Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1224114
18 opinjoni IL-ĦADD 22 TA' MARZU 2020 • illum Appoġġ lill-istudenti b'tagħlim online L -iskejjel, childcare centres, kif ukoll l-istituzzjonijiet edukattivi kollha jinsabu magħluqa sas-17 ta' April li ġej bħala miżura ta' prekawzjoni kontra t-tixrid tal-COVID-19. Eqreb lejn id-data tas-17 ta' April 2020 isiru pronun- zjamenti ulterjuri wara konsultazzjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Imma dan l-għeluq la huwa vaganza għall-istudenti u lanqas huwa vaganza għall-edukaturi. L-edukaturi jinsabu impenjati b'diversi mezzi, iżommu kuntatt mal-istudenti biex jgħinuhom ikomplu għaddejjin bl-istudju tagħhom. Wara l-għeluq tal-iskejjel u dawn l-inizjattivi edukattivi li bdew mill-ewwel, il-Grupp ta' Ħidma stabbilit mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kompla jiltaqa' b'mod regolari din il-ġimgħa. Il- grupp huwa magħmul minn rappreżentanti mit-tliet setturi: l-Istat, il-Knisja u l-iskejjel indipendenti, flimkien mal-Malta Union of Teachers (MUT). Il-mandat tal-grupp hu li jesplora metodi ta' tagħlim online matul dan il-perjodu kif ukoll li jesplora l-impatt tas-sitwazzjoni attwali fuq il-kurrikulu. Flimkien ma' dan il-Grupp ta' Ħidma nilqa' bis-sħiħ l-impenn, id-dedikazzjoni u x-xogħol iebes li qed jintwerew minn mijiet ta' edukaturi biex jipprovdu materjal edukattiv lill-istudenti tagħhom bl-użu ta' mezzi online. Dawn l-aħħar jiem urew il-professjonalità qawwija u l-impenn ta' edukaturi fi żminijiet ta' sfida bħal dawn. Wara d-dikjarazzjoni li l-għeluq tal- iskejjel se jkompli sal-vaganzi tal-Għid, il-Grupp ta' Ħidma qed ikompli jħeġġeġ lill-edukaturi biex ikomplu b'dan il- proċess ta' tagħlim online għall-istudenti tagħhom. L-edukaturi jistgħu jitolbu appoġġ f 'dan direttament permezz tal- iskejjel tagħhom jew permezz tas-sit web u tal-linji telefoniċi għall-għajnuna https: // digitalliteracy.skola.edu.mt/. Repożitorju tar-riżorsi edukattivi issa jinsab disponibbli fuq www.curriculum.gov.mt u qed jiġi aġġornat kontinwament. Il-Grupp ta' Ħidma issa qed jirrakkomanda l-linji gwida oħra għall- edukaturi u għall-iskejjel. L-edukaturi huma mħeġġa jsibu l-aħjar mod li jaħdem għalihom biex jikkomunikaw mal-istudenti tagħhom. Dan jista' jsir permezz tal-appoġġ tal- iskola tagħhom u/jew, jekk ikun meħtieġ, permezz tal-appoġġ disponibbli fuq https: // digitalliteracy.skola.edu.mt/ L-edukaturi huma mħeġġa jikkollaboraw flimkien u mal-iskola tagħhom biex jippermettu l-ġbir flimkien tar-riżorsi għall-benefiċċju ta' kulħadd. www. curriculm.gov.mt hu għodda ta' valur għal riżorsi disponibbli għall-edukaturi kollha u li fihom l-għalliema kollha jistgħu jikkontribwixxu. L-edukaturi għandhom jippjanaw il-komunikazzjoni u t-tixrid ta' materjal edukattiv b'mod li hu realistiku għalihom stess kif ukoll għall-istudenti tagħhom. Huma għandhom jippruvaw ikopru l-aktar partijiet importanti tas-sillabi rilevanti tagħhom b'mod li jqis il-fatt li l-għeluq tal- iskola jista' jkopri perjodu estiż. L-edukaturi jistgħu jserrħu rashom li hemm għarfien li bħalissa żgur mhuwiex business as usual u strateġiji biex jiġi mitigat l-impatt fuq il- kurrikulu qed jiġu diskussi. F'dan il-kuntest, qed jiġu mħeġġa li jibagħtu materjal gradwalment sabiex ma jkunx hemm wisq materjal għall-istudenti f 'ħin wieħed, u biex ikun żgurat li l-edukaturi jistgħu jaħdmu b'mod realistiku minħabba li jkunu qed jaħdmu f 'ċirkustanzi eċċezzjonali mid-dar. L-edukaturi huma mħeġġa jagħtu feedback lill-istudenti fir-rigward ta' kwalunkwe kompitu li jkun ġie ppreżentat. Madanakollu, il-grupp hu konxju li mhuwiex realistiku li wieħed jistenna li l-edukaturi jikkoreġu l-ħidma kollha li l-istudenti jistgħu jwettqu minn ġewwa djarhom matul dan il-perjodu. Għandu jinstab bilanċ minn kull edukatur f 'dan ir-rigward li fih jingħata feedback lill- istudenti b'mod realistiku. Il-grupp qed jitlob għall-appoġġ tal-ġenituri li jafdaw fil-professjonalità tal-edukaturi. L-użu ta' mudell ta' tweġibiet u skemi ta' marki, speċjalment għal studenti kbar fl-età, jista' jkun għodda ta' valur biex l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni huma stess ta' xogħolhom. F'dan ir-rigward, it- taqsima Exam Papers fuq www.curriculum. gov.mt tipprovdi ammont kbir ta' karti tal-passat u skemi ta' marki għall-eżamijiet nazzjonali annwali tal-iskejjel Statali. Dawn huma disponibbli b'xejn għall-istudenti kollha mis-setturi kollha. Il- MATSEC Unit se tkun qed ittella' wkoll għadd ta' skemi ta' mmarkar disponibbli għal numru ta' suġġetti tas-SEC. Din ir-riżorsa hi disponibbli mingħajr ħlas flimkien ma' karti tal-eżami tal-passat fuq is-sit web tal- MATSEC: https: //www.um.edu.mt/matsec/ pastpapers/ L-edukaturi għandhom jiżguraw li l-komunikazzjoni kollha mal-istudenti ssir fi ħdan il-parametri ċari tal-etika professjonali u s-salvagwardja tal-istudenti u l-edukaturi nfushom. Limiti professjonali ċari għandhom dejjem jinżammu. Il-Grupp ta' Ħidma se jkompli jappoġġja lill- edukaturi f 'dan ir-rigward. Fir-rigward tal-eżamijiet annwali, il-Benchmark, l-eżamijiet tas-SEC u l-eżamijiet ta' Matrikola f 'livell Avvanzat u Intermedjarju, il-Grupp ta' Ħidma qed jiddiskuti xenarji possibbli li jqisu s-sitwazzjoni attwali. Qed isiru wkoll diskussjonijiet mal-bord tal-MATSEC. F'dan l-istadju l-edukaturi huma mħeġġa jkomplu jagħtu appoġġ lill-istudenti tagħhom. Iktar 'il quddiem ser tingħata direzzjoni ċara lill-edukaturi, lill-istudenti u lill-ġenituri mill-bord tal-eżamijiet rispettivi, partikolarment il-MATSEC. Ningħaqad mill-ġdid mal-Grupp ta' Ħidma u nirringrazzja b'mod sinċier lill- edukaturi kollha għall-mod eżemplari li qed juru waqt l-isfida ta' din is-sitwazzjoni bla preċedent. Nixtiequ nesprimu l-apprezzament tagħna lill-istaff tal-IT li tant qed jagħti sapport sabiex isir dan it-tagħlim diġitali kif ukoll lill-ħaddiema tal-manutenzjoni u tat-tindif li tant qed jaħdmu sabiex ilestu l-iskejjel għal meta l-istudenti u l-edukaturi jidħlu lura. Nirringrazzjaw ukoll lill-ġenituri u lill- kustodji għall-koperazzjoni tagħhom u għall-mod kif ħafna qed jappoġġaw lit-tfal tagħhom waqt li jkunu f 'darhom. Ringrazzjament ukoll lill-istudenti kollha. Minkejja li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, ħafna studenti qed jiffukaw fuq l-edukazzjoni tagħhom u qed jikkoperaw bis-sħiħ biex dawn is-sistemi ta' tagħlim online ikunu suċċess. Matul dan il-perjodu diffiċli, is-settur tal-edukazzjoni qed juri professjonalità u impenn eżemplari billi qed naħdmu flimkien biex negħlbu sitwazzjoni diffiċli bħal din. Il-Grupp ta' Ħidma huwa impenjat li jkompli jaħdem biex jiżgura li dan ikompli fil-ġimgħat li ġejjin. Owen Bonnici huwa l-ministru għall-edukazzjoni u x-xogħol Owen Bonnici