Illum previous editions

ILLUM 19 January 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1201980

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 31

I l-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli hi materja li għandha tkun f 'idejn il-Prim Ministru minħabba li tmiss ma' kull qasam tal-politika. Hu interessanti li għal darba oħra r-responsabbiltà politika għall-iżvilupp sostenibbli reġgħet ġiet lura Kastilja, f 'ħoġor il-Ministru Karmenu Abela, li nħatar Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Minis- tru. Sal-lum dan rari seħħ ħlief għall-perjodu qasir li fih Mario Demarco kien Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu u l-Ambjent. Robert Abela mhuwiex l-ewwel Prim Ministru li enfasizza l-ħtieġa li jingħata iktar importanza lill-iżvilupp sostenibbli. Ħadd minnhom, imma, ma rnexxielu! It-terminu "żvilupp sostenibbli" huwa l-iktar wieħed mit-termini fid-dizzjunarju politiku li huma użati ħażin. Il-lingwaġġ politiku użat kważi qatt ma jasal biex ifisser u jispjega li l-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli hi politika li tħares fit-tul: li kontinwament, huma u jittieħdu d-deċiżjonijiet, tagħti kas il-ġenerazzjonijiet futuri. Il-gvernijiet ma jagħtux importanza biżżejjed lill-iżvilupp sostenibbli għax din mhix biss dwar illum imma hi wkoll dwar għada. Hi dwar kif il-ħidma tal-lum teħtieġ li ssir b'mod li ma jkunx ippreġudikat għada u l-ġenerazzjonijiet futuri. Għada min rah? L-interess ta' bosta minnhom iwassal sa ħames snin, jiġifieri sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan hu punt li saħqet dwaru Gro Harlem Brundtland, Norveġiża u soċjalista demokratika li kienet Prim Ministru ta' pajjiżha. Fir-rapport li hi ħejjiet għall- Ġnus Magħquda snin ilu dwar l-ambjent u l-iżvilupp, intitolat Our Common Future, enfasizzat li "Naġixxu b'dan il-mod għax nafu li mhu ser jiġri xejn: il-ġenerazzjonijiet futuri ma jivvutawx; m'għandhomx poter politiku jew finanzjarju; ma jistgħux jeħduha kontra d-deċiżjonijiet tagħna." Il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli mhix biss dwar l-ambjent: hi dwar kif inħarsu b'mod integrat lejn il-politika ambjentali, ekonomika, soċjali u kulturali. Tfisser li l-ħidma tagħna jeħtieġ li tħares fit-tul u li simultanjament trid tkun kompatibbli man-natura, l-ekonomija, l-iżvilupp uman u l-kultura tagħna. L-iżvilupp sostenibbli hu dwar kif nistgħu f 'kull ħin inkunu f 'armonija ma' dak li aħna mdawrin bih. Il-ħin kollu, u mhux biss meta jaqbel. Tirrikjedi s-sinkronizzazzjoni tal-politika kulturali, soċjali, ambjentali u ekonomika. Għax il-ħarsien tad-dinjità umana, l-apprezzament tal-wirt kulturali u l-ħarsien ambjentali huma essenzjali daqs l-iżvilupp ekonomiku. Fil-qafas globali, kif ukoll Ewropew, il- politika dwar l-iżvilupp sostenibbli tfisser ukoll l-implimentazzjoni tal-miri dwar l-iżvilupp sostenibbli approvati mill-Ġnus Magħquda: 17-il mira mfissra f '169 oġġettiv. Din hi l-Aġenda Globali 2030 li dwarha l-Unjoni Ewropea ħadmet ħafna biex tkun maqbula mill-komunità internazzjonali. Filwaqt li l-Aġenda 2030 hi importanti kollha kemm hi, partijiet minnha għandhom importanza ikbar għalina f 'Malta. Ħu, pereżempju, l-immaniġjar tal-ilma. Hu essenzjali li nimu li huwa meħtieġ li r-riżorsa tal-ilma nieħdu ħsiebha sewwa u li l-użu li nagħmlu minnha jkun wieħed sostenibbli. Sfortunatament, sal-lum, l-immaniġjar tal-ilma f 'Malta huwa kkaratterizzat minn doża mhux żgħira ta' inkompetenza. Hemm aċċess kważi bla kontroll għall-ilma tal-pjan filwaqt li kwantità kbira ta' ilma tax-xita jintrema l-baħar: kemm direttament permezz tal-mini li tħaffru għal dan l-iskop kif ukoll permezz tas-sistema tad- drenaġġ. Ir-regoli dwar il-ġbir u l-ħażna tal- ilma tax-xita applikati mill-awtoritajiet għal bini u żvilupp ġdid ħafna drabi mhumiex osservati. L-awtoritajiet it li xejn jagħtu kas. Il-politika dwar it-trasport hi qasam ieħor fejn l-ippjanar li ma jħarisx fit-tul jeħtieġ li jkun sostitwit billi tkun applikata l-politika ta' żvilupp sostenibbli. Il-Pjan Nazzjonali tat- Trasport, li jibqa' fis-seħħ sal-2025, jiġbdilna l-attenzjoni tagħna li nofs il-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati jdumu inqas minn kwarta. Dan jindika li inizjattivi biex ikun imrażżan it-traffiku fuq livell lokali u reġjonali jista' jindirizza b'mod effettiv il-konġestjoni tat- traffiku fit-toroq tagħna bil-vantaġġ doppju ta' titjib fil-kwalità tal-arja fejn din hi l-iktar meħtieġa. Il-Pjan Nazzjonali tat-Trasport jgħidilna f 'dan il-qasam, tul is-snin, it li xejn ħarisna fit-tul. Dan wassal, jgħidilna l-pjan, għal nuqqas ta' direzzjoni strateġika u bħala riżultat ta' dan żviluppajna l-inkapaċità li jkunu indirizzati materji diffiċli bħalma dik li tikkonċerna t-tnaqqis tal-karozzi privati. Min-naħa l-waħda għandna dan il-ħsieb sostenibbli dwar l-ippjanar tat-trasport, imma mbagħad min-naħa l-oħra l-Gvern ġie jaqa' u jqum u għaddej bi programm ta' nfieq sostanzjali fl-infrastruttura tat-toroq bl-iskop li tiżdied il-kapaċità tagħhom u bil-konsegwenza li d-dipendenza tagħna fuq il-karozzi tibqa' tiżdied. Dan kollu żejt fil-bażwa għax ġie ppruvat tul is-snin, bi studji li saru f 'diversi pajjiżi, illi l-iżvilupp tas-sistema tat-toroq ma tnaqqasx il-konġestjoni tat-traffiku, imma sservi biss biex il-problema tkun posposta inkella tiċċaqlaq minn żona għall-oħra. L-affarijiet huma agħar fil-qasam tal- ippjanar għall-użu tal-art. Gvernijiet suċċessivi wrew li ma kinux kapaċi jrażżnu l-iżvilupp esaġerat. B'wiċċ ta' qdusija artifiċjali t-tmexxija politika tiddeskrivi lilha nnifisha bħal ħbieb tan-negozji (business friendly) inkella, kif smajna din il-ġimgħa ħbieb tas-suq (market friendly) u dan biex jippruvaw jiġġustifikaw in-nuqqas ta' azzjoni adegwata. Qalulna li l-industrija tal-bini tant ħolqot impjiegi li qed tikkontribwixxi b'mod effettiv għal titjib fil-kwalità tal-ħajja. Imma, kif bla dubju nafu lkoll, l-industrija tal-kostruzzjoni kienet fuq quddiem nett tkattar il-ħsara lill-pajjiż permezz ta' żvilupp esaġerat bil-pretensjoni li l-ħsara ambjentali kkawżata minnhom nagħmlu tajjeb għaliha aħna, l-bqija. Sfortunatament, ġew mgħejjuna minn gvernijiet suċċessivi li kontinwament fittxew kif jagħmluhielhom iktar faċli biex igawdu l-frott ta' ħidmiethom. L-ippjanar tal-użu tal-art kif ipprattikat f 'pajjiżna mhux sostenibbli u iktar ma jkun imrażżan malajr, ikun aħjar għal kulħadd. In-nuqqas tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli tinħass prattikament fl-oqsma kollha. Jeħtieġ li llum qabel għada nħarsu fit-tul f 'kull deċiżjoni li tittieħed. Kien pass tajjeb, pass 'il quddiem li r-responsabbiltà politika għall-iżvilupp sostenibbli marret lura f 'Kastilja, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Imma dan għandu jkun biss l-ewwel pass. Il-bidu, segwit minn ħafna iktar passi. 16 opinjoni Il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli Carmel Cacopardo Carmel Cacopardo hu ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika IL-ĦADD 19 TA' JANNAR 2020 • illum L-ippjanar tal-użu tal-art kif ipprattikat f'pajjiżna mhux sostenibbli u iktar ma jkun imrażżan malajr, ikun aħjar għal kulħadd

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 January 2020