Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1197483
14 letteratura IL-ĦADD 5 TA' JANNAR • illum Fl-2012 ippubblikajt ir-rumanz is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi. B'referenza għall-eks-Prim Ministru Dom Mintoff, f 'intervista dwar ir-rumanz ma' Teodor Reljic stqarrejt li "meta ktibt il-ktieb kien kważi bħal donnu kont qiegħed inqiegħed is-sisien għall- ġejjieni immedjat tiegħi." Meta tqis in-narrattiva tar-rumanz u l-ġrajjiet politiċi ta' dawn l-aħħar ġimgħat, x'jgħaddi minn moħħok? Meta stqarrejt dan kelli f 'moħħi ċerti ġrajjiet personali fil-ħajja tiegħi li b'xi mod bħal tbassru fir-rumanz Sriep u mbagħad seħħew fis-snin ta' wara l-pubblikazzjoni. Iżda tista', jekk trid, tara Sriep bħala stqarrija tal-istat li kien jinsab fih il-pajjiż ftit qabel ma bdiet din-narrattiva tal-kriżi nazzjonali li donnha issa qed tmiss il-quċċata. Tista' wkoll ma tara xejn minn dan. Fil-verità narrattiva bħal dik ta' Sriep setgħet ġiet irrakkontata ħafna snin qabel ktibtha jien. Hija storja li tolqot il-qalba tal-identità ta' pajjiżna, u dik ma nħolqitx f 'dawn l-aħħar snin jew bir-rumanz tiegħi. Ilha tinħema minn qabel twelidna. F'bosta episodji fir-rumanz tiddomina l-istmerrija ta' diversi karattri għall-gvernijiet Laburisti tal-imgħoddi. Jispikkaw, fost oħrajn, il- ġudizzji dispreġġjattivi tas- Sur Tabone: "incompetent amateurs... arrogant big mouths, uneducated idiots... Different names, same gang." Dan il-ħaqq illum reġa' sar proverbjali fost bosta attivisti favur Daphne Caruana Galizia. Niġu f 'dan, dan it-tip ta' diskors konna naqrawh spiss fil-kitbiet u fil-kummentarji tal-ġurnalista nfisha. Taħseb li issa l-istorja ġenerali ta' din l-amministrazzjoni, almenu sa ċertu punt, tassew tiġġustifika din il-perċezzjoni? Forsi d-dnubiet imwettqa minn din l-amministrazzjoni jiżbqu bil-kbir lil dawk li twettqu mill-gvernijiet tas- snin sebgħin u tmenin. Biss nagħmilha ċara: b'dan m'iniex qed nimminimizza l-kriżijiet u l-ħwejjeġ koroh li saru dak iż- żmien. Rigward l-istqarrijiet ta' Tabone u ta' Caruana Galizia – dejjem jekk ma tqisx it-ton tagħhom – nemmen li huma korretti mill-perspettiva tal- klassi soċjali tagħhom, għad li għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom. Jekk tqis it-ton tagħhom, imbagħad, dlonk tilmaħ bosta safef ta' preġudizzji li jixħtu dawl ikrah fuq in-nuqqasijiet inerenti tal-messaġġiera nfushom. Bħar-rumanz L-Antipodi, Sriep ikompli jsawwar karattri Maltin mitlufin li jħossuhom skonessi minn kull għamla ta' kuxjenza jew identità Maltija, tant li waslu jħallu l-pajjiż. Chris spiċċa l-Istati Uniti. Noel bħal bosta oħra – fosthom int u żmien ilu anke jien – morna naħdmu mal-istituzzjonijiet tal-UE. Ħuh Simon saħansitra mar l-Indja. Bħal ħafna oħrajn sikwit stqarrejt li das- sentiment trasgressiv ilek tħossu ħafna snin. Taħseb li ser tkompli tikber did-diżillużjoni, l-iżjed fost iż-żgħażagħ? Insibha diffiċli nitkellem dwar iż-żgħażagħ Maltin, kemm għax ili nieqes minn Malta u kemm għax fl-età ta' 46 sena nħossni distakkat mid- dinja tagħhom. Li naf żgur huwa li Malta, minkejja l-boom ekonomiku, xorta mhix toffri wisq iktar opportunitajiet għal ħajja diċenti milli kienet toffri "fi żmieni". Anzi, is-sitwazzjoni kulma jmur qed tiggrava: l-għoli tal-ħajja, il-paga minima, il-prezzijiet tax-xiri u l-kiri tal-proprjetà, il-propaganda kontinwa fuq id-diversi mezzi tax-xandir, il-pressjoni dejjem tiegħla biex in-nies jirnexxu skont il-kejl tan- neoliberaliżmu, il-qerda ambjentali, il-flus dejjem iżjed fiċ-ċentru ta' kollox, politiċi li saru jiġu ċċelebrati bħal allat, iċ-ċiniżmu estrem. Biex ma nsemmix ukoll l-Università li donnha ftit li xejn għamlet progress mis-snin disgħin 'l hawn fir-rigward tal-pjattaformi tal-espressjoni politika u tal-attiviżmu. Nista' nibqa' għaddej. F'intervista oħra ma' Reljic dwar ir-rumanz Trojan osservajt li "Sriep kien dwar il-mewt. Trojan kien dwar għamla ta' traxxendenza." Wara r-rivelazzjonijiet reċenti dwar l-assassinju ta' Caruana Galizia, taħseb li bħala kittieb issa terġa' teħtieġ proċess ġdid ta' traxxendenza? Hu x'inhu, min huma l-Ġanni Muscatijiet ta' żmienna? Huma relevanti f 'dat-taqlib politiku li għaddejin minnu? Bħala kittieb ma neħtieġx biss proċess ġdid ta' traxxendenza, iżda m'iniex biħsiebni nidħol fil-mertu tal-ġejjieni tiegħi. Ġanni Muscat huwa konservattiv estrem li xtaq rivoluzzjoni iżda qatt ma kellu r-rieda jwettaqha. Il- konservativiżmu jieħu diversi xejriet. Lil Ġanni Muscat ma nsibux daqstant rilevanti għat-taqlib politiku tal-lum, l-iżjed meta nqis attitudnijiet konservattivi oħrajn li qed jiġu ppreżentati bħala liberali u progressivi biex imbagħad fil- verità qed joħonqu l-progress Is-sriep u kif negħlbuhom Intervista mal-awtur Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Dejjem kien hemm xi ħaġa tinten fil-politika psewdo progressiva ta' bosta. Ċerti talin li jriduha ta' progressivi għadhom lanqas biss tniffsu dwar is-sitwazzjoni preżenti