1196487
19 editorjal Prim Ministru ġdid jeħtieġ ... L -2020 jeħtieġ tkun is-sena tal-vera bidla. Bidla mhux biss tan-nies imma b'mod speċjali tas-sistema sħiħa. Naturalment iżda, in-nies li wasslu dan il-pajjiż f 'dan l-għawġ, jeħtieġu illi jitilqu wkoll. Fl-2020 se jkollna Prim Ministru ġdid. Prim Ministru ġdid ma jistax ikun inattiv meta jseħħu affarijiet li mhumiex aċċettabbli, anzi kundannabbli. Prim Ministru ġdid ma jistax jagħlaq għajnejh għar-rgħiba, il-ħażen u l-kriminalità. Għalhekk Prim Ministru ġdid ma jistax iżomm madwaru nies li fetħu kontijiet f 'ġurisdizzjoni maħmuġa u fejn tirrenja s-segretezza, la fil-Grupp Parlamentari u lanqas fil-partit. Prim Ministru ġdid għandu jara li l-Kummissarju tal-Pulizija jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-pajjiż u preferibbilment tal-Parlament kollu, jew tal-inqas żewġ terzi tiegħu, li jerħi minn idejh b'mod assolut il-poteri li għandu fil-ħatriet u promozzjoni tal-ġudikatura u jara wkoll li jitlaq kemm jista' jkun idejh minn fuq ix- xandir nazzjonali. L-argument bażwi ta' , 'għax ħaddieħor m'għamilhiex mela ma nagħmluhiex aħna' jekk qatt kien ireġi, issa żgur li m'għadux. Hemm bżonn ta' inqas Gvern kullimkien, diċentralizzazzjoni assoluta ta' poteri u aktar poter f 'idejn nies ikkwalifikati li jintgħażlu għax kapaċi, mhux għax Laburisti (jew 'il quddiem taħt Gvern tal-PN għax Nazzjonalisti). Jeħtieġ jara illi jkun hemm sistema aktar riġida u stretta ta' min jista' u ma jistax jdħol fl-armata ta' persons of trust u persuni li jkunu madwar u jaħdmu f 'isem Ministri. Fl-awtoritajiet ipoġġi nies ta' kompetenza, mhux nies lagħqa u bla kwalifiki ħlief il-lealtà assoluta u għamja lejn il-partit. Prim Ministru ġdid jeħtieġ iwaqqaf il- proċess li permezz tiegħu l-Partit Laburista reġa' qed jingħalaq fih innifsu u jibni l-ħitan. Partit li llum reġa' qed jinħakem mill-paranoja, rabja u l-mentalità ta' 'min mhux magħna kontra tagħna', mentalità li frankament tkisser u tfarrak parti mil-legat pożittiv ta' Muscat. Din l-idea qiegħda tikber, jiġifieri li Gvern Laburista huwa tal- Laburisti biss. Mhuwiex! Gvern Laburista għandu jkun Gvern ta' kulħadd, b'mod speċjali tal-ħaddiema kollha u ta' dawk kollha ta' rieda tajba. Prim Ministru ġdid hemm bżonn li jara illi l-Gvern ma jsirx negozju li jinsab hemm biex jimla l-but tal-membri tiegħu, biex jiffoxxna u jitħanżer imma biex ikun ta' servizz għal pajjiżu. Prim Ministru ġdid m'għandux għalfejn ikun qaddis miexi fl-art, imma jeħtieġ ikun rett. Bniedem li qiegħed hemm u mdawwar b'nies li qegħdin hemm, biex jagħtu mhux jieħdu. Mhux bħalma kellna f 'dawn l-aħħar snin, nies madwar il-Prim Ministru li taw tliet sptarijiet pubbliċi lil kumpanija li ma nafux ta' min hi, li tajnieha eluf u miljuni, telqet minn pajjiżna u ma żammejna lil ħadd kontabbli. Mhux nies li jmorru pajjiżi bħal-Libja u ma jgħidulniex għaliex, u lanqas jgħidulna x'għamlu u x'qalu f 'isimna. Mhux nies li huma ħbieb tal-qalb u jagħmlu l-business plans ma', potenzjalment assassini, li jiħu kumpaniji Dubaj. Mhux nies li jiħu kumpaniji fil-Panama biex allegatament jgħaddu commissions f 'buthom u ma jħallsux ċenteżmu taxxa. Mhux nies li jmorru jinfurmaw lil xi Gaffarena b'esproprijazzjoni ħalli jdaħħal iktar minn €1 miljun fil-but. Mhux nies li jiffirmaw kuntratt għal taparsi università li la laħqet il-miri u li l-aħħar li konna nafu kienu qed jagħmlu €4.1 miljun f 'telf. Mhux nies li jagħtu l-akbar proġett ta' Gvern lil Yorgen Fenech, biex minnu jsir sinjur hu u min rebħu t-tender u biex jgħaddu $1.7 miljun għal 17 Black, li allegatament kellhom jgħaddu għall-kumpaniji ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. U żgur mhux nies li b'azzjonijiethom u n-nuqqas ta' rġulija tagħhom u fil-ħeġġa biex jaħsdu ħajja, ħammġu u mmalafamaw isem pajjiżna u niżżluh fl-aktar fossa tinten! Il-lista hija twila, imma hija hekk għaliex dan il-pajjiż ilu snin issa jegħreq fil- medjokrità ta' politiċi medjokri li selħu u serqu imma baqgħu popolari għax ferrxu sistema klijentelista li tqażżek. Sistema ta' nepotiżmu sfrenat u aġevolar diżgustanti ta' intitolament. L-istaġun politiku ġdid li wiegħed Muscat ma seħħx. U minkejja l-ġid kollu li għamel u bidliet kbar li wettaq, fil- governanza, meritokrazija, it-trasparenza, l-ambjent u l-ippjanar mhux talli kompla fejn ħallew in-Nazzjonalisti talli għamel bħalhom u agħar minnhom! Prim Ministru ġdid jeħtieġ jagħti t-tama li staġun politku ġdid vera jista' jseħħ, u jibda jwettqu. Jeħtieġ jagħti tama li l-Labour mhuwiex il-PN, miżbugħ aħmar. Imma partit verament soċjalista li jindokra u jwieżen lill-fqir, il-batut, liż-żgħir u lill- ħaddiem. Jekk, taħt id-dell tal-paranoja u wara l-ħitan li bnew ħafna fil-Partit Laburista għax qed iħossuhom inġustament assedjati, id-deċiżjoni fit-12 ta' Jannar tkun kontra l-bidla u favur l-istatus quo ma jkunx biss il-Partit Laburista li jkompli jiżżerżaq 'l isfel imma anke l-pajjiż. illum • IL-ĦADD 29 TA' DIĊEMBRU 2019 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Editur: Albert Gauci Cunningham