Illum previous editions

ILLUM 5 April 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1231014

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 23

14 letteratura IL-ĦADD 5 TA' APRIL 2020 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Hawn ġa konna, eċċetera eċċetera Hawn ġa konna. Mill-ġdid, hemm spettru bħalissa jitmiereħ fl-Ewropa. Anzi fid-dinja. Mhuwiex dak tal- Komuniżmu ta' Marx li mingħandu għadni kif bħal bramt dina l-frażi. Mhuwiex l-ispettru tal-Pesta Antonina jew tal-Pesta ta' Ġustinjanu. Lanqas mhu dak tal-Mewt is-Sewda jew tal-Influwenza Spanjola. Mhuwiex sewwasew lanqas – taraw xejn – l-imxija tal-Virus Corona. Fis-sew huwa l-ispettru tad-Déjà Vu. Ir-ritorn dejjiemi. Dika l-eċċetera eċċetera. Ir-ritorn dejjiemi tul is-snin Fil-letteratura tagħna dan il-vulkan antikissmu rieqed tar-ritorn dejjiemi kien reġa' żbroffa – lura kmieni fis- snin sebgħin – fl-inkonxju poetiku ta' Achille Mizzi. Jgħidilna li t-theżżiż wasal s'għandu bħal lehma għal għarrieda permezz tat-tqanqil mill-inkonxju kollettiv skont Jung, iżda dawn il-ħwejjeġ kienu donnhom ġa magħrufa sewwa sa "mas-sejħa tat-tnabar / mid-diwi tal- ibgħad żminijiet". Fost oħrajn, il-filosfu Stojku u imperatur Ruman Marku Awrelju – matul il-Pesta Antonina – kien ġa wissiena dwar l-implikazzjonijiet possibbli ta' dan l-għerf fil-ktieb tiegħu Meditazzjonijiet: "Dejjem żomm f 'moħħok li dan diġà ġara qabel. U għad jerġa' jiġri – l-istess storja mill-bidu sal- aħħar [...]. Ġibhom f 'moħħok kif tafhom mill-esperjenza jew mill-istorja: il-qorti t'Adrijanu, t'Antoninu, il-qrati ta' Filippu, t'Alessandru, ta' Kresu. Kollha l-istess. In- nies biss mhumiex." Fl-istorja tal-ħsieb dad-dikosrs intqalilna qabel bosta drabi, għad illi – u importanti li dan inżommuh f 'moħħna – spiss b'interpretazzjonijiet u b'implikazzjonijiet differenti. Hu x'inhu, donnu saħansitra dan l-intwitu tar-ritorn dejjiemi baqa' jirritorna, biex ngħidu hekk, epoka wara epoka tul firxa wiesgħa ta' kulturi u skejjel ta' ħsieb distinti. Qabel Awrelju fil-Punent konna diġà ngħatajna ħjiel dwar dan fiż-żminijiet tal-Greċja tal-Qedem, fost oħrajn mill- Epikurjani. Ktieb Qohelet tat-Testment il-Qadim, mill-banda l-oħra, jiftaħ kważi mill-bidu nett bil-premessa li "dak li kien jerġa' jkun, u dak li sar jerġa' jsir; xejn mhu ġdid taħt ix-xemx". Fl-Orjent, fit-tradizzjonijiet Buddisti u Ħinduwisti din in-nozzjoni qabdet fuq li qabdet u welldet id-duttrina li ż-żmien mhuwiex fenomenu lineari iżda ċikliku. Lura fil- Punent dan il-kunċett bħal donnu sab il-milja tiegħu – almenu speċifikament fid-dimensjoni tal-etika iżjed milli f 'dik tal-metafiżika – fis-seklu 19 mal-miġja ta' Friedrich Nietzsche, qabelxejn fil-poema filosofika Hekka Tħaddet Zarathustra u mbagħad iżjed tard b'iżjed qawwa fil- ktieb L-Għarfien Ferrieħi. L-inkonxju kollettiv skont Carl Jung It-tennija dejjiema tal-istess ġrajjiet li jibqgħu jseħħu matul l-istorja ħadet xejra ferm iżjed profonda u vasta ftit deċenji iżjed tard fil-viżjoni kollettiva li ntrat min-nuċċali ta' Carl Jung – il- punt ta' riferiment ewlieni li jnebbaħ dawn il-mumenti ewreka fil-poeżija ferm kospikwa t'Achille Mizzi Déjà Vu. Tul dawn il-versi l-poeta – bħala individwu wieħed finit illi jgħix fis-seklu 20 – iseħħlu jiġi wiċċ imb wiċċ ma' kull ritorn dejjiemi mgħejux fiż-żmien, sewwasew ma' kwalunkwe esperjenza qatt imġarrba – fl-imgħoddi għal darba tnejn tlieta mal-miġra tas-sekli – mill-ispeċi umana kollha fl-intier tagħha. Hawnhekk naraw lil Mizzi jterraq, tul l-iżmna minn lok għal ieħor u minn ġrajja għal oħra – mill-għerien t'Altamira sal-quċċata tal- Golgota – fil-qigħan nett tal-inkonxju kollettiv tal-bnedminija kollha kemm hi filwaqt li kulma jmur jissokta jiġma' fih diversi kategoriji konjittivi, eżistenzjali, esperjenzjali u l-bqija, huwa u jinbidel minn arketip uman maġġuri għal ieħor f 'taqtigħa wara oħra. Immaġni bħal din ma tistax ma tfakkrekx fit-tmiem tal- poeżija bikrija Ars Artium: "arani qisni ġolf bejn art u sema / nitqatel mal-allat". Fil-poeżija Il-Kantiku tad-Demm jilmaħ it-traċċi perenni ta' dan kollu fis-simbolu universali tad-demm: "Fid-demm jintirtu ż-żrieragħ tal-bniedem. [...] Fid-demm l-uħux u l-allat. Fid-demm l-imgħoddi u li ġej". Minn xi daqqiet bl-istess mod, fis-saġġ tiegħu L-Arketipi u l-Inkonxju Kollettiv Jung jispjega t-tfassil tal-arketipi bħala proċess ta' ritorn dejjiemi ta' ċerti tendenzi rikurrenti fil-ħsieb, fil-ħsus u fl-għemil illi jibqgħu jintirtu u jiġġeddu maż-żmien sabiex isawru l-patrimonju arkajku tal-psike inkonxja kollettiva. "Hemm arketipi daqs kemm hemm sitwazzjonijiet differenti fil-ħajja, kiteb Jung. "It-titnija bla hedu naqqxet dawn l-esperjenzi fil-kostituzzjoni psikika tagħna". Il-kritiku letterarju Dr Bernard Micallef fi studju kritiku notevoli dwar il- poeta jinkwadra l-immaġinarju poetiku ta' Achille Mizzi sewwasew f 'dan l-isfond wiesa': "il-preżenza tal-individwu f 'kull parti tal-istorja umana, f 'kull tiġrib u f 'kull burdata f 'Déjà Vu, tindika li l-individwu huwa memorja akkumulata. Hu biċċiet ta' umanità li ltqagħu fil- preżent permezz tal-eżistenza tiegħu. Il-kwalità ta' esperjenzi msemmija tissuġġerixxi li ma hemmx konfini għall- individwu, bħalma għal Jung l-inkonxju kollettiv jindika li ma hemmx fruntiera ċara fejn tispiċċa l-umanità u jibda l-individwu". "Ġerrej maħrub u għajjien / jien / niġġerra fix-xgħari taż-żmien", reġa' fakkarna ftit snin qabel fil-poeżija Ir-Rikkieb ta' Billejl. Hawn ġa kont Għaldaqstant tul il-poeżija Déjà Vu Mizzi jtenni għal t'apposta l-frażi (hawnhekk/hawn) "ġa kont" xejn inqas minn tmien darbiet. Qabelxejn, fil- bidu kien "fl-għerien t'Altamira". Ma' Mosè darab il-blat bl-għasluġ. Sejjes il-piramidi ma' Keops. Intasab fuq il- portiku tal-Partenon. Safa' mwebbes ġebla fil-lava f 'Pompej, "pastur ibbalzmat ġo mużew". Man-Nazzarenu lefaq il- Lamma Sabaktani. Mar jissaffa ġo fonti Biżantin. Qagħad jixtarr il-ħaxix ma' San Franġisk t'Assisi. Kien Mandarin Ċiniż "imkebbes ġo pagoda fanal tal-karti". Mal-prinċep Siddhārtha Gautama ħareġ jimraħ fix-xagħri jixxiegħel ma' xaħmet l-art. "Fil-bitħa mkenna ta' Medina" qara l-Quran. Farfar it-tron ta' Kublai Khan b'denb il-pagun. Imbagħad stenbaħ "fi driegħ David ta' Michelangelo". Ma' Girolamo Savonarola xwewh fuq il-ħatab. Xeħtuh il-ħabs ma' Galileo Galilei. Sa ġie tturufnat ma' Jean-Jacques Rousseau u Voltaire. Ma' George Bernard Shaw, Friedrich Nietzsche u Sigmund Freud baqgħu baqgħu sa m'għaddew anke lilu b'miġnun. Bata wkoll iż-żewġ gwerer dinjija, l-ewwel imtertaq fis-Somme u fil-Marne, wara miġwieħ f 'Dachau. Biex tgħaxxaqha mbagħad tnixxef qoxqox "bil-blast ta' Hiroxima". Safrattant ġa kien għex ta' wild il-bniedem bhima "f 'dinjiet oħra fejn dalam". Terġa', għex ukoll diġà "f 'oħrajn fejn għad jisbaħ". Anke hemmhekk kien diġà. Eċċetera eċċetera. Eċċetera eċċetera Fid-dinjiet l-oħra li għada pitgħada għad iżerqnu, iwissina lkoll bis- sod Achille Mizzi – bħal leħen divin jidwi mill-bogħod iżda fil-qrib, minn kullimkien u minn imkien – xorta ser ikun hemm daqsinsew bħal qabel ir- ritorn dejjiemi, u għaldaqstant immela wkoll id-Déjà Vu. Anke hemmhekk, għad trid terġa' għal darb'oħra mill-ġdid "tibda l-istorja "t'Altamira, / ta' Mose, ta' Keops eċċetera eċċetera". Il-kelma "eċċetera" – li terġa' u tgħid Mizzi hawnhekk itenniha darbtejn – primavista s-soltu għandu mnejn is-soltu qajla ssibha tingħadd mal- vokaboli poetiċi. Madanakollu ngħid Achille Mizzi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 April 2020